Segretarju Ġenerali
Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK) jitmexxa mis-Segretarju Ġenerali tiegħu. Ir-rwoli prinċipali tagħha huma li tassisti lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew u li tmexxi s-SĠK. Hija tinħatar mill-Kunsill.
Is-Segretarju Ġenerali hija responsabbli għall-organizzazzjoni ġenerali tas-SĠK. Hija tissorvelja l-għoti ta' servizzi mis-SĠK lill-presidenzi tal-Kunsill u l-korpi preparatorji tiegħu, u lill-President tal-Kunsill Ewropew.
Hija responsabbli wkoll għall-ġestjoni amministrattiva tas-SĠK fir-rigward tar-riżorsi umani u finanzjarji tiegħu.
Is-Segretarju Ġenerali tieħu sehem fil-laqgħat tal-Kunsill kif xieraq. Essenzjalment, ir-rwol tagħha huwa li tiżgura l-kontinwità, il-progress u l-koerenza tal-ħidma tal-Kunsill u li tagħti pariri lill-Kunsill u lill-presidenza tiegħu.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill hija wkoll is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Ewropew. Hija tattendi l-laqgħat tal-Kunsill Ewropew u tieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-organizzazzjoni tal-proċedimenti tiegħu.
Th é r è se Blanchet hija s-Segretarju Ġenerali. Inħatret fit-13 ta' Ottubru 2022 għal mandat ta' ħames snin, mill-1 ta' Novembru 2022 sal-31 ta' Ottubru 2027.
L-aħħar reviżjoni: 23 ta' Jannar 2026