Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 15 ta' Lulju 2025 15:10

Il-Haiti: l-UE telenka tliet individwi u ġġedded ir-reġim tas-sanzjonijiet b'sena addizzjonali

Illum il-Kunsill iddeċieda li jelenka tliet individwi li kienu involuti f'attivitajiet kriminali u vjolenza minn gruppi kriminali fil-Haiti, u għalhekk huma responsabbli għal azzjonijiet li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tal-pajjiż.

Il-Kunsill elenka tliet mexxejja ta' gruppi organizzati: Micanor Altès, mexxej tal-grupp organizzat Wharf Jérémie responsabbli għall-massakru ta' 207 persuni f'Diċembru 2024; Christ-Roi Chéry, mexxej tal-grupp organizzat Ti Bwa, u Jeff Larose, mexxej tal-grupp organizzat Canaan, it-tnejn responsabbli għar-reklutaġġ furzat tat-tfal, ħtif, omiċidji u vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru.

Ser ikunu soġġetti għall-iffriżar tal-assi, u l-għoti ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi, direttament jew indirettament, lilhom jew għall-benefiċċju tagħhom, huwa pprojbit. Barra minn hekk, tapplika għalihom projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar lejn l-UE.

<p>Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà</p>

Kriżi perikoluża qiegħda biss tmur għall-agħar fil-Haiti. Illum l-UE imponiet sanzjonijiet immirati ġodda fuq individwi inkluż dawk involuti fi qtil tal-massa, reklutaġġ furzat ta' tfal, ħtif ta' persuni, omiċidji u vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru. F'dan il-mument ta' instabbiltà gravi, il-Haiti jeħtieġ appoġġ mill-komunità internazzjonali b'mod urġenti. Id-diskussjonijiet fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għandhom jiżguraw mingħajr aktar dewmien il-futur tal-Missjoni Multinazzjonali ta' Appoġġ għas-Sigurtà inkluż billi jagħtuha l-finanzjament li teħtieġ biex tissodisfa l-mandat tagħha li ġġib lura l-paċi, l-istabbiltà u l-istat tad-dritt fil-pajjiż.

<p>Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà</p>

Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Barra minn hekk, illum il-Kunsill iddeċieda li jġedded il-qafas tal-UE għal miżuri restrittivi kontra dawk responsabbli għat-theddid tal-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà ta' Haiti jew li jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-pajjiż sad-29 ta' Lulju 2026, peress li l-UE tibqa' mħassba dwar l-attivitajiet kriminali persistenti u destabbilizzanti, inkluż il-livelli għoljin ta' vjolenza minn gruppi organizzati, li jimminaw l-istabbiltà tar-reġjun.

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta' Ottubru 2024, il-Kunsill Ewropew qal li kien għadu mħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni fil-Haiti u appella għal sanzjonijiet ġodda mmirati kontra individwi u entitajiet responsabbli għall-vjolenza, bl-għan li jgħin sabiex jerġa' jkun hemm il-paċi, is-sigurtà, l-istabbiltà, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Haiti.

L-atti legali rilevanti ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Kuntest

Fil-21 ta' Ottubru 2022, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2653 (2022), li stabbiliet reġim ta' sanzjonijiet fuq il-Haiti, inkluż l-iffriżar tal-assi mmirat, ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-miżuri ta' embargo fuq l-armi. Fil-25 ta' Novembru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/2319 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Haiti li timplimenta dik ir-Riżoluzzjoni tal-KSNU.

Fit-28 ta' Lulju 2023, il-Kunsill emenda r-reġim ta' sanzjonijiet tiegħu fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Haiti, li jippermetti lill-UE timponi b'mod awtonomu miżuri restrittivi fuq individwi u entitajiet responsabbli għat-theddid tal-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Haiti, jew għad-dgħajfien tad-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Haiti. Dan il-qafas jikkomplementa s-sanzjonijiet imposti mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti f'Ottubru 2022.

Il-Haiti jibqa' bis-sħiħ fuq l-aġenda tal-UE. L-appoġġ tal-UE huwa doppju: minn naħa waħda biex isaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali u min-naħa l-oħra biex jiffaċilita l-aċċess għal servizzi pubbliċi bażiċi għall-popolazzjoni fil-kuntest mhux sigur u volatili ħafna. L-appoġġ tal-UE jinvolvi assistenza makroekonomika kif ukoll assistenza għall-edukazzjoni, is-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni, it-tħejjija għad-diżastri, il-protezzjoni u l-istabbiltà, inkluż lill-Pulizija Nazzjonali Haitjana.

L-Unjoni Ewropea minn żmien twil hija sieħba politika u għall-iżvilupp tal-Haiti, u ser tkompli tagħti sehemha flimkien ma' sħab reġjonali oħra, biex tgħin biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni mwiegħra, inkluż il-kriżi umanitarja fil-pajjiż.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 17 ta' Diċembru 2025