Skip to content

Kyriakos Pierrakakis

Kyriakos Pierrakakis huwa l-Ministru għall-Ekonomija u l-Finanzi tal-Greċja u Membru elett tal-Parlament li jirrappreżenta lil Ateni.

Fir-rwol attwali tiegħu, huwa jmexxi l-istrateġija ekonomika u fiskali tal-pajjiż, b'enfasi fuq it-tisħiħ tal-kredibbiltà fiskali, l-immodernizzar tal-governanza ekonomika, u t-titjib tar-reżiljenza fit-tul tal-ekonomija Griega. Il-prijoritajiet tiegħu jinkludu r-riforma tas-sistema tat-taxxa biex tiġi inkorporata teknoloġija avvanzata u biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tat-tibdil demografiku, it-tisħiħ tal-ippjanar fiskali fuq perjodu medju, it-titjib tal-kwalità tan-nefqa pubblika, it-tisħiħ tal-produttività, u l-attrazzjoni ta' investiment strateġiku. Il-ħidma tiegħu hija allinjata mill-qrib mal-aġenda ekonomika usa' tal-Ewropa, b'mod partikolari l-ispinta biex tissaħħaħ il-kompetittività, tiġi approfondita l-integrazzjoni u tiġi appoġġata l-istabbiltà fit-tul fiż-żona tal-euro.

Qabel, bħala l-Ministru għall-Governanza Diġitali tal-Greċja (2019-2023), huwa ssorvelja trasformazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika fil-pajjiż kollu, u ħoloq pjattaformi bħal gov.gr, il-Kartiera Gov.gr, u MyHealth, u espanda b'mod sinifikanti s-servizzi pubbliċi diġitali. Dawn ir-riformi żguraw il-kontinwità tal-operazzjonijiet tal-istat matul il-pandemija tal-COVID-19 u tejbu l-kapaċità istituzzjonali. It-tmexxija tiegħu fil-qasam tal-governanza diġitali wasslet għall-ħatra - u l-ħatra mill-ġdid - tiegħu bħala President tal-Grupp ta' Strateġija Globali tal-OECD (2021, 2024).

Bħala Ministru għall-Edukazzjoni (2023–2025), huwa mexxa 'l quddiem riformi biex tiġi mmodernizzata s-sistema edukattiva tal-Greċja, inkluż qafas legali ġdid għall-universitajiet barranin, l-istabbiliment ta' infrastrutturi nazzjonali tat-tagħlim diġitali, u politiki biex jittejbu l-ambjenti tat-tagħlim bħal restrizzjoni nazzjonali fuq l-ismartphones fl-iskejjel.

Aktar kmieni fil-karriera tiegħu, serva bħala Direttur tar-Riċerka fil-grupp ta' riflessjoni Dianeosis, fejn ħadem fuq ir-riforma strutturali, il-prestazzjoni istituzzjonali, u t-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza.

Huwa għandu Masters fil-John F. Kennedy School of Government tal-Università ta' Harvard, Master fix-Xjenza fit-Teknoloġija u l-Politika mill-Massachusetts Institute of Technology, u lawrja ta' Baċellerat fix-Xjenza Informatika mill-Università tal-Ekonomija u n-Negozju ta' Ateni. Huwa jitkellem bl-Ingliż u bil-Franċiż u huwa miżżewweġ bi tlett itfal.

Kyriakos Pierrakakis, president tal-Grupp tal-Euro
Kyriakos Pierrakakis, president tal-Grupp tal-Euro

L-aħħar reviżjoni: 3 ta' Ġunju 2026