Skip to content

L-impatt tas-sanzjonijiet fuq l-ekonomija Russa

Mill-invażjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Ukrajna mir-Russja fi Frar 2022 sal-lum, il-Kunsill adotta 10 pakketti ta' sanzjonijiet kontra r-Russja u l-Belarussja. Is-sanzjonijiet għandhom l-għan li jdgħajfu l-kapaċità tar-Russja li tiffinanzja l-gwerra u huma mmirati speċifikament lejn l-elite politiku, militari u ekonomiku responsabbli għall-invażjoni.

Il-miżuri restrittivi mhumiex indirizzati lejn is-soċjetà Russa. Għalhekk, oqsma bħall-ikel, l-agrikoltura, is-saħħa u l-farmaċewtika huma esklużi mill-miżuri restrittivi imposti.

L-indikaturi ekonomiċi qed juru li l-miżuri restrittivi meħuda fl-Ewropa u f'postijiet oħra kontra r-Russja kellhom impatt fuq l-ekonomija Russa.

L-ekonomija Russa qed tiċkien

Skont il-Bank Dinji, il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), l-2022 kienet sena ħażina għall-ekonomija Russa. Huwa stmat li fl-2022, il-prodott domestiku gross (PDG) tar-Russja naqas bi 2.1%.

L-ekonomija tar-Russja tista' tkompli tiċkien fl-2023. Il-PDG tagħha huwa mbassar li jonqos bi 2.5% fl-agħar xenarju possibbli (OECD) jew b'0.2% skont il-Bank Dinji. Il-FMI qed jistenna tkabbir fl-2023 (0.7%).

Il-PDG tar-Russja – evoluzzjoni mill-2018 sal-2023

(bażi 100 fl-2018)

Verżjoni testwali

Ċart li turi t-tkabbir tal-PDG tar-Russja minn sena għall-oħra bejn l-2018 u l-2022 abbażi ta' stimi u tbassir mill-OECD, il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u l-Bank Dinji.

Iċ-ċart turi li, għall-2022, it-tliet istituzzjonijiet kollha jistmaw tnaqqis ta' 2.1% tal-PDG Russu.

Fl-2023, il-PDG Russu mistenni jonqos bi 2.5% skont l-OECD, b'0.2% skont il-Bank Dinji. Il-FMI jbassar tkabbir ta' 0.7%.

Kummerċ li qed jonqos

Il-miżuri restrittivi jaffettwaw l-importazzjoni ta' ċerti oġġetti mir-Russja u l-esportazzjoni ta' ċerti oġġetti lejn ir-Russja. Il-lista ta' prodotti pprojbiti hija mfassla biex timmassimizza l-impatt negattiv tas-sanzjonijiet fuq l-ekonomija Russa filwaqt li tillimita l-konsegwenzi għan-negozji u ċ-ċittadini tal-UE.

Iċ-ċifri juru li l-miżuri restrittivi qed jagħtu r-riżultat mixtieq. Kemm il-Bank Dinji kif ukoll il-FMI stmaw li fl-2022 il-kummerċ tal-oġġetti u s-servizzi fir-Russja mistenni jonqos sostanzjalment. Għall-2023, l-importazzjoni hija mbassra li tkun ogħla milli fl-2022 filwaqt li l-esportazzjoni hija mbassra li tkompli tonqos skont il-Bank Dinji jew tibqa' kważi fl-istess livell skont il-FMI.

L-importazzjoni u l-esportazzjoni tar-Russja mill-2018 sal-2023

(bażi 100 fl-2018)

Verżjoni testwali

Ċart lineari li turi l-bidliet fl-importazzjoni u l-esportazzjoni tar-Russja bejn l-2018 u l-2023. Skont l-istimi tal-FMI, fl-2022, l-importazzjoni tar-Russja naqset bi 15.01% (meta mqabbla mal-2021), waqt li l-esportazzjoni naqset bi 8.7%.

Fl-2023, l-importazzjoni ser tiżdied bi 8.25% (meta mqabbla mal-2022), waqt li l-esportazzjoni ser tiżdied b'0.24%. Skont il-Bank Dinji, l-importazzjoni tar-Russja fl-2022 naqset b'9.7% (meta mqabbla mal-2021) u l-esportazzjoni naqset b'9.6%. Fl-2023, l-importazzjoni ser tiżdied b'4.1% (meta mqabbla mal-2022), waqt li l-esportazzjoni ser tonqos b'4.6%.

Id-dħul tar-Russja mill-fjuwils fossili qed jonqos

Filwaqt li fl-ewwel nofs tal-2022 ir-Russja bbenefikat minn prezzijiet dejjem jikbru tal-fjuwils fossili fis-swieq globali, is-sanzjonijiet immirati lejn l-importazzjoni taż-żejt li daħlu fis-seħħ f'Diċembru 2022 irriżultaw fil-limitazzjoni tad-dħul tar-Russja.

Skont l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, id-dħul tar-Russja miż-żejt naqas b'aktar minn kwart f'Jannar 2023 (meta mqabbel ma' Jannar 2022). It-tnaqqis fi Frar kien saħansitra aktar sinifikanti (aktar minn 40%).

Id-dħul ta' kull xahar tar-Russja mill-esportazzjoni taż-żejt (f'biljuni ta' $)

Verżjoni testwali

Ċart bil-bars li turi bidliet fid-dħul ta' kull xahar mill-esportazzjoni taż-żejt. F'Jannar 2023, id-dħul naqas b'26.9% (meta mqabbel ma' Jannar 2022). Fi Frar 2023, id-dħul naqas b'41.7% (meta mqabbel ma' Frar 2022)

Assi ffriżati

Is-sanzjonijiet imposti mill-UE u s-sħab tagħha fuq is-sistema finanzjarja tar-Russja jnaqqsu l-kapaċità tar-Russja li tiffinanzja l-gwerra.

€300 biljun tar-riżervi tal-Bank Ċentrali Russu huma mblukkati fl-UE, f'pajjiżi oħra tal-G7 u fl-Awstralja (li żewġ terzi minnhom huma mblukkati fl-UE).

70% tal-assi tas-sistema bankarja Russa huma taħt sanzjonijiet.

Madwar €20 biljun ta' assi ta' aktar minn 1 500 persuna u entità sanzjonati ġew iffriżati.