L-akkwist fis-Segretarjat Ġenerali
L-istituzzjonijiet tal-UE spiss jużaw it-terminu "sejħiet" biex jirreferu għal proċeduri ta' sejħiet għall-offerti. Dan it-terminu jkopri:
- Sejħiet għall-offerti (avviżi ta' kuntratt ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali)
- Sejħiet għall-espressjoni ta' interess għall-għoti ta' kuntratti ta' provvista, servizzi u xogħlijiet
L-għażla tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti u tar-rekwiżiti tar-reklamar tiddependi mill-valur previst ta' kuntratt.
Kuntratti b'valur 'il fuq minn €143 000
L-avviżi ta' kuntratt għal sejħiet għall-offerti b'valur 'il fuq minn €143 000 jiġu ppubblikati fis-Sensiela S tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jistgħu jiġu kkonsultati online fil-bażi tad-data TED tal-UE.
Jekk tixtieq tirċievi notifiki dwar sejħiet għall-offerti futuri f'qasam ta' interess partikolari, għandek tirreġistra f'dan is-sit elettroniku u toħloq notifika ta' tfittxija.
Id-dokumenti dwar l-akkwist u informazzjoni oħra dwar is-sejħiet għall-offerti attwali huma disponibbli fit-taqsima tal-akkwist tal-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti tal-UE.
Kuntratti minn €15 000 sa €143 000
Is-sejħiet għall-offerti għal kuntratti b'valur ta' bejn €15 000 u €143 000 jiġu ppublikati fuq din il-paġna elettronika taħt "sejħiet attwali għall-offerti".
Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja l-persuna mniżżla bħala l-punt ta' kuntatt fl-avviż tas-sejħa.
Kuntratti b'valur ta' inqas minn €15 000
Il-kuntratti b'valur li ma jaqbiżx €15 000 jistgħu jingħataw permezz ta' proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta' avviż ta' kuntratt. Dawn l-opportunitajiet ma jiġux irreklamati, iżda jekk inti ssir viżibbli fis-suq tista' tirċievi stedina biex tippreżenta offerta għal dan it-tip ta' kuntratt.
Formoli obbligatorji għall-parteċipazzjoni fil-proċeduri ta' akkwist tas-Segretarjat Ġenerali
Biex tipparteċipa fil-proċeduri ta' akkwist tas-Segretarjat Ġenerali, trid timla formola tal-entità legali u formola ta' identifikazzjoni finanzjarja sabiex tagħtina d-dettalji dwar il-kumpanija u l-kont bankarju tiegħek:
- Formola tal-entità legali: kumpanija privata
- Formola tal-entità legali: individwu
- Formola tal-entità legali: entità pubblika
- Formola ta' identifikazzjoni finanzjarja
Stqarrijiet ta' privatezza għall-parteċipazzjoni fil-proċeduri ta' akkwist tas-Segretarjat Ġenerali
Min jista' japplika?
Il-parteċipazzjoni hi miftuħa għal:
- operaturi ekonomiċi rreġistrati fl-UE
- iċ-ċittadini kollha tal-UE
- operaturi ekonomiċi minn pajjiż mhux tal-UE li jkun daħal fi ftehim mal-UE dwar il-ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku
Biex jikkwalifikaw biex jagħmlu offerta, l-operaturi ekonomiċi:
- m'għandhomx ikunu falluti
- ma jridux ikunu nstabu ħatja ta' ksur gravi tal-kondotta professjonali
- iridu jkunu ssodisfaw l-obbligi tagħhom għal ħlasijiet ta' taxxa u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali
- ma jridux ikunu nstabu ħatja ta' frodi, korruzzjoni, ħasil tal-flus, tħaddim tat-tfal, involviment f'organizzazzjoni kriminali jew kwalunkwe attività illegali oħra li tmur kontra l-interessi finanzjarji tal-UE
- ma jridux ikunu ppreżentaw informazzjoni falza b'mod frawdolenti jew negliġenti
- ma jridux ikunu ġew esklużi minn sejħiet għall-offerti
Dokumenti u pubblikazzjonijiet relatati
- Regolament Finanzjarju
- Kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt (Ġunju 2024); għal ordnijiet ta' xiri ffirmati wara t-12/06/2024
- Kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt (Ottubru 2020); għal ordnijiet ta' xiri ffirmati wara d-09/10/2020
- Kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt (Frar 2019); għal ordnijiet ta' xiri ffirmati wara s-07/03/2019
- Kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt (Ġunju 2016)
- L-użu tal-portal e-PRIOR u l-konnessjoni PEPPOL għall-fatturazzjoni elettronika