Il-ġlieda tal-UE kontra l-kriminalità ambjentali
Il-kriminalità ambjentali hija waħda mill-aktar attivitajiet kriminali organizzati li jrendu profitt fid-dinja u għandha impatt kbir mhux biss fuq l-ambjent iżda wkoll fuq is-saħħa tal-bniedem. Tħalli ħafna qligħ iżda diffiċli biex tinqabad, issir prosekuzzjoni u jingħata kastig għaliha. Dawn il-fatturi jagħmluha attraenti ħafna għall-gruppi tal-kriminalità organizzata.
L-UE ħadet azzjoni biex tiġġieled in-networks kriminali involuti fil-forom kollha ta' kriminalità ambjentali, inkluż bl-introduzzjoni ta' regoli dwar il-ġestjoni tal-iskart u dwar il-kummerċ fl-organiżmi selvaġġi u l-pjanti. L-UE qed taħdem ukoll fuq it-tisħiħ tar-regoli eżistenti dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tad-dritt kriminali.
L-awtoritajiet doganali u tal-infurzar tal-liġi fil-pajjiżi kollha tal-UE, l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE, kif ukoll pajjiżi u organizzazzjonijiet sħab, jaħdmu flimkien biex jikkumbattu din il-forma ta' kriminalità permezz ta' investigazzjonijiet, sekwestri u operazzjonijiet oħra tal-pulizija.
F'din l-infografika tista' ssib x'inhi l-kriminalità ambjentali u r-riżultati tal-isforzi tal-UE kontra l-kriminalità ambjentali fil-qafas tal-EMPACT, l-inizjattiva ewlenija tal-UE fil-ġlieda tagħha kontra l-kriminalità internazzjonali organizzata u serja.
Il-ġlieda tal-UE kontra l-kriminalità ambjentali
Kriminalità ambjentali:
- hija t-tielet l-akbar attività kriminali fid-dinja wara t-traffikar tad-drogi u l-falsifikazzjoni
- tikber b'rata ta' 5%-7% fis-sena
- tiġġenera $110-281 biljun ta' telf kull sena
X'inhi l-kriminalità ambjentali?
- ġbir, trasport, irkupru jew rimi mhux xieraq tal-iskart
- emissjoni jew skariku illegali ta' sustanzi fl-atmosfera, fl-ilma jew fil-ħamrija
- qtil, qerda jew pussess ta' speċijiet protetti ta' annimali jew pjanti selvaġġi jew il-kummerċ tagħhom
- kummerċ illegali ta' sustanzi li jnaqqsu l-ożonu
X'inhuma l-konsegwenzi tal-kriminalità ambjentali?
- livelli ogħla ta' tniġġis
- degradazzjoni ta' speċi selvaġġi
- tnaqqis tal-bijodiversità
- tħarbit tal-bilanċ ekoloġiku
- riskji għas-saħħa tal-bniedem
Rotot ta' traffikar tal-iskart, injam u fawna selvaġġa
- għasafar: mill-Asja u l-Amerka Latina lejn l-Ewropa (destinazzjoni UE)
- rettili: mill-Asja, l-Afrika u l-Amerka Latina lejn l-Ewropa (destinazzjoni UE)
- qrun ta' rinoċeronti: mill-Afrika jgħaddu mill-Ewropa lejn l-Asja (tranżitu UE)
- avorju: mill-Afrika jgħaddu mill-Ewropa lejn l-Asja (tranżitu UE)
- sallura: mill-Ewropa lejn l-Asja (oriġini UE)
- injam: mill-Asja lejn l-Ewropa (destinazzjoni finali UE)
- skart: mill-Ewropa lejn l-Asja u l-Afrika (oriġini UE)
Riżultati tal-operazzjonijiet tal-pulizija tal-UE fl-2022
€ 15 000 000 valur totali ta' sekwestri
401 persuna arrestata
Sekwestri:
334 620 tunnellata ta' skart – traffikati b'mod illeċitu, l-iskart jinkludi: plastik, e-skart tal-metall, tessuti, karti u skart imħallat, 3 reċipjenti.
639 980 kg ta' gassijiet fluworurati, b'valur ta' €12 529 302 – Il-gassijiet fluworurati huma gassijiet serra qawwija b’potenzjal ta' tisħin saħansitra ogħla mid-diossidu tal-karbonju.
1 023 speċi ta' fawna u flora selvaġġi fil-periklu
– Jinkludu: 5 nejbiet tal-iljunfanti, 386 għasfur, 15-il bajda ta' pappagall, 16-il qrun tar-rinoċeronti, 186 pinna tal-kelb il-baħar, 72 fekruna, 37 rettili, 113-il oġġett tal-qroll, 179 farfett, 14-il mammiferu.
1 255 kg ta' ferħ ta' sallura, b'valur ta' €1.9 miljun. Dawn għandhom daqs ta' 75-90mm u jinbiegħu l-aktar fl-Asja għall-ikel.