"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Proċedura ta' defiċit eċċessiv

Il-proċedura ta' defiċit eċċessiv għandha l-għan li tiżgura li l-istati membri kollha jżommu dejn tal-gvern baxx jew inaqqsu d-dejn għoli għal livelli sostenibbli.

X'inhi l-proċedura ta' defiċit eċċessiv?

Il-proċedura ta' defiċit eċċessiv (PDE) hija mekkaniżmu mfassal biex jiżgura li l-istati membri tal-UE jerġgħu lura għal baġits tal-gvernijiet tagħhom jew iżommu dixxiplina fihom.

Il-politiki ekonomiċi u baġitarji huma importanti ħafna għall-istati membri. Huma jqisuhom bħala kwistjoni ta' tħassib komuni. Biex jillimitaw id-defiċit u d-dejn tal-gvern, l-istati membri qablu dwar valuri referenzjarji, li stabbilew fit-trattati tal-UE: proporzjon tad-defiċit ta' 3% u proporzjon tad-dejn ta' 60%. Il-proporzjonijiet dejjem jiġu kkalkulati b'mod relattiv għall-PDG ta' stat membru.

Il-valuri referenzjarji huma:

L-istati membri kollha għandhom jevitaw illi jaqbżu dawn il-valuri referenzjarji. Iridu jevitaw li jkollhom defiċits eċċessivi tal-gvern u jeħtieġ li jnaqqsu d-dejn eċċessiv.

L-għan tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv huwa li tiskoraġġixxi defiċits eċċessivi tal-gvern u, jekk dawn iseħħu, tħeġġeġ il-korrezzjoni tagħhom. Ir-regoli tal-PDE huma stipulati fil-"parti korrettiva" tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST) li ġie rivedut reċentement.

Passi tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv

Il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika tal-UE, li daħal fis-seħħ fit-30 ta' April 2024, biddel il-mod kif titwettaq il-PDE.

Il-proċess jinvolvi diversi passi ewlenin.

Jekk stat membru jaqbeż il-valuri referenzjarji għad-defiċit jew id-dejn, jew ikun f'riskju li jaqbiżhom fil-futur qarib, il-Kummissjoni tħejji rapport li fih tanalizza jekk l-istat membru kkonċernat għandux defiċit eċċessiv.

Jekk, ladarba jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha, il-Kummissjoni tkun tal-fehma li proċedura ta' defiċit eċċessiv hija ġġustifikata għal stat membru, hija tinforma lill-Kunsill kif xieraq u tipproponi li l-Kunsill jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi li hemm defiċit eċċessiv fl-istat membru kkonċernat.

Wara l-proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill iqis kwalunkwe osservazzjoni magħmula mill-istat membru kkonċernat u mbagħad jadotta deċiżjoni li jkun fiha valutazzjoni ġenerali dwar jekk hemmx defiċit eċċessiv.

Jekk il-Kunsill ikun ikkonkluda li hemm defiċit eċċessiv, huwa mbagħad jadotta rakkomandazzjoni, ibbażata fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, li tistipula kif is-sitwazzjoni għandha tiġi rettifikata. Ir-rakkomandazzjoni tista' tkun fiha perkors baġitarju korrettiv, espress f'termini numeriċi, u skadenza.

Imbagħad ikun f'idejn l-istat membru kkonċernat li jieħu l-azzjoni meħtieġa fi żmien sitt xhur.

Jekk sal-iskadenza ma tkun ittieħdet l-ebda azzjoni effettiva, jew l-istat membru ma jikkonformax mar-rakkomandazzjoni, il-Kunsill jista' jimponi sanzjonijiet inkluż, għall-istati membri taż-żona tal-euro, multa sa 0.05% tal-PDG tas-sena preċedenti.

Il-multa jeħtieġ li titħallas kull sitt xhur sakemm il-Kunsill jivvaluta li l-istat membru kkonċernat ikun ħa azzjoni effettiva. Jekk l-istat membru jkompli jonqos milli jikkonforma, il-Kunsill għandu d-dritt li jintensifika s-sanzjonijiet.

Regoli tal-votazzjoni

Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill jiġu adottati skont regoli speċifiċi ta' votazzjoni.

L-istat membru kkonċernat ma għandux vot.

Maġġoranza kwalifikata tintlaħaq meta mill-inqas 55% tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-istati membri parteċipanti, li jirrappreżentaw mill-inqas 65% tal-popolazzjoni ta' dawk l-istati, jivvutaw favur.



Kwalunkwe minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas in-numru minimu tal-membri tal-Kunsill, li jirrappreżentaw aktar minn 35% tal-popolazzjoni tal-istati membri parteċipanti, u membru ieħor.

Proċeduri ta' defiċit eċċessiv attwali

Proċedura ta' defiċit eċċessiv ibbażata fuq id-defiċit

Awstrija

Fit-8 ta' Lulju 2025, il-Kunsill iddeċieda li jiftaħ PDE kontra l-Awstrija. Id-deċiżjoni kienet iġġustifikata minħabba d-defiċit tal-gvern tal-Awstrija ta' 4.7% fl-2024. B'mod parallel mad-deċiżjoni tiegħu, il-Kunsill approva wkoll rakkomandazzjoni lill-Awstrija li tiddeskrivi l-perkors tan-nefqa netta u l-iskeda ta' żmien li għandhom jiġu segwiti biex jintemm id-defiċit eċċessiv tagħha sal-2028.

Ir-rakkomandazzjoni stabbiliet limiti għar-rata ta' tkabbir nominali tan-nefqa netta tal-Awstrija kif ġej: 2.6% fl-2025, 2.2 % fl-2026, 2.2 % fl-2027 u 2.0 % fl-2028.

Belġju

Fis-26 ta' Lulju 2024, wara proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill nieda PDE kontra l-Belġju, minħabba d-defiċit tal-gvern tal-pajjiż ta' 4.4% fl-2023.

Fil-21 ta' Jannar 2025, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni li l-Belġju jtemm id-defiċit eċċessiv tiegħu sal-2027. Ir-rakkomandazzjoni stabbiliet limiti għar-rata ta' tkabbir nominali tan-nefqa netta tal-Belġju kif ġej: 2.4% fl-2025, 1.9% fl-2026 u 2.0% fl-2027.

Fl-20 ta' Ġunju 2025, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni riveduta biex il-Belġju jtemm id-defiċit eċċessiv tiegħu sal-2029. Ir-rakkomandazzjoni mmodifikat il-limiti għar-rata ta' tkabbir nominali tan-nefqa netta tal-Belġju għal 3.6% fl-2025, 2.5% fl-2026, 2.5% fl-2027, 2.1% fl-2028 u 2.1% fl-2029.

Bulgarija

Fl-10 ta' Lulju 2026, il-Kunsill fetaħ PDE kontra l-Bulgarija. Id-deċiżjoni kienet iġġustifikata, minħabba d-defiċit tal-gvern ipprojettat tal-Bulgarija għall-2026 ta' 4.1 % tal-PDG, bid-defiċit tal-pajjiż mistenni li jkompli jaqbeż it-3% tal-PDG fl-2027.

Fir-rakkomandazzjoni tiegħu, il-Kunsill jistipula li l-Bulgarija għandha għalhekk tieħu azzjoni effettiva u sal-15 ta' Ottubru 2026 tippreżenta l-miżuri meħtieġa biex tnaqqas id-defiċit tagħha. Il-Bulgarija għandha tiżgura wkoll li r-rata ta' tkabbir nominali kumulattiva tan-nefqa netta tagħha ma taqbiżx l-4.2% fl-2026, is-7.7% fl-2027, il-11.4% fl-2028 u l-15% fl-2029.

Finlandja

Fl-20 ta' Jannar 2026, il-Kunsill fetaħ PDE kontra l-Finlandja. Id-deċiżjoni kienet iġġustifikata minħabba d-defiċit tal-gvern tal-Finlandja ta' 4.4% fl-2023 u defiċit tal-gvern ippjanat ta' 4.3% fl-2025.

Fir-rakkomandazzjoni tiegħu, il-Kunsill jistipula li l-Finlandja għandha tieħu azzjoni effettiva u tippreżenta l-miżuri meħtieġa biex tnaqqas id-defiċit tagħha sat-30 ta' April 2026.

Ir-rakkomandazzjoni stabbiliet limiti għar-rata ta' tkabbir nominali tan-nefqa netta tal-Finlandja kif ġej: 2.5% fl-2026, 4.1% fl-2027 u 5.9% fl-2028.

Franza

Fis-26 ta' Lulju 2024, wara l-proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill nieda PDE kontra Franza, minħabba d-defiċit tal-gvern tal-pajjiż ta' 5.5% fl-2023.

Fil-21 ta' Jannar 2025, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni li tistabbilixxi li Franza għandha ttemm id-defiċit eċċessiv tagħha sal-2029. Ir-rakkomandazzjoni stabbiliet limiti għar-rata ta' tkabbir nominali tan-nefqa netta ta' Franza kif ġej: 0.8% fl-2025, 1.2% fl-2026, 1.2% fl-2027, 1.2% fl-2028 u 1.1% fl-2029.

Italja

Fis-26 ta' Lulju 2024, wara l-proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill nieda PDE kontra l-Italja, minħabba d-defiċit tal-gvern tal-pajjiż ta' 7.4% fl-2023.

Fil-21 ta' Jannar 2025, il-Kunsilladotta rakkomandazzjoni li tistipula li l-Italja għandha ttemm id-defiċit eċċessiv tagħha sal-2026.

Ir-rakkomandazzjoni stabbiliet limiti għar-rata ta' tkabbir nominali tan-nefqa netta tal-Italja kif ġej: 1.3% fl-2025 u 1.6% fl-2026.

Ungerija

Il-Kunsill nieda PDE kontra l-Ungerija fis-26 ta' Lulju 2024, minħabba d-defiċit tal-gvern tal-Ungerija ta' 6.7% fl-2023.

Fit-18 ta' Frar, il-Kunsill irrakkomanda li l-Ungerija ttemm id-defiċit eċċessiv tagħha sal-2026. Ir-rakkomandazzjoni stabbiliet limiti għar-rata ta' tkabbir nominali tan-nefqa netta tal-Ungerija kif ġej: 4.3% fl-2025 u 4.0% fl-2026.

Polonja

Fis-26 ta' Lulju 2024, wara l-proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill nieda PDE kontra l-Polonja, minħabba d-defiċit tal-gvern tagħha ta' 5.1% fl-2023.

Fil-21 ta' Jannar 2025, il-Kunsill irrakkomanda li l-Polonja ttemm id-defiċit eċċessiv tagħha sal-2028. Ir-rakkomandazzjoni stabbiliet limiti għar-rata ta' tkabbir nominali tan-nefqa netta tal-Polonja kif ġej: 6.3% fl-2025, 4.4% fl-2026, 4.0% fl-2027 u 3.5% fl-2028.

Slovakkja

Fis-26 ta' Lulju 2024, wara l-proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill nieda PDE kontra s-Slovakkja, minħabba d-defiċit tal-gvern tal-pajjiż ta' 4.9% fl-2023.

Ir-rakkomandazzjoni stabbiliet limiti għar-rata ta' tkabbir nominali tan-nefqa netta tas-Slovakkja kif ġej: 3.8% fl-2025, 0.9% fl-2026 u 1.6% fl-2027.

Rumanija

Il-Kunsill nieda PDE kontra r-Rumanija fit-3 ta' April 2020 bil-ħsieb li jintemm id-defiċit eċċessiv tagħha.

Fis-26 ta' Lulju 2024, il-Kunsill stabbilixxa li l-proċedura ta' defiċit eċċessiv għar-Rumanijagħandha tibqa' miftuħa, peress li l-pajjiż ma kienx ħa azzjoni effettiva biex jikkoreġi d-defiċit tiegħu.

Peress li r-Rumanija kompliet ikollha defiċits tal-gvern għoljin li kienu jaqbżu l-valur referenzjarju ta' 3% kif stabbilit fit-Trattati, fl-20 ta' Ġunju 2025 il-Kunsill adotta deċiżjoni ġdida li tistabbilixxi li r-Rumanija ma kinitx ħadet azzjoni effettiva b'reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill.

Fit-8 ta' Lulju 2025, il-Kunsill irreveda r-rakkomandazzjoni tiegħu lir-Rumanija fil-qafas tal-PDE attwali tagħha. Ir-Rumanija għandha għalhekk tieħu azzjoni effettiva u tippreżenta l-miżuri meħtieġa biex tnaqqas id-defiċit tagħha sal-15 ta' Ottubru 2025 u ttemm il-PDE tagħha sal-2030.

Ir-rakkomandazzjoni stabbiliet limiti għar-rata ta' tkabbir nominali tan-nefqa netta tar-Rumanija kif ġej: 2.8% fl-2025, 2.6% fl-2026, 4.6% fl-2027, 4.4% fl-2028. 4.2% fl-2029 u 4.0% fl-2030.

Proċedura ta' defiċit eċċessiv ibbażata fuq id-dejn

Skont ir-regoli l-ġodda, l-istati membri kollha jeħtieġ li jħejju pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Dawn irid ikun fihom perkors tan-nefqa netta.

Sakemm il-pajjiżi b'dejn għoli jsegwu l-perkors tan-nefqa netta tagħhom kif stabbilit mill-Kunsill, u b'hekk id-dejn tagħhom jinġieb fuq perkors ta' tnaqqis plawżibbli u joqrob lejn il-valur referenzjarju tat-trattat b'pass sodisfaċenti, dawn mhux ser ikunu soġġetti għal proċedura ta' defiċit eċċessiv. Il-konformità ser tiġi vvalutata regolarment.

L-aħħar reviżjoni: 10 ta' Lulju 2026