"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Qafas ta' governanza ekonomika

Il-governanza ekonomika hija pilastru ewlieni tal-unjoni ekonomika u monetarja. Hija għandha l-għan li tidentifika u tikkoreġi l-iżbilanċi ekonomiċi li jistgħu jdgħajfu l-ekonomiji nazzjonali jew jaffettwaw pajjiżi oħra tal-UE permezz ta' effetti kollaterali transfruntieri.

X'inhu l-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE?

Qabel l-introduzzjoni tal-euro, l-UE stabbiliet l-arkitettura ta' unjoni ekonomika u monetarja permezz tat-Trattat ta' Maastricht fl-1992.

Il-qafas tal-governanza ekonomika jirreferi għal sistema ta' istituzzjonijiet u proċeduri li l-UE stabbiliet biex tikkoordina l-politiki ekonomiċi tal-istati membri u biex tikseb l-objettivi ekonomiċi tagħha. Il-qafas jinkludi sistema elaborata ta' koordinazzjoni u sorveljanza tal-politika. Huwa jistrieħ fuq il-prinċipji tal-monitoraġġ, il-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta' xejriet ekonomiċi li jistgħu jdgħajfu l-ekonomiji tal-istati membri individwali jew jikkawżaw effetti kollaterali fuq ekonomiji oħra.

Koordinazzjoni u sorveljanza effettivi tal-politika ekonomika madwar l-UE joffru tliet benefiċċji prinċipali.

Tliet munzelli ta' muniti f'ċirku ta' stilel bi vleġġa li tipponta 'l fuq.

Jiżgura s-solidità u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fuq perjodu medju u twil għall-istati membri kollha

Ċart b'bars li jiżdiedu fid-daqs u werqa fuqhom.

Jippromwovi t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-konverġenza

Dokument b'marki ta' verifika.

Jindirizza l-iżbilanċi makroekonomiċi, appoġġat minn riformi u investimenti biex jissaħħu t-tkabbir u r-reżiljenza

Flimkien mal-munita unika fiż-żona tal-euro u l-politika monetarja unika assoċjata magħha, il-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE ta kontribut għall-istabbiltà ekonomika, it-tkabbir u aktar impjiegi.

Riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika

Mit-Trattat ta' Maastricht 'l hawn, il-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE evolva gradwalment. Ir-riformi ġew implimentati b'reazzjoni għall-kriżijiet ekonomiċi bħall-kriżi finanzjarja globali tal-2008.

L-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna qed joħolqu sfidi ġodda għall-ekonomija tal-UE, f'kuntest ta' livelli ogħla ta' dejn u rati tal-imgħax u għanijiet ġodda ta' investiment u riforma. Il-qafas attwali wera wkoll li huwa riġidu wisq fi żminijiet diffiċli, bir-riżultat li l-konformità tal-istati membri mar-regoli ma tkunx uniformi.

Għalhekk, l-UE aġġornat aktar il-qafas tal-governanza ekonomika tagħha biex tagħmlu adattat għall-futur. Fid-29 ta' April 2024, il-Kunsill adotta l-pakkett ta' leġiżlazzjoni li jirriforma l-qafas ta' governanza ekonomika u fiskali tal-UE. Ir-regoli l-ġodda daħlu fis-seħħ fit-30 ta' April 2024.

L-objettivi ewlenin tar-riforma huma:

  • l-iżgurar ta' finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli
  • il-promozzjoni tat-tkabbir permezz ta' riformi u investimenti

Ir-regoli l-ġodda għandhom ukoll l-għan li jikkontribwixxu għall-prijoritajiet tal-UE li tibni futur diġitali, ekoloġiku u aktar reżiljenti filwaqt li ssaħħaħ l-appoġġ għall-kompetittività u l-awtonomija strateġika tagħha.

X'inhuma r-regoli?

Il-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE jistrieħ fuq diversi settijiet ta' regoli.

Grafika

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE)

Jistabbilixxi valuri referenzjarji għal-livelli tad-defiċit tal-gvern u tad-dejn pubbliku.

3% għall-proporzjon ippjanat jew attwali tad-defiċit tal-gvern imqabbel mal-prodott domestiku gross (PDG) bil-prezzijiet tas-suq. 60% għall-proporzjon tad-dejn tal-gvern imqabbel mal-PDG bil-prezzijiet tas-suq.

 lenti

Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST)

Huwa jiddefinixxi r-regoli għall-monitoraġġ u l-koordinazzjoni tal-politika fiskali u ekonomika nazzjonali.

Il-PST fih kemm regoli preventivi kif ukoll regoli korrettivi. Il-PST japplika għall-istati membri kollha tal-UE, iżda l-pajjiżi taż-żona tal-euro biss jistgħu jkunu soġġetti għas-sanzjonijiet fil-"parti korrettiva".

Skala

Is-six-pack u t-two-pack



Regolamenti li jsaħħu s-sorveljanza baġitarja u joħolqu l-proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku biex jiżguraw is-sorveljanza tal-iżbilanċi li jfeġġu barra mill-politiki fiskali.

Prevenzjoni

Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST) fih qafas tal-governanza fiskali, magħruf ukoll bħala l-"parti preventiva". Il-parti preventiva għandha l-għan li tiżgura finanzi pubbliċi sodi u bilanċ tal-pagamenti sostenibbli u tevita defiċits tal-gvern eċċessivi.

Fl-eżerċizzju annwali tas-Semestru Ewropew, l-UE u l-istati membri tagħha jwettqu parti kbira mill-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u fiskali tagħhom fil-prattika, u jallinjawhom mar-regoli maqbula fil-livell tal-UE.

Kull sena kull stat membru jirċievi gwida mill-Kunsill dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali tiegħu. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi inizjalment jiġu proposti mill-Kummissjoni u mbagħad jiġu analizzati u diskussi mill-esperti tal-istati membri, maqbula mill-ministri għall-ekonomija u l-finanzi tal-UE, qabel ma jiġu diskussi mill-kapijiet ta' stat u ta' gvern tal-UE fil-Kunsill Ewropew u mbagħad jiġu adottati formalment mill-Kunsill.

Ir-riforma maqbula tintroduċi approċċ imfassal apposta għal kull stat membru, filwaqt li tqis il-pożizzjonijiet fiskali differenti, il-livelli tad-dejn pubbliku u l-isfidi ekonomiċi madwar l-UE. Fl-istess ħin, tiżgura tnaqqis ġenerali fil-proporzjonijiet tad-dejn u d-defiċits għal livelli prudenti b'mod gradwali, realistiku u li jiffavorixxi t-tkabbir. Tiżgura wkoll sorveljanza multilaterali effettiva.

Trajettorja referenzjarja

Il-Kummissjoni tibgħat trajettorja referenzjarja differenzjata u bbażata fuq ir-riskju, espressa f'termini ta' nefqa netta pluriennali, lill-istati membri f'każijiet fejn id-defiċit u d-dejn tal-gvern jaqbżu l-valuri referenzjarji ta' 3% u 60% tal-PDG rispettivament. L-istati membri li huma konformi mal-valuri referenzjarji jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni informazzjoni teknika dwar il-bilanċ strutturali primarju meħtieġ biex jiġi żgurat li d-defiċit nominali tagħhom jinżamm taħt it-3% tal-PDG.

It-trajettorja tiżgura li, wara perjodu ta' aġġustament fiskali, id-dejn tal-gvern tal-istati membri jkun fuq trajettorja ta' tnaqqis plawżibbli jew jibqa' f'livelli prudenti taħt is-60% tal-PDG fuq żmien medju. Barra minn hekk, għandha l-għan li tiżgura li kwalunkwe defiċit tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt it-3% tal-PDG.

Il-perjodu standard ta' aġġustament fiskali huwa ta' erba' snin. Madankollu, l-istati membri jistgħu jitolbu perjodu itwal ta' aġġustament sa seba' snin. Din l-estensjoni hija permessa jekk l-istat membru inkwistjoni jwettaq riformi u investimenti li jtejbu r-reżiljenza u l-potenzjal tat-tkabbir, jappoġġaw is-sostenibbiltà fiskali u jindirizzaw prijoritajiet komuni tal-UE, bħat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, is-sigurtà tal-enerġija jew it-tisħiħ tal-mezzi ta' difiża.

It-trajettorja referenzjarja għandha tikkonforma ma' żewġ salvagwardji:

  • is-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn
  • is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit

Is-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn tiżgura li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern jonqos b'medja annwali minima ta' 1% tal-PDG sakemm il-proporzjon tad-dejn tal-istat membru jaqbeż id-90%, jew ta' 0.5% tal-PDG sakemm il-proporzjon tad-dejn tal-istat membru jibqa' bejn 60% u 90%. Din is-salvagwardja ma tapplikax għal pajjiżi bi proporzjon tad-dejn ta' inqas minn 60%. L-għan tagħha huwa li tnaqqas il-proporzjonijiet tad-dejn għal livelli prudenti b'mod gradwali u realistiku.

Is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit tipprovdi marġni ta' sikurezza taħt il-valur referenzjarju tad-defiċit skont it-Trattat ta' 3%. L-għan tagħha huwa li l-baġits nazzjonali jibqgħu validi fil-futur billi jinħolqu buffers fiskali.

Pjanijiet fiskali strutturali nazzjonali ta' żmien medju

Fl-ambitu tal-qafas il-ġdid, kull stat membru iħejji pjan strutturali fiskali ta' żmien medju, li jkopri erba' jew ħames snin. Dan il-pjan fih l-impenji fiskali, ta' riforma u ta' investiment tiegħu, u jikkontribwixxi biex jiżgura tnaqqis konsistenti u gradwali tad-dejn u jippromwovi tkabbir sostenibbli u inklużiv.

Abbażi tat-trajettorja referenzjarja jew tal-informazzjoni teknika tagħhom, l-istati membri jinkorporaw il-perkors ta' aġġustament fiskali tagħhom, espress bħala perkors tan-nefqa netta, fil-pjan strutturali fiskali nazzjonali tagħhom ta' żmien medju.

Dawn il-pjanijiet u l-perkorsi tan-nefqa netta jridu jiġu approvati mill-Kunsill, wara valutazzjoni mill-Kummissjoni. Jekk stat membru jitlob estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament, is-sett ta' impenji ta' riforma u investiment li jirfdu dik l-estensjoni jrid jiġi approvat ukoll mill-Kunsill.

Jekk il-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta' żmien medju ta' stat membru ma jikkonformax mar-rekwiżiti, il-Kunsill jirrakkomanda li l-istat membru jippreżenta pjan rivedut.

Il-Kummissjoni tuża kont ta' kontroll biex timmonitorja d-devjazzjonijiet kumulattivi 'l fuq u 'l isfel tal-istati membri mill-perkorsi tan-nefqa netta miftiehma tagħhom.

Indikatur tan-nefqa netta

Sabiex jiġi ssimplifikat il-qafas fiskali tal-UE u tiżdied it-trasparenza, indikatur operazzjonali uniku ankrat fis-sostenibbiltà tad-dejn iservi bħala bażi għall-istabbiliment tal-perkors tan-nefqa netta u għat-twettiq ta' sorveljanza fiskali annwali għal kull stat membru: l-indikatur tan-nefqa netta.

Dan huwa bbażat fuq in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali, jiġifieri n-nefqa bl-esklużjoni ta' miżuri ta' dħul diskrezzjonarji, in-nefqa fuq l-imgħax, in-nefqa ċiklika fuq il-qgħad, in-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-UE, u n-nefqa fuq programmi tal-UE korrisposti bis-sħiħ mid-dħul mill-fondi tal-UE.

L-indikatur tan-nefqa netta jippermetti l-istabbilizzazzjoni makroekonomika peress li mhijiex affettwata mill-istabbilizzaturi awtomatiċi, inkluż il-fluttwazzjonijiet fid-dħul u n-nefqa barra mill-kontroll dirett tal-gvern.

Rapport annwali tal-progress

Il-qafas il-ġdid introduċa rapport ta' progress annwali, fejn kull stat membru jipprovdi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-pjan fiskali strutturali nazzjonali tiegħu ta' żmien medju, inkluż il-perkors tan-nefqa netta, kif ukoll il-progress fir-rigward tar-riformi u l-investimenti.

Klawżola liberatorja

Ir-regoli jipprevedu l-possibbiltà li tiġi attivata klawżola liberatorja ġenerali, u b'hekk jiġu sospiżi r-regoli għall-istati membri kollha f'każ ta' tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku fiż-żona tal-euro jew fl-UE kollha kemm hi, dment li jekk dan isir ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fi żmien medju. L-attivazzjoni tal-klawżola għandha limitu ta' żmien ta' sena, iżda dan jista' jiġi estiż.

Skont ir-regoli l-ġodda, klawżola liberatorja nazzjonali tista' tiġi attivata mill-Kunsill jekk dan jintalab minn stat membru u jiġi rrakkomandat mill-Kummissjoni. Dan jissospendi r-regoli għall-istat membru kkonċernat biss, f'każ li ċirkostanzi eċċezzjonali barra mill-kontroll ta' dak l-istat membru jkollhom impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi tiegħu. Din il-klawżola tiġi attivata biss jekk dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fi żmien medju, u l-Kunsill jispeċifika limitu ta' żmien għall-perjodu ta' attivazzjoni tagħha.

Fit-8 ta' Lulju 2025, il-Kunsill attiva l-klawżola liberatorja nazzjonali għal 15-il stat membru: il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Greċja, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Ungerija. Fl-10 ta' Ottubru 2025, il-Kunsill attiva wkoll il-klawżola għall-Ġermanja.

L-għan huwa li tiġi megħjuna t-tranżizzjoni tagħhom lejn infiq ogħla fid-difiża fil-livell nazzjonali filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn.

Infurzar

L-istati membri għandhom jevitaw defiċits u djun tal-gvern eċċessivi, f'konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (l-Artikolu 126(1) TFUE). Fil-prattika, dan ifisser li l-istati membri ma għandhomx jaqbżu l-valuri referenzjarji tal-proporzjon tad-defiċit ta' 3% u l-proporzjon tad-dejn ta' 60%.

Ir-regoli għall-infurzar f'dan il-qasam huma mniżżla fil-parti korrettiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Dawn ir-regoli għandhom jissaħħu taħt il-qafas il-ġdid tal-governanza ekonomika.

Proċedura ta' defiċit eċċessiv

L-objettiv tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (PDE) huwa li tiġi żgurata dixxiplina baġitarja. Din għandha l-għan li:

  • tiskoraġġixxi d-defiċits eċċessivi tal-gvern u, jekk iseħħu, tinkoraġġixxi l-korrezzjoni rapida tagħhom
  • gradwalment tnaqqas id-dejn b'mod sostenibbli, sakemm id-dejn jinġieb taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 60% tal-PDG

Il-PDE fuq il-bażi tal-kriterju tad-defiċit tesiġi aġġustament strutturali annwali minimu ta' 0.5% tal-PDG. In-nuqqas ta' konformità jista' jirriżulta f'multi sa 0.05% tal-PDG, u jkollu jitħallas mill-istat membru kkonċernat kull sitt xhur sakemm il-Kunsill jikkonferma li ttieħdet azzjoni effettiva. Il-Kummissjoni tikkunsidra li tibda PDE bbażata fuq id-defiċit jekk il-proporzjon tad-defiċit tal-gvern għall-PDG jaqbeż il-valur referenzjarju ta' 3%.

Skont ir-regoli l-ġodda, l-enfasi tal-PDE bbażata fuq id-dejn hija fuq it-tluq mill-perkors tan-nefqa netta. Dan ifisser li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern mal-PDG jitqies li qed jonqos biżżejjed u li qed joqrob lejn il-valur referenzjarju b'pass sodisfaċenti jekk l-istat membru kkonċernat jirrispetta l-perkors tan-nefqa netta tiegħu. Il-Kummissjoni tikkunsidra li tibda l-PDE bbażata fuq id-dejn jekk id-devjazzjonijiet irreġistrati fil-kont ta' kontroll tal-istat membru jaqbżu jew 0.3% tal-PDG fis-sena jew 0.6% tal-PDG b'mod kumulattiv.

Meta jevalwaw il-konformità ta' stat membru mal-kriterji tad-defiċit u/jew tad-dejn, il-Kunsill u l-Kummissjoni jivvalutaw diversi fatturi rilevanti. Dawn jinkludu:

  • is-severità tad-devjazzjoni
  • il-progress fl-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti
  • il-livell tal-isfida b'rabta mad-dejn pubbliku
  • żieda fin-nefqa fuq id-difiża (jekk applikabbli)

Il-Kummissjoni tevalwa regolarment jekk tkunx ittieħdet azzjoni effettiva mill-gvern ikkonċernat, u toħroġ rakkomandazzjoni lill-Kunsill. Imbagħad f'idejn il-Kunsill li jiddeċiedi jekk is-sanzjonijiet jistgħux jintemmu, jew jekk għandhomx ikomplu u/jew jiġu intensifikati.

L-aħħar reviżjoni: 10 ta' Ottubru 2025