Il-ġlieda tal-UE kontra l-kriminalità organizzata
It-traffikar tal-bnedmin, iċ-ċiberkriminalità, it-traffikar tad-droga u l-kriminalità ambjentali huma fost it-theddid li l-UE tindirizza permezz tal-EMPACT, il-pjattaforma multidixxiplinari tagħha għall-koordinazzjoni tal-azzjoni kontra n-networks tal-kriminalità organizzata l-aktar serji.
X'inhuma t-theddidiet ewlenin tal-kriminalità organizzata li qed tiffaċċa l-UE?
Il-kriminalità organizzata toħloq theddida serja għan-nies, għan-negozji u għall-istituzzjonijiet pubbliċi madwar l-UE, kif ukoll għall-ekonomija kollha kemm hi.
Minħabba li n-networks kriminali joperaw faċilment bejn il-fruntieri, rispons Ewropew koordinat huwa essenzjali biex dawn ir-reati jiġu evitati u miġġielda b'mod effettiv.
L-attivitajiet kriminali ewlenin fl-UE jinkludu:
- iċ-ċiberattakki
- it-traffikar ta' bnedmin
- il-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti
- it-traffikar tad-droga
- il-frodi tas-sisa u r-reati finanzjarji
- il-kriminalità ambjentali
- it-traffikar ta' armi tan-nar u reati li jinvolvu l-isplussivi
- l-isfruttament sesswali tat-tfal
L-UE qed tieħu azzjoni biex tiġġieled dan it-theddid, inkluż permezz tal-EMPACT, il-pjattaforma multidixxiplinari tagħha biex tindirizza l-aktar forom serji ta' kriminalità organizzata.
X'inhi l-EMPACT?
Il-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT) hija qafas ewlieni tal-UE għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata.
Permezz tal-EMPACT, il-pajjiżi tal-UE, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-aġenziji tal-UE u s-sħab internazzjonali jaħdmu flimkien biex jidentifikaw il-prijoritajiet, jikkoordinaw l-operazzjonijiet u jfixklu n-networks kriminali li joperaw bejn il-fruntieri.
Il-pjattaforma tlaqqa' flimkien:
- awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi
- istituzzjonijiet, aġenziji u korpi tal-UE
- organizzazzjonijiet pubbliċi u privati
- pajjiżi mhux tal-UE u sħab internazzjonali rilevanti
L-EMPACT tgħaqqad l-azzjoni operazzjonali fuq il-post ma' miżuri strateġiċi għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-attività kriminali, u dan jagħmel lill-Ewropa ssir aktar sikura u sigura.
Riżultati tal-ġlieda tal-UE kontra l-kriminalità
2022-2025
Fiċ-ċiklu ta' politika 2022-2025, l-EMPACT tat riżultati ewlenin fil-ġlieda tal-UE kontra l-kriminalità organizzata, inkluż:
- 52 000 investigazzjoni mibdija
- 46 300 kriminal suspettat arrestati
- 25 000 vittma identifikati jew protetti
- €3 740 miljun f'assi u flus sekwestrati
- 644 tunnellata drogi sekwestrati
2025
L-EMPACT kellha riżultati sinifikanti fl-2025, li jinkludu:
- 24 500 investigazzjoni jew każ mibdija
- 9 000 kriminali suspettati arrestati
- 8 900 vittma identifikati jew protetti
- 300 tunnellata drogi sekwestrati
- 6 laboratorji tad-drogi żmantellati
- €1 720 miljun f'assi u flus sekwestrati
Prijoritajiet tal-UE dwar il-kriminalità għall-2026-2029
F'koordinazzjoni maċ-ċiklu ta' politika tal-EMPACT, il-Kunsill jaqbel dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata.
Għall-2026 sal-2029, il-Kunsill identifika seba' prijoritajiet tal-UE dwar il-kriminalità:
- l-identifikazzjoni u t-tfixkil tal-aktar networks kriminali u individwi ta' theddida
- l-indirizzar tar-reati li qed jikbru bl-aktar rata mgħaġġla fl-isfera online: ċiberattakki, sfruttament sesswali tat-tfal online u skemi ta' frodi online
- il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga
- l-indirizzar tal-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti u t-traffikar ta' bnedmin
- l-iffukar fuq il-kriminalità bl-armi tan-nar u l-isplussivi
- it-tfixkil tan-networks involuti fir-reati ambjentali
- il-ġlieda kontra r-reati ekonomiċi u finanzjarji bħall-frodi tal-VAT u l-kriminalità tal-proprjetà intellettwali
F'dan il-kuntest, il-Kunsill appella wkoll lill-Kummissjoni biex tipproponi allokazzjoni akbar għall-EMPACT fil-baġit tal-UE, inkluż permezz ta' kontribuzzjoni ogħla tal-UE lill-Europol.
L-għaxar prijoritajiet kriminali tal-UE adottati mill-Kunsill huma bbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet identifikati fil-"Valutazzjoni ta' theddid mill-kriminalità serja u organizzata tal-UE" (UE SOCTA), imħejjija mill-Europol u jqisu dokumenti strateġiċi, valutazzjonijiet u politiki oħrajn.
L-iffriżar u l-konfiska ta' flus kriminali
L-UE qed issaħħaħ il-kapaċità tal-istati membri li jiġġieldu l-kriminalità organizzata u jissekwestraw il-profitti illegali. Ir-regoli tal-UE dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi jistabbilixxu standards minimi għat-traċċar, l-identifikazzjoni, l-iffriżar u l-ġestjoni tal-proprjetà kriminali. Dawn il-miżuri jiżguraw li l-kriminali ma jkunux jistgħu jibbenefikaw mill-attivitajiet illegali tagħhom u li l-assi maqbuda jkunu jistgħu jiġu rkuprati b'mod effettiv.
L-identifikazzjoni u l-indirizzar tat-theddid doganali
Il-valutazzjoni tat-theddid doganali (CTA) tenfasizza x-xejriet u t-theddid ewlenin li jiffaċċaw l-awtoritajiet doganali Ewropej. Din twettqet għall-ewwel darba fl-2025 u laqqgħet flimkien esperti doganali tal-UE bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF), tal-Frontex u tal-Europol.
Il-valutazzjoni identifikat disa' oqsma prijoritarji ta' theddid:
- theddid trażversali: il-kummerċ elettroniku, il-kriminalità finanzjarja, il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, kriżijiet kbar
- theddid tematiku: in-narkotiċi, il-falsifikazzjoni, il-frodi tas-sisa, it-traffikar ta' armi u splussivi, ir-reati ambjentali
Is-CTA turi kif id-dwana Ewropea taħdem flimkien biex tindirizza l-frodi u l-kriminalità organizzata, filwaqt li turi l-isfidi li qed jevolvu li jiffaċċaw l-awtoritajiet madwar l-UE.
Il-valutazzjoni ġiet ippreżentata formalment lill-Kunsill fil-25 ta' Ġunju 2025.
L-azzjonijiet doganali konġunti reċenti wkoll kellhom riżultati sinifikanti. Fl-2024-2025, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali tal-UE kkontribwiet għas-sekwestru ta':
- 134.5 tunnellata ta' kokaina
- 13.1 tunnellata ta' kannabis
- aktar minn €9 miljun fi flus kontanti mhux iddikjarati
- aktar minn 18-il miljun sigarett
-
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
- Valutazzjoni tat-theddid doganali 2025 (ktejjeb)
-
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
- Riżultati ewlenin tal-pjan ta' azzjoni doganali 2024-2025
- L-unjoni doganali tal-UE
Drittijiet tal-vittmi
Kull sena, miljuni ta' nies fl-UE kollha jisfaw vittmi ta' reat.
L-iżgurar li l-vittmi jirċievu appoġġ, protezzjoni, informazzjoni u aċċess għall-ġustizzja huwa parti ewlenija mill-bini ta' soċjetà sikura u ġusta.
Biex isaħħaħ dawn id-drittijiet, il-Kunsill ta l-approvazzjoni finali tiegħu fit-8 ta' Ġunju 2026 għal direttiva tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità. Il-leġiżlazzjoni taġġorna d-direttiva tal-2012 dwar id-drittijiet tal-vittmi. Dispożizzjonijiet ewlenin jinkludu:
- helpline ta' appoġġ għall-vittmi fl-UE kollha (116 006)
- rappurtar aktar faċli tar-reati
- protezzjoni aktar b'saħħitha għall-vittmi tfal
- aċċess imtejjeb għall-għajnuna legali u l-ġustizzja
- aċċess aktar mgħaġġel għall-kumpens
- protezzjoni mtejba tad-data personali tal-vittmi
Wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali, il-pajjiżi tal-UE ser ikollhom sentejn biex jittrasponu d-direttiva fid-dritt nazzjonali.
L-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna
Il-kunflitti jistgħu joħolqu opportunitajiet għall-kriminalità organizzata u jżidu r-riskji għas-sigurtà interna. Fil-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni tat-28 ta' Marzu 2022, il-ministri tal-UE approvaw il-mobilizzazzjoni tal-EMPACT biex tappoġġa lill-istati membri fl-indirizzar tan-networks kriminali li jisfruttaw il-gwerra fl-Ukrajna.
Evalwazzjonijiet reċiproċi
Il-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni reċiproka fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata ġie introdott fl-1997, b'segwitu għal azzjoni konġunta adottata mill-Kunsill.
L-evalwazzjonijiet reċiproċi huma evalwazzjonijiet bejn il-pari fejn l-istati membri jivvalutaw lil xulxin fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-istrumenti tal-UE u dawk internazzjonali għall-ġlieda kontra l-kriminalità. L-evalwazzjonijiet huma bbażati fuq il-prinċipji tal-ugwaljanza u l-fiduċja reċiproka.
Il-mekkaniżmu għandu l-għan li:
- isib soluzzjonijiet prattiċi għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fl-UE
- itejjeb il-kooperazzjoni ġudizzjarja Ewropea
- jikkondividi l-aħjar prattiki bejn l-istati membri
Il-Kunsill jikkoordina l-proċess tal-evalwazzjonijiet u jħejji rapporti, inkluż konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet.
Ara wkoll
L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Ġunju 2026