Ir-rwol tal-president tal-Grupp tal-euro
Il-president tal-Grupp tal-euro għandu r-responsabbiltajiet li ġejjin:
- jippresiedi l-laqgħat tal-Grupp tal-euro u jistabbilixxi l-aġendi tagħhom
- ifassal il-programm ta' ħidma għal żmien fit-tul tal-Grupp tal-euro
- jippreżenta r-riżultati tad-diskussjonijiet fil-Grupp tal-euro lill-pubbliku u lill-ministri tal-pajjiżi tal-UE li mhumiex fiż-żona tal-euro
- jirrappreżenta lill-Grupp tal-euro f’fora internazzjonali (eż. il-G7)
- jgħarraf lill-Parlament Ewropew bil-prijoritajiet tal-Grupp tal-euro
Il-president tal-Grupp tal-euro jista' wkoll jiġi elett president tal-bord tal-gvernaturi tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, jekk il-membri tal-bord jiddeċiedu dan.
Il-proċedura tal-elezzjoni tal-president tal-Grupp tal-euro
Il-president tal-Grupp tal-euro huwa elett b'maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Grupp tal-euro għal mandat ta' sentejn u nofs.
Il-proċedura tal-elezzjoni tal-president tal-Grupp tal-euro hija stabbilita fil-Protokoll Nru 14 tat-Trattat ta' Lisbona, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009.
Jekk il-president ma jkunx jista' jwettaq id-dmirijiet tiegħu, jiġi sostitwit mill-ministru għall-finanzi tal-pajjiż li jkollu l-presidenza tal-Kunsill. Jekk il-pajjiż li jkollu l-presidenza ma jkunx membru taż-żona tal-euro, jieħu t-tmexxija l-ministru għall-finanzi tal-pajjiż li jmiss taż-żona tal-euro li jkollu l-presidenza tal-Kunsill. Jekk il-president tal-Grupp tal-euro jirriżenja, il-membri tal-Grupp tal-euro jkollhom jeleġġu president ġdid malajr kemm jista' jkun.
Elezzjoni tal-President tal-Grupp tal-Euro
Persunal
Il-Grupp tal-euro u l-President tiegħu huma megħjuna mill-Grupp ta' Ħidma tal-Grupp tal-Euro (EWG).
Il-Grupp ta' Ħidma tal-Grupp tal-Euro jagħti assistenza billi jħejji għad-diskussjonijiet tal-ministri. Il-grupp normalment jiltaqa' darba fix-xahar, qabel il-laqgħat tal-Grupp tal-euro.
Il-president tal-Grupp tal-euro huwa megħjun fil-ħidma tiegħu minn tim ta' uffiċjali.
L-aħħar reviżjoni: 10 ta' Ġunju 2025