Sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja: mistoqsijiet u tweġibiet
Skopri t-tweġibiet kollha għall-mistoqsijiet tiegħek dwar is-sanzjonijiet adottati mill-Unjoni Ewropea b'rispons għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.
Liema sanzjonijiet adottat l-UE s'issa?
Sa mill-bidu tal-invażjoni fuq skala kbira tal-Ukrajna mir-Russja fl-24 ta' Frar 2022, l-UE imponiet sanzjonijiet massivi u bla preċedent kontra r-Russja.
Dawn il-miżuri jiżdiedu mas-sanzjonijiet li diġà ilhom imposti fuq ir-Russja mill-2014 wara l-annessjoni tal-Krimea u n-nuqqas ta' implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' Minsk.
Huma jinkludu sanzjonijiet ekonomiċi, sanzjonijiet individwali, miżuri diplomatiċi u miżuri b'rabta mal-viża.
Il-miżuri huma mfassla biex jintlaħaq l-objettiv politiku tal-UE li tintemm il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, billi tiġi massimizzata l-pressjoni fuq ir-Russja u jintużaw l-għodod kollha disponibbli biex titnaqqas il-kapaċità tar-Russja li twettaq il-gwerra ta' aggressjoni illegali tagħha.
Is-sanzjonijiet tal-UE huma mmirati b'attenzjoni, imfassla biex ikunu proporzjonati, u temporanji. Dan ifisser li jiġu riveduti regolarment, u li l-UE tista' tikkalibrahom, ittaffihom jew ittemmhom jekk jintlaħqu l-objettivi tal-UE jew jintlaħqu passi sinifikattivi lejhom.
L-UE adottat ukoll sanzjonijiet kontra l-Belarussja, l-Iran u l-Korea ta' Fuq b'rispons għall-appoġġ tagħhom lir-Russja fl-aggressjoni militari kontra l-Ukrajna.
Barra minn hekk, l-UE imponiet sanzjonijiet kontra individwi u entitajiet fid-dawltat-theddidiet ibridi tar-Russja u tad-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, u b'mod partikolari l-mewt ta' Alexei Navalny.
Min qed jiġi sanzjonat?
Il-miżuri restrittivi tal-UE fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna japplikaw għal aktar minn 2 900 individwu u entità. Il-lista ta' individwi sanzjonati tinkludi:
- il-President tar-Russja Vladimir Putin
- il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Russja Sergey Lavrov
- l-eks President tal-Ukrajna Viktor Yanukovych
- Ruman Abramovich
- membri tad-Duma tal-Istat Russa (il-kamra inferjuri tal-parlament)
- membri tal-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali
- membri tal-Kunsill Federali tal-Federazzjoni Russa
- ministri, gvernaturi u politiċi lokali, bħas-sindku ta' Moska
- uffiċjali għolja u persunal militari
- kmandanti tal-grupp Wagner
- negozjanti prominenti u oligarki
- propagandisti favur il-Kremlin u kontra l-Ukrajna
Il-lista tinkludi wkoll individwi responsabbli għal, jew involuti fi:
- l-hekk imsejħa "referenda" fl-2022 u "elezzjonijiet" fl-2023 fit-territorji tal-Ukrajna
- atroċitajiet imwettqa f'Bucha u Mariupol
- attakki bil-missili kontra persuni ċivili u infrastruttura kritika
- deportazzjoni u adozzjoni furzata ta' tfal Ukreni
- edukazzjoni militari mill-ġdid ta' tfal Ukreni
- reklutaġġ ta' merċenarji Sirjani biex jiġġieldu fl-Ukrajna
- manifattura u forniment ta' droni
- ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet
- operat tal-flotta mistura tar-Russja
- serq tal-wirt kulturali tal-Ukrajna
Individwi mill-Iran, mill-Belarussja u mir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea huma inklużi wkoll fil-lista.
Il-lista ta' entitajiet tinkludi:
- partiti politiċi
- forzi armati u gruppi paramilitari, inkluż il-Grupp Wagner
- banek u istituzzjonijiet finanzjarji
- organizzazzjonijiet tal-media responsabbli għall-propaganda u d-diżinformazzjoni
- kumpaniji fis-settur tad-difiża u involuti fil-manifattura tad-droni
- kumpaniji fis-setturi tat-trasport u tal-enerġija
- kumpaniji fis-setturi tal-avjazzjoni, tal-bini tal-bastimenti u tal-bini tal-magni
- kumpaniji fis-setturi tal-IT, it-telekomunikazzjoni u l-assigurazzjoni
- kumpaniji involuti fiċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet
- kumpaniji assoċjati mal-flotta mistura tar-Russja
- PJSC Alrosa, l-akbar kumpanija tal-estrazzjoni tad-djamanti fid-dinja
- il-moviment "'All-Russia People's Front"
- organizzazzjonijiet responsabbli għall-assimilazzjoni furzata tat-tfal Ukreni
Kumpaniji minn pajjiżi terzi huma soġġetti wkoll għal sanzjonijiet fid-dawl tal-appoġġ tagħhom għall-gwerra tar-Russja.
Is-sanzjonijiet fuq individwi jikkonsistu fi projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi. Is-sanzjonijiet fuq l-entitajiet jikkonsistu minn iffriżar tal-assi.
Il-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jipprevjenu lill-individwi elenkati milli jidħlu fit-territorju tal-UE jew jgħaddu minnu fuq l-art, bl-ajru jew bil-baħar. L-iffriżar tal-assi jfisser lil-kontijiet kollha li jappartjenu għall-persuni u l-entitajiet elenkati fil-banek tal-UE jiġu ffriżati. Huwa pprojbit ukoll li kwalunkwe fond jew assi jsir direttament jew indirettament disponibbli għalihom.
Kif qed jiġi ristrett il-kummerċ tal-UE mar-Russja?
Bħala parti mis-sanzjonijiet ekonomiċi, l-UE imponiet fuq ir-Russja għadd ta' restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni. Dan ifisser li l-entitajiet Ewropej ma jistgħux ibigħu ċerti prodotti lir-Russja (minħabba restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni) u li l-entitajiet Russi mhumiex permessi jbigħu ċerti prodotti lill-UE (minħabba restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni).
Il-lista ta' prodotti pprojbiti hija mfassla biex timmassimizza l-impatt negattiv tas-sanzjonijiet fuq l-ekonomija Russa filwaqt li tillimita l-konsegwenzi għan-negozji u ċ-ċittadini tal-UE. Ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u l-importazzjoni jeskludu prodotti primarjament maħsuba għall-konsum u prodotti relatati mas-saħħa, il-prodotti farmaċewtiċi, l-ikel u l-agrikoltura, sabiex ma ssirx ħsara lill-popolazzjoni Russa.
Skont il-Kummissjoni Ewropea, minn Frar 2022, l-UE pprojbiet aktar minn €48 biljun ta' merkanzija u teknoloġiji li kieku kienet tiġi esportata lejn ir-Russja u €91.2 biljun ta' merkanzija li kieku kienet tiġi importata mir-Russja. Dan ifisser li meta mqabbla mal-volumi tal-esportazzjoni u l-importazzjoni tal-2021, 54% tal-esportazzjoni u 58% tal-importazzjoni bħalissa huma taħt embargo.
Il-projbizzjonijiet huma implimentati mill-awtoritajiet doganali tal-UE.
L-UE, f'kollaborazzjoni ma' sħab oħra tal-istess fehma, adottat dikjarazzjoni li tirriżerva d-dritt li r-Russja ma tibqax titqies bħala nazzjon l-aktar iffavorit fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). L-UE ddeċidiet li taġixxi għal dan mhux billi żiedet it-tariffi tal-importazzjoni, iżda billi stabbiliet sett ta' miżuri restrittivi li jinkludu projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta' ċerta merkanzija. L-UE u s-sħab tagħha ssospendew ukoll kull ħidma relatata mal-adeżjoni tal-Belarussja mad-WTO.
Minn Diċembru 2023, hemm projbizzjoni fuq id-djamanti Russi bħala parti minn sforz tal-G7 biex tiġi żviluppata projbizzjoni tad-djamanti kkoordinata internazzjonalment li għandha l-għan li ċċaħħad lir-Russja minn dan is-sors importanti ta' dħul.
Barra minn hekk, il-Kunsill introduċa lista ta' entitajiet li jappoġġaw direttament il-kumpless militari u industrijali tar-Russja. L-entitajiet f'din il-lista huma soġġetti għal restrizzjonijiet aktar stretti fuq l-esportazzjoni ta' oġġetti u teknoloġiji b'użu doppju.
Liema merkanzija ma tistax tiġi esportata lejn ir-Russja mill-UE?
Il-lista ta' prodotti taħt embargo tinkludi:
- teknoloġija mill-aktar avvanzata (eż. kompjuters kwantistiċi u semikondutturi avvanzati, komponenti elettroniċi u software)
- merkanzija u teknoloġija speċifiċi meħtieġa fir-raffinar taż-żejt
- tagħmir, teknoloġija u servizzi tal-industrija tal-enerġija
- merkanzija u teknoloġija tal-industrija tal-avjazzjoni u tal-ispazju (eż. inġenji tal-ajru, magni tal-inġenji tal-ajru, spare parts u kull tip ta' tagħmir għall-ajruplani u l-ħelikopters, u fjuwil tal-ġettijiet)
- merkanzija tan-navigazzjoni marittima u teknoloġija tal-komunikazzjoni bir-radju
- għadd ta' oġġetti b'użu doppju (oġġetti li jistgħu jintużaw kemm għal skopijiet ċivili kif ukoll militari), bħal magni tad-droni u software għal droni jew apparati kriptografiċi
- merkanzija ta' lussu (eż. karozzi ta' lussu, arloġġi tal-idejn u ġojjellerija)
- armi u materjal relatat ta' kull tip, inkluż armi tan-nar ċivili u l-parts tagħhom
- sustanzi kimiċi, ġeneraturi u termostati
- komponenti tal-IT, elettroniċi u ottiċi
- kameras, lentijiet, droni tal-logħob, laptops u hard drives
- merkanzija oħra li tista' ttejjeb il-kapaċitajiet industrijali tar-Russja
Liema merkanzija ma tistax tiġi importata mir-Russja lejn l-UE?
Il-lista ta' prodotti taħt embargo tinkludi:
- żejt mhux maħdum u prodotti taż-żejt raffinat
- gass naturali likwifikat (LNG) u gass likwifikat miż-żejt (LPG)
- faħam u fjuwils fossili solidi oħra
- azzar, ħadid, ħadid fondut grezz, aluminju u metalli oħra
- fili tar-ram u tal-aluminju, tubi u fojl
- siment, bitum u asfalt
- injam, karta, gomma sintetika u plastik
- elju u sustanzi kimiċi oħra
- frott tal-baħar, spirti, sigaretti u kożmetiċi
- djamanti u deheb, inkluż ġojjellerija
- merkanzija oħra li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tar-Russja
Fir-rigward tad-djamanti, il-projbizzjoni tapplika għal:
- djamanti li joriġinaw mir-Russja
- djamanti esportati mir-Russja
- djamanti li jgħaddu mir-Russja
- djamanti Russi pproċessati f'pajjiżi mhux tal-UE
Xi tfisser fil-prattika l-projbizzjoni fuq iż-żejt?
F'Ġunju 2022, il-Kunsill adotta s-sitt pakkett ta' sanzjonijiet li, fost affarijiet oħra, jipprojbixxi x-xiri, l-importazzjoni u t-trasferiment ta' żejt mhux maħdum li jinġarr bil-baħar u ċerti prodotti taż-żejt mir-Russja lejn l-UE. Ir-restrizzjonijiet japplikaw mill-5 ta' Diċembru 2022 għaż-żejt mhux maħdum u mill-5 ta' Frar 2023 għal prodotti oħra taż-żejt raffinat.
Hemm eċċezzjoni temporanja fuq l-importazzjoni ta' żejt mhux maħdum bil-pipeline lejn dawk l-istati membri tal-UE li, minħabba s-sitwazzjoni ġeografika tagħhom, huma żvantaġġati minħabba dipendenza speċifika fuq provvisti Russi u ma għandhom ebda opzjoni alternattiva vijabbli. L-eżenzjoni tal-pipeline waqfet tapplika għall-Polonja u l-Ġermanja fit-23 ta' Ġunju 2023 u għaċ-Ċekja fl-1 ta' Lulju 2025.
Barra minn hekk, il-Kroazja tibbenefika minn deroga temporanja li tikkonċerna l-importazzjoni taż-żejt tal-gass Russu f'vakwu.
L-impatt tal-projbizzjoni fuq iż-żejt huwa sinifikanti, meta jitqies li madwar nofs l-esportazzjonijiet totali taż-żejt tar-Russja jmorru lejn l-UE.
Il-projbizzjoni tkopri 90% tal-importazzjoni taż-żejt tal-UE mir-Russja. It-telf ta' dan is-suq ewlieni li tant iħalli qligħ għandu impatt strutturali sinifikanti fuq ir-Russja, li l-baġit tagħha jistrieħ b'mod sostanzjali fuq dan id-dħul miż-żejt.
Kif jaħdem il-limitu massimu tal-prezz taż-żejt?
L-UE introduċiet eżenzjoni għall-projbizzjoni fuq it-trasport bil-baħar lejn pajjiżi terzi ta' żejt u prodotti petroliferi Russi u għall-projbizzjoni fuq l-għoti ta' servizzi relatati, meta tali oġġetti jinxtraw bil-limitu massimu tal-prezz jew taħtu.
Il-limiti massimi tal-prezzijiet japplikaw għaż-żejt mhux maħdum li jinġarr bil-baħar, għaż-żjut petroliferi u ż-żjut miksuba minn minerali bituminużi li joriġinaw jew jiġu esportati mir-Russja. Il-limiti massimi attwali tal-prezzijiet huma stabbiliti kif ġej:
- $47.6 kull barmil għaż-żejt mhux maħdum
- $45 kull barmil għal prodotti taż-żejt bl-iskont
- $100 kull barmil għal prodotti taż-żejt primjum
L-UE stabbiliet il-limiti massimi f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Koalizzjoni għal-Limitu Massimu tal-Prezzijiet. Il-limiti japplikaw mill-5 ta' Diċembru 2022 għaż-żejt mhux maħdum u mill-5 ta' Frar 2023 għall-prodotti petroliferi. Filwaqt li l-valur inizjali tal-limitu massimu tal-prezz għaż-żejt mhux maħdum kien ta' $60 għal kull barmil, f'Lulju 2025 l-UE ddeċidiet li tbaxxih għal $47.6 għal kull barmil.
Il-valuri attwali jistgħu jiġu emendati fil-futur biex jirriflettu l-iżviluppi tas-suq u l-bidliet tekniċi.
Din id-deċiżjoni tillimita ż-żidiet qawwija fil-prezzijiet ikkawżati minn kundizzjonijiet straordinarji tas-suq u tnaqqas drastikament id-dħul li r-Russja kienet qed tiġġenera miż-żejt wara li faqqgħet il-gwerra ta' aggressjoni illegali tagħha kontra l-Ukrajna. Ser isservi wkoll biex tistabbilizza l-prezzijiet globali tal-enerġija filwaqt li ttaffi l-konsegwenzi negattivi fuq il-provvista tal-enerġija lil pajjiżi oħra.
Minn meta l-UE introduċiet il-limitu massimu tal-prezz taż-żejt u sanzjonijiet oħra relatati mal-enerġija, id-dħul tar-Russja miż-żejt u mill-gass naqas bi kważi 80% meta mqabbel ma' qabel il-gwerra.
Wara l-adozzjoni tal-21 pakkett ta' sanzjonijiet fit-23 ta' Lulju 2026, l-aġġustament awtomatiku tal-mekkaniżmu tal-limitu massimu tal-prezz taż-żejt jitwaqqaf sal-15 ta' Lulju 2027. Dan biex jiġi żgurat li l-profitti tar-Russja mill-bejgħ taż-żejt jibqgħu jitrażżnu, minkejja s-sitwazzjoni eċċezzjonali tas-suq ikkawżata mill-għeluq tal-Istrett ta' Hormuz. Hija prevista reviżjoni interim tas-sospensjoni, biex jiġi żgurat li l-mekkaniżmu jibqa' meħtieġ u proporzjonat.
Liema servizzi tal-UE lir-Russja huma pprojbiti?
Biex tolqot l-ekonomija tar-Russja, li hija dipendenti ħafna fuq l-importazzjoni ta' servizzi minn kumpaniji Ewropej, l-UE pprojbiet il-forniment ta' ċerti servizzi rilevanti għan-negozju lill-gvern tar-Russja jew lil kwalunkwe persuna ġuridika, bħal kumpaniji u entitajiet jew korpi oħra, stabbiliti fir-Russja.
Il-projbizzjoni tikkonċerna s-servizzi li ġejjin lir-Russja jew lil persuni Russi:
- portafolli, kontijiet jew kustodja ta' kriptoassi
- kontabilità, awditjar, żamma tal-kotba, u konsulenza dwar it-taxxa
- servizzi ta' kostruzzjoni, arkitettura u inġinerija
- ċibersigurtà, konsulenza dwar l-IT u konsulenza legali
- reklamar, riċerka tas-suq u stħarriġ tal-opinjoni pubblika
- assistenza teknika, senserija u assistenza finanzjarja (b'rabta mat-trasport marittimu ta' żejt Russu)
- drittijiet ta' proprjetà intellettwali u sigrieti kummerċjali (relatati ma' oġġetti u teknoloġija koperti minn sanzjonijiet oħra)
- software għall-ġestjoni tal-intrapriżi
- software għad-disinn u l-manifattura industrijali
- software għal ċerti użi fis-settur bankarju u finanzjarju
- manutenzjoni għat-tankers tal-LNG u bastimenti tat-tkissir tas-silġ Russi
Barra minn hekk, minn Ottubru 2025, awtorizzazzjoni minn qabel għas-servizzi kollha pprovduti lill-gvern Russu hija obbligatorja.
Skont il-Kummissjoni Ewropea, il-valur totali tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tas-servizzi tan-negozju huwa ta' €3.28 biljun (16% tal-esportazzjonijiet tal-UE lejn ir-Russja qabel l-invażjoni).
X'inhuma s-sanzjonijiet fuq it-trasport?
Trasport bit-triq
L-UE pprojbiet lill-operaturi tat-trasport bit-triq, it-trejlers u s-semitrejlers Russi u Belarussi milli jittrasportaw merkanzija lejn l-UE, inkluż fi tranżitu.
Din il-projbizzjoni għandha l-għan li tirrestrinġi l-kapaċità tal-industrija Russa li takkwista merkanzija ewlenija u li tfixkel il-kummerċ bit-triq kemm lejn ir-Russja kif ukoll minnha. Madankollu, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jagħtu derogi għal:
- it-trasport ta' prodotti tal-enerġija, farmaċewtiċi, mediċi, agrikoli u tal-ikel
- skopijiet ta' għajnuna umanitarja
- trasport relatat mal-funzjonament tar-rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari tal-UE u l-istati membri tagħha fir-Russja, jew ta' organizzazzjonijiet internazzjonali fir-Russja li jgawdu immunitajiet skont id-dritt internazzjonali
- it-trasferiment jew l-esportazzjoni lejn ir-Russja ta' merkanzija kulturali mislufa fil-kuntest ta' kooperazzjoni kulturali formali mar-Russja
- karozzi li għandhom pjanċa ta' reġistrazzjoni ta' vettura diplomatika li jidħlu fl-UE li jew jintużaw għal skopijiet umanitarji
- karozzi li jappartjenu lil ċittadini tal-UE li huma residenti fir-Russja u li qed jivvjaġġaw lejn l-UE
Il-projbizzjoni ma taffettwax is-servizzi tal-posta u l-merkanzija fi tranżitu bejn ir-reġjun ta' Kaliningrad u r-Russja.
Is-settur tal-avjazzjoni
L-UE pprojbiet lit-trasportaturi Russi ta' kull tip milli jaċċessaw l-ajruporti tal-UE u milli jtiru minn fuq l-ispazju tal-ajru tal-UE. Dan ifisser li l-ajruplani rreġistrati fir-Russja jew xi mkien ieħor u lokati jew mikrija lil ċittadin jew entità Russa ma jistgħu jinżlu fl-ebda ajruport tal-UE u ma jistgħux itiru fuq pajjiżi tal-UE. Inġenji tal-ajru privati, eż. ġettijiet kummerċjali privati, huma inklużi fil-projbizzjoni.
Barra minn hekk, l-UE pprojbiet l-esportazzjoni lejn ir-Russja ta' merkanzija u teknoloġija fl-industrija tal-avjazzjoni u tal-ispazju. Dan ifisser li l-linji tal-ajru Russi ma jistgħu jixtru l-ebda inġenju tal-ajru, spare part jew tagħmir għall-flotta tagħhom u ma jistgħux iwettqu t-tiswijiet jew l-ispezzjonijiet tekniċi meħtieġa.
Is-servizzi tal-assigurazzjoni, is-servizzi ta' manutenzjoni u l-assistenza teknika relatati ma' din il-merkanzija u t-teknoloġija huma pprojbiti wkoll.
Peress li tliet kwarti tal-flotta tal-ajru kummerċjali attwali tar-Russja ġew prodotti fl-UE, fl-Istati Uniti jew fil-Kanada, maż-żmien il-projbizzjoni x'aktarx li tirriżulta fil-waqfien ta' proporzjon sinifikanti tal-flotta tal-avjazzjoni ċivili Russa, anke għal titjiriet domestiċi.
Trasport marittimu
L-UE għalqet il-portijiet tagħha għall-flotta merkantili kollha tar-Russja ta' aktar minn 2 800 bastiment. Madankollu, il-miżura ma taffettwax il-bastimenti li jġorru prodotti tal-enerġija, farmaċewtiċi, mediċi, agrikoli u tal-ikel, għajnuna umanitarja, faħam, fjuwil nukleari u merkanzija oħra meħtieġa għall-funzjonament tal-kapaċitajiet nukleari ċivili.
Il-miżura lanqas ma taffettwa bastimenti li jeħtieġu assistenza li jfittxu post ta' rifuġju, jew bastimenti li jidħlu f'port ta' emerġenza għal raġunijiet ta' sikurezza marittima jew ta' salvataġġ ta' ħajja fuq il-baħar.
Il-projbizzjoni tapplika wkoll għall-bastimenti:
- li jippruvaw jevadu s-sanzjonijiet billi jbiddlu l-bandiera Russa jew ir-reġistrazzjoni tagħhom għal dik ta' stat ieħor
- tal-flotta mistura tar-Russja
- responsabbli mit-trasport ta' tagħmir militari għar-Russja jew ċereali Ukreni misruqa
- involuti fi trasferimenti minn vapur għal vapur u suspettati li kisru s-sanzjonijiet
- issuspettati li jinterferixxu jew jiddiżattivaw illegalment is-sistema ta' identifikazzjoni awtomatika tagħhom ta' fuq il-vapur meta jittrasportaw żejt Russu
L-awtoritajiet tal-portijiet jistgħu jidentifikaw tentattiv biex tinbidel il-bandiera jew tinbidel ir-reġistrazzjoni billi jiċċekkjaw in-numru IMO tal-bastiment (in-numru uniku ta' identifikazzjoni assenjat f'isem l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali).
L-UE pprojbiet it-trasport bil-baħar ta' żejt mhux maħdum Russu (mill-5 ta' Diċembru 2022) u prodotti taż-żejt (mill-5 ta' Frar 2023) lejn pajjiżi mhux tal-UE. Ipprojbiet wkoll l-għoti ta' assistenza teknika, servizzi ta' senserija u assistenza finanzjarja relatati.
Din il-projbizzjoni ma tapplikax jekk iż-żejt mhux maħdum jew il-prodotti taż-żejt jinxtraw fil-limitu tal-prezz taż-żejt jew taħtu.
It-tranżazzjonijiet ma' banek Russi huma pprojbiti?
Projbizzjoni sħiħa fuq it-tranżazzjonijiet mal-Bank Ċentrali Russu, mal-Bank għall-Iżvilupp Reġjonali Russu u mal-Bank Ċentrali tal-Belarussja ilha fis-seħħ mill-bidu tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna.
Bejn l-2022 u l-2025, l-UE imponiet ukoll projbizzjoni mis-SWIFT fuq diversi banek Russi u Belarussi oħra. Is-SWIFT huwa servizz ta' messaġġi li jiffaċilita sostanzjalment l-iskambju ta' informazzjoni bejn il-banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra. Bħala riżultat tal-projbizzjoni, il-banek affettwati ma jistgħux jiksbu munita barranija jew jittrasferixxu assi barra mill-pajjiż.
F'Lulju 2025, l-UE ddeċidiet li testendi l-projbizzjoni eżistenti tas-SWIFT għal projbizzjoni sħiħa fuq it-tranżazzjonijiet. Dan ifisser li l-ebda operatur tal-UE ma jista' jidħol fi kwalunkwe tranżazzjoni mal-banek elenkati direttament jew indirettament. Sussegwentement, l-UE espandiet il-projbizzjoni fuq it-tranżazzjonijiet għal operaturi finanzjarji ta' pajjiżi terzi, inkluż fornituri tal-kriptoassi li jgħinu fiċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet, jappoġġaw il-gwerra tar-Russja, jew huma konnessi mas-servizz ta' messaġġi finanzjarji tar-Russja.
Din il-projbizzjoni bħalissa tapplika għal aktar minn 100 bank Russu, erba' banek Belarussi u disa' banek/operaturi finanzjarji minn pajjiżi oħra mhux tal-UE.
Sistema għat-Trasferiment ta' Messaġġi Finanzjarji
Minn Ġunju 2024, l-UE pprojbiet l-użu tas-"Sistema għat-Trasferiment ta' Messaġġi Finanzjarji" (SPFS), servizz speċjalizzat ta' messaġġi finanzjarji żviluppat mill-Bank Ċentrali tar-Russja biex jinnewtralizza l-effett tas-sanzjonijiet eżistenti tal-UE.
Dan ifisser li l-entitajiet tal-UE li joperaw barra mir-Russja huma pprojbiti milli jikkonnettjaw mal-SPFS jew ma' servizzi speċjalizzati ta' messaġġi finanzjarji ekwivalenti. Barra minn hekk, l-UE stabbiliet projbizzjoni fuq istituzzjonijiet ta' kreditu jew finanzjarji stabbiliti barra mir-Russja li jużaw l-SPFS.
Kif jintużaw l-assi Russi immobilizzati?
Fi Frar 2022, bħala parti mit-tielet pakkett ta' sanzjonijiet tagħha kontra r-Russja, l-Unjoni Ewropea pprojbixxiet it-tranżazzjonijiet kollha relatati mal-ġestjoni ta' riżervi u assi tal-Bank Ċentrali tar-Russja.
B'riżultat ta' dan, l-assi u r-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja li huma miżmuma minn banek ċentrali u istituzzjonijiet finanzjarji fl-UE ġew immobilizzati.
Fil-21 ta' Mejju 2024, il-Kunsill adatta l-qafas legali biex jiżgura li d-dħul straordinarju ġġenerat mill-immobilizzazzjoni tal-assi tal-Bank Ċentrali tar-Russja jkun jista' jintuża biex jappoġġa lill-Ukrajna u l-irkupru u r-rikostruzzjoni tagħha, kif ukoll l-awtodifiża tagħha kontra l-aggressjoni Russa.
Minħabba l-immobilizzazzjoni tal-assi u r-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja, il-bilanċi straordinarji tal-flus jakkumulaw fuq il-karti tal-bilanċ tad-depożitorji ċentrali tat-titoli (CSDs), li jirriżultaw fi dħul straordinarju. Dan id-dħul ma għandux għalfejn isir disponibbli għall-Bank Ċentrali tar-Russja skont ir-regoli applikabbli, anki wara li titwaqqaf l-immobilizzazzjoni.
Ir-regoli tal-UE jipprevedu li huma biss is-CSDs li jżommu riżervi u assi tal-Bank Ċentrali tar-Russja b'valur totali ta' aktar minn €1 miljun li huma soġġetti għall-obbligu li jwarrbu l-ammonti.
Fis-26 ta' Lulju 2024, l-UE rċeviet l-ewwel pagament ta' €1.5 biljun, li ġie allokat għall-għoti ta' appoġġ militari lill-forzi armati Ukreni permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (90%) u għall-Faċilità għall-Ukrajna (10%). It-tieni pagament ta' €2.1 biljun sar disponibbli f'April 2025.
Ir-regoli tal-UE adottati fil-25 ta' Ottubru 2024 jipprevedu li 95% tad-dħul straordinarju li jirriżulta mill-immobilizzazzjoni tal-assi tal-Bank Ċentrali tar-Russja ser jiġi allokat għall-baġit tal-UE u jingħadda mill-Mekkaniżmu ta' Kooperazzjoni ta' Self għall-Ukrajna, strument maħluq mill-UE biex jgħin lill-Ukrajna tħallas lura self tal-UE u l-G7 ta' madwar €45 biljun. Il-5% li jifdal ser jiġu allokati għall-Faċilità Ewropea għall-Paċi.
Fit-12 ta' Diċembru 2025, il-Kunsill iddeċieda li jipprojbixxi, fuq bażi temporanja, kwalunkwe trasferiment ta' assi tal-Bank Ċentrali tar-Russja immobilizzati fl-UE lura lejn ir-Russja.
Għaliex l-UE pprojbiet xi entitajiet tal-media?
Il-Federazzjoni Russa involviet ruħha f'kampanja sistematika u internazzjonali ta' diżinformazzjoni, manipulazzjoni tal-informazzjoni u distorsjoni tal-fatti sabiex issaħħaħ l-istrateġija tagħha ta' destabbilizzazzjoni kemm tal-pajjiżi ġirien tagħha kif ukoll tal-UE u l-istati membri tagħha.
Biex tiġġieled kontra dan, l-UE ssospendiet l-attivitajiet tax-xandir u l-liċenzji ta' 27 entità ta' diżinformazzjoni appoġġati mill-Kremlin:
- EADaily / Eurasia Daily
- Fondsk
- Izvestia
- Katehon
- Krasnaya Zvezda / Tvzvezda
- Lenta
- New Eastern Outlook
- NewsFront
- NTV/NTV Mir
- Oriental Review
- Pervyi Kanal
- REN TV
- RIA Novosti
- RuBaltic
- Russia Today u s-sussidjarji tagħha
- Rossiya RTR / RTR Planeta
- Rossiya 24 / Russia 24
- Rossiya 1
- Rossiyskaya Gazeta
- SouthFront
- Spas TV Channel
- Sputnik u s-sussidjarji tagħha
- Strategic Culture Foundation
- Tsargrad TV Channel
- TV Centre International
- Voice of Europe
Ir-Russja tuża dawn l-entitajiet kollha biex ixxerred il-propaganda intenzjonalment u twettaq kampanji ta' diżinformazzjoni, inkluż dwar l-aggressjoni militari tagħha kontra l-Ukrajna.
Dawn ikopru l-mezzi kollha ta' trażmissjoni u distribuzzjoni fi stati membri tal-UE jew diretti lejhom, inkluż il-cable, is-satellita, it-TV tal-Protokoll tal-Internet, il-pjattaformi, is-siti web u l-apps.
F'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, dawn il-miżuri mhux ser jipprevjenu lil dawk l-entitajiet tal-media u l-persunal tagħhom milli jwettqu attivitajiet fl-UE li ma jinvolvux ix-xandir, bħar-riċerka u intervisti.
L-UE imponiet ukoll sanzjonijiet fuq organizzazzjonijiet tal-media u individwi responsabbli għall-propaganda u d-diżinformazzjoni.
X'qed tagħmel l-UE biex tindirizza ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet?
Ikkonfrontati bl-iskala tas-sanzjonijiet tal-UE, il-miri Russi użaw diversi tekniki għaċ-ċirkomvenzjoni tagħhom, bħall-użu ta' skemi finanzjarji kumplessi, il-falsifikazzjoni tan-natura jew l-oriġini tal-oġġetti nnegozjati jew id-dipendenza fuq il-ġuriżdizzjonijiet ta' pajjiżi mhux tal-UE.
L-UE ħadet diversi miżuri biex tevita u tipprevjeni ċ-ċirkomvenzjoni, inkluż:
- sanzjonijiet kontra individwi u entitajiet involuti fiċ-ċirkomvenzjoni
- projbizzjoni fuq l-aċċess għall-portijiet tal-UE u restrizzjonijiet fuq il-forniment ta' firxa wiesgħa ta' servizzi marittimi għal bastimenti mhux tal-UE suspettati li jiksru s-sanzjonijiet tal-UE, inkluż iċ-ċirkomvenzjoni tal-limitu massimu tal-prezz taż-żejt (il-flotta mistura tar-Russja)
- restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju u ta' teknoloġija avvanzata għal mijiet ta' entitajiet, inkluż bosta li jinsabu barra mir-Russja u li jappoġġaw direttament il-gwerra tar-Russja
- projbizzjoni ta' tranżitu fuq oġġetti b'użu doppju, teknoloġiji u oġġetti li jintużaw fil-kamp tal-battalja li jiġu esportati mill-UE lejn pajjiżi mhux tal-UE mit-territorju Russu
- rekwiżit li l-kumpaniji omm tal-UE jiżguraw li s-sussidjarji mhux tal-UE tagħhom ma jieħdu sehem fl-ebda attività li tirriżulta f'eżitu li s-sanzjonijiet iridu jipprevjenu
- rekwiżit li l-operaturi tal-UE jimplimentaw mekkaniżmi ta' diliġenza dovuta għall-bejgħ ta' oġġetti mill-kamp tal-battalja lil pajjiżi mhux tal-UE
- estensjoni tal-projbizzjoni fuq it-tranżazzjonijiet għal operaturi mhux tal-UE bbażati barra mir-Russja li jiffaċilitaw iċ-ċirkomvenzjoni tar-restrizzjonijiet relatati maż-żejt
Sabiex tillimita ċ-ċirkomvenzjoni tal-projbizzjoni fuq il-forniment ta' servizzi ta' kartiera tal-kriptoassi, ta' kontijiet jew ta' kustodja lil persuni jew lil residenti Russi, l-UE introduċiet projbizzjoni fuq ċittadini Russi jew persuni fiżiċi li jirrisjedu fir-Russja milli jippossjedu jew jikkontrollaw il-persuni ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi li jipprovdu tali servizzi, jew milli jkollhom xi kariga fil-korpi governattivi tagħhom. L-UE adottat ukoll sanzjonijiet immirati lejn il-fornituri tal-kriptoassi.
Barra minn hekk, issa huma meħtieġa notifiki għal trasferimenti ta' fondi li jaqbżu €100 000 barra mill-UE minn kwalunkwe entità stabbilita fl-UE li hija proprjetà tar-Russja jew ikkontrollata minnha.
F'Diċembru 2022, il-Kummissjoni Ewropea ħatret lil David O'Sullivan bħala mibgħut speċjali għall-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE. Il-kompitu tal-mibgħut speċjali huwa li jiżgura sensibilizzazzjoni u diskussjonijiet kontinwi u ta' livell għoli ma' pajjiżi mhux tal-UE biex tiġi evitata l-evażjoni jew iċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet kontra r-Russja u biex jiġi żgurat li oġġetti sensittivi mill-kamp tal-battalja ta' oriġini Ewropea ma jispiċċawx ir-Russja.
X'inhi l-klawżola ta' esklużjoni tar-Russja?
Il-klawżola ta' esklużjoni tar-Russja hija rekwiżit kuntrattwali li jġiegħel lill-esportaturi ta' oġġetti sensittivi tal-UE (bħal teknoloġija avvanzata, partijiet tal-avjazzjoni, armi u oġġetti b'użu doppju) jipprojbixxu lix-xerrejja tagħhom f'pajjiżi terzi milli jesportaw mill-ġdid dawk l-oġġetti lejn ir-Russja jew għall-użu fir-Russja.
Introdotta bħala parti mill-miżuri kontra ċ-ċirkomvenzjoni, il-klawżola ta' esklużjoni tar-Russja tirrikjedi li l-bejjiegħa jinkludu penali għall-ksur u mekkaniżmi ta' monitoraġġ, bl-għan li jiġi evitat li ċerti oġġetti li jalimentaw il-gwerra tar-Russja jaslu fir-Russja indirettament.
L-UE kif qed tiġġieled il-flotta mistura tar-Russja?
Il-flotta mistura tar-Russja hija network klandestin kbir ta' tankers li qed jiqdiemu li jittrasportaw żejt mhux maħdum Russu jew prodotti magħmula miż-żejt mhux maħdum Russu b'ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet u l-limitu massimu tal-prezz taż-żejt. L-attività tagħhom tippermetti lir-Russja tkompli tikseb dħul kritiku għall-ekonomija tagħha tal-gwerra.
Dawn il-bastimenti jużaw tattiċi evażivi bħat-tifi tas-sistemi ta' traċċar, l-użu ta' bnadar "foloz" u strutturi kumplessi oħra ta' sjieda sabiex jaħbu l-identità, l-oriġini u l-merkanzija tagħhom. Minbarra li tevita l-limitu massimu tal-prezz taż-żejt, il-flotta mistura tar-Russja tista' tittrasporta wkoll oġġetti oħra, bħal tagħmir militari sanzjonat jew qamħ Ukren misruq.
Il-Kunsill adotta l-ewwel darba miżuri biex jindirizza r-riskji ta' ċirkomvenzjoni mill-flotta mistura ta' Putin fil-11 u t-12-il pakkett ta' sanzjonijiet.
Fl-14-il pakkett ta' sanzjonijiet tagħha, adottat f'Ġunju 2024, l-UE imponiet projbizzjoni fuq l-aċċess għall-portijiet tal-UE u fuq il-forniment ta' servizzi relatati mat-trasport marittimu għal bastimenti li jagħmlu parti mill-flotta mistura tar-Russja. Sat-23 ta' Ottubru 2025, l-UE kienet poġġiet aktar minn 630 bastiment f'din il-lista.
Barra minn hekk, l-UE introduċiet projbizzjoni fuq tranżazzjonijiet ma' portijiet, imgħalaq u ajruporti Russi użati għaċ-ċirkomvenzjoni tal-prezz limitu taż-żejt u ta' sanzjonijiet oħra tal-UE, u imponiet sanzjonijiet (iffriżar tal-assi u projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar) fuq entitajiet u individwi responsabbli għall-operat tal-flotta mistura tar-Russja jew involuti fih.
Il-mibgħut speċjali għall-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE, maħtur f'Diċembru 2022, iwettaq sensibilizzazzjoni ma' stati tal-bandiera ta' pajjiżi terzi, u jħeġġiġhom jinfurzaw is-sanzjonijiet u jipprevjenu lit-tankers elenkati milli jbaħħru taħt il-bnadar tagħhom bħala mezz biex jevitaw is-sanzjonijiet tal-UE.
Il-flotta mistura toħloq riskji serji inkluż ħsara ambjentali potenzjali kif ukoll riskji għas-sikurezza u s-sigurtà marittima, l-integrità tal-kummerċ internazzjonali bil-baħar, l-infrastruttura kritika taħt il-baħar u r-rispett għar-regoli u l-istandards marittimi internazzjonali. Il-Kunsill adotta dikjarazzjoni f'dan ir-rigward f'Diċembru 2025.
Is-sanzjonijiet tal-UE jaffettwaw il-kummerċ dinji ta' prodotti tal-ikel u prodotti agrikoli?
Le, is-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja qatt ma kienu mmirati kontra l-kummerċ internazzjonali ta' prodotti tal-ikel u prodotti agrikoli. Ma jaffettwawx u lanqas jirrestrinġu l-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli jew tal-ikel bejn ir-Russja u l-bqija tad-dinja, u jkopru biss il-kummerċ bilaterali bejn l-UE u r-Russja.
Ir-Russja ġġorr ir-responsabbiltà unika għad-disturbi fis-sigurtà globali tal-ikel. Qabel l-aggressjoni tar-Russja, 90% tal-esportazzjoni agrikola tal-Ukrajna lejn id-dinja kienet tgħaddi mill-portijiet tal-Ukrajna fil-Baħar l-Iswed. Meta bdiet il-gwerra tagħha, ir-Russja sfurzat imblokk fuq l-esportazzjonijiet tal-Ukrajna.
Is-sigurtà u l-affordabbiltà tal-ikel huma prijorità ewlenija għall-UE u għall-istati membri tagħha. L-UE appoġġat b'mod konsistenti l-isforzi għat-tisħiħ tas-sigurtà globali tal-ikel, pereżempju permezz tal-Korsiji ta' Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna u l-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali.
F'Lulju 2023, ir-Russja ddeċidiet unilateralment li twaqqaf l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali li kienet ġiet stabbilita f'Lulju 2022.
L-UE qed tikkoordina s-sanzjonijiet tagħha ma' sħab oħra?
Is-sanzjonijiet huma aktar effettivi jekk ikunu involuti firxa wiesgħa ta' sħab internazzjonali. L-UE ħadmet mill-qrib matul l-aħħar ftit snin ma' sħab tal-istess fehma sabiex tikkoordina s-sanzjonijiet.
L-UE qed taħdem mal-Grupp tal-Bank Dinji, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u sħab internazzjonali oħra biex tipprevjeni lir-Russja milli tikseb finanzjament minn istituzzjonijiet bħal dawn.
Biex tikkoordina dan l-isforz internazzjonali, it-task force "eliti, proxies u oligarki Russi" tippermetti lill-UE tikkoopera mal-pajjiżi tal-G7 – il-Kanada, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Ġappun, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti – kif ukoll mal-Awstralja, biex tiżgura li s-sanzjonijiet jiġu implimentati.
Għalkemm l-UE taħdem mill-qrib ma' ħafna sħab, kull wieħed minn dawn il-pajjiżi mhux tal-UE jiddeċiedi unilateralment liema sanzjonijiet ser jimponi.
Is-sanzjonijiet tal-UE jaqgħu taħt id-dritt internazzjonali?
Iva. Is-sanzjonijiet kollha tal-UE huma konformi bis-sħiħ mal-obbligi skont id-dritt internazzjonali, filwaqt li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.
Ladarba jintlaħaq qbil politiku fost l-istati membri tal-UE, l-atti legali meħtieġa jitħejjew mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u/jew mill-Kummissjoni Ewropea u jiġu ppreżentati lill-Kunsill għall-adozzjoni.
Ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill, bħala atti legali ta' applikazzjoni ġenerali, jorbtu lil kwalunkwe persuna jew entità taħt il-ġuriżdizzjoni tal-UE. Dan ifisser kwalunkwe persuna jew entità fl-UE, kwalunkwe nazzjonal tal-UE fi kwalunkwe post, u l-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet kollha inkorporati skont il-liġi ta' stat membru tal-UE.
Ara wkoll
Russia's war against Ukraine: EU sanctions
Abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja: sanzjonijiet tal-UE
L-attivitajiet ibridi tar-Russja: sanzjonijiet tal-UE
- Sanzjonijiet adottati wara l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna (Kummissjoni Ewropea)
- Miżuri restrittivi tal-UE fid-dawl tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna (Ġurnal Uffiċjali tal-UE)
- Sanzjonijiet tal-UE kontra l-Belarussja
- Sanzjonijiet tal-UE kontra l-Iran
- Sanzjonijiet tal-UE kontra l-Korea ta' Fuq
- Għaliex l-UE tadotta sanzjonijiet
- Solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna
L-aħħar reviżjoni: 23 ta' Lulju 2026