- Kunsill Kompetittività
Vidjokonferenza tal-ministri responsabbli għall-industrija u s-suq intern, 15 ta' Mejju 2020, 15 ta' Mejju 2020
Riżultati ewlenin
Il-Presidenza Kroata tal-Kunsill illum organizzat vidjokonferenza ma' ministri inkarigati mis-suq intern u l-industrija bil-ħsieb li jingħata kontribut lill-Kummissjoni għall-finalizzazzjoni tal-pjan ta' rkupru tal-UE li jmiss.
Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar kif:
- jerġa' jiġi stabbilit suq uniku li jiffunzjona kompletament;
- jinkiseb l-irkupru rapidu ta' dawk is-setturi industrijali Ewropej l-aktar li ntlaqtu mill-pandemija tal-COVID-19, u
- tiġi żgurata l-awtonomija strateġika tal-UE f'setturi industrijali kritiċi, bħall-farmaċewtika u t-telekomunikazzjoni.
Il-ministri kellhom skambju ta' informazzjoni dwar l-impatt ekonomiku enormi tal-kriżi fuq l-ekonomija tal-istati membri rispettivi tagħhom u enfasizzaw il-ħtieġa għal rispons koordinat u ambizzjuż tal-UE, filwaqt li appellaw lill-Kummissjoni biex tadotta b'urġenza l-pjan ta' rkupru mħabbar. F'dan ir-rigward, diversi ministri esprimew il-fehma li l-Kunsill Kompetittività għandu jkollu rwol ewlieni fil-monitoraġġ u l-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni ta' dak il-pjan.
B'mod ġenerali ġie rikonoxxut li l-istabbiliment mill-ġdid mingħajr dewmien ta' suq uniku li jiffunzjona b'mod sħiħ, inkluż il-moviment liberu ta' servizzi u persuni, huwa l-qofol ta' kwalunkwe rkupru ekonomiku. F'dan il-kuntest, kien hemm appoġġ wiesa' għar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fil-pjan ta' azzjoni fit-tul għal implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli tas-suq uniku, ippubblikat mill-Kummissjoni fl-10 ta' Marzu 2020, kif ukoll fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tidentifika u tindirizza l-ostakli għas-suq uniku, ippubblikata fl-istess data.
Fir-rigward tal-isforzi biex tiġi appoġġata u rivitalizzata l-industrija tal-UE, b'mod partikolari dawk is-setturi l-aktar affettwati mill-kriżi pandemika, il-ministri ħadu nota tal-analiżi preliminari tal-Kummissjoni ta' għadd ta' ekosistemi industrijali. Diversi ministri semmew setturi speċifiċi bħala dawk li huma l-aktar affettwati mill-kriżi pandemika, bħall-industrija tal-karozzi, it-turiżmu u l-industrija ajruspazjali. Kien hemm appoġġ wiesa' biex l-investiment jiġi indirizzat fl-oqsma li jippreżentaw l-akbar potenzjal għall-innovazzjoni, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi.
Il-Kummissjoni kienet mistiedna minn diversi ministri biex tintegra l-objettivi tat-transizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali fil-pjan ta' rkupru. Madankollu, għadd ta' ministri esprimew il-ħtieġa li jiġu vvalutati mill-ġdid xi wħud mill-objettivi fi ħdan il-Patt Ekoloġiku Ewropew fid-dawl tal-kriżi ekonomika attwali.
Ġiet apprezzata l-flessibbiltà temporanja fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal setturi milquta mill-kriżi tal-COVID-19. Diversi delegazzjonijiet appellaw lill-Kummissjoni biex tiżgura li t-tali flessibbiltà ma twassalx għal diskrepanzi ekonomiċi akbar fl-UE.
Filwaqt li tennew l-appoġġ tagħhom għall-kummerċ ħieles u r-rilevanza ekonomika tal-ktajjen ta' valur globali inġenerali, il-ministri indikaw il-ħtieġa li tiġi żgurata l-awtonomija strateġika tal-UE billi titnaqqas id-dipendenza attwali tal-Unjoni fuq pajjiżi terzi għal provvisti kritiċi, bħall-ingredjenti farmaċewtiċi u l-materja prima.
Fi tmiem il-vidjokonferenza, il-presidenza Kroata ħarġet stqarrija għall-istampa.
Dokumenti tal-laqgħat
Dokumenti ta' eżitu
Tagħrif għall-istampa
Kuntatti għall-istampa
-
Ferran Tarradellas Espuny Press officer
- +32 473 95 45 74
- +32 2 281 6291
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.
Kompli segwina
- Irreġistra għall-allerti bl-email tagħna biex tirċievi aġġornamenti dwar din il-laqgħa u laqgħat simili.
- Segwi @EUCouncilPressgħall-aħħar aġġornamenti għall-istampa.
- Hashtag fuq X: #COMPET
Laqgħat oħra: Kunsill Kompetittività
Laqgħat li seħħew
L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2025