Skip to content
  • Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Vidjokonferenza informali tal-ministri għas-saħħa, 16 ta' Marzu 2021

Riżultati ewlenin

Pjan tal-Ewropa biex jingħeleb il-kanċer

Matul is-sessjoni ta' filgħodu, il-ministri ddiskutew il-pjan tal-Ewropa li ġie żvelat reċentement biex jingħeleb il-kanċer, fejn esprimew l-appoġġ u l-impenn qawwijin tagħhom għalih. Bosta delegazzjonijiet enfasizzaw li l-pjan kien komplementari għall-istrateġiji nazzjonali tagħhom u enfasizzaw il-ħtieġa li jitqiesu l-punti ta' tluq differenti fl-istati membri.

Il-Kummissjoni introduċiet is-suġġett billi ppreżentat il-pjan dwar il-kanċer, li hu msejjes fuq erba' oqsma ta' azzjoni ewlenin: il-prevenzjoni, is-sejba bikrija, id-dijanjożi u t-trattament, it-titjib tal-kwalità tal-ħajja. Il-pandemija tal-COVID-19 għandha impatt kbir fid-dewmien fis-sejba u t-trattament ta' każijiet ta' kanċer, u għaldaqstant hu meħtieġ li l-ġlieda kontra l-kanċer tibqa' prijorità għolja.

F'dan il-kuntest, il-ministri identifikaw il-prevenzjoni u s-sejba bikrija bħala objettivi ta' prijorità f'ħafna stati membri; partikolarment miżuri mmirati lejn it-tabakk u l-konsum perikoluż tal-alkoħol. Diversi ministri enfasizzaw ukoll l-importanza li jitnaqqsu l-inugwaljanzi fil-prevenzjoni u l-kura tal-kanċer madwar l-UE, kemm fost l-istati membri kif ukoll fi ħdanhom.

Xi delegazzjonijiet enfasizzaw ukoll l-importanza li l-istati membri jiġu involuti fl-implimentazzjoni tal-pjan Ewropew biex jingħeleb il-kanċer, u li jintużaw indikaturi speċifiċi għall-monitoraġġ tagħha.

Il-ministri enfasizzaw ukoll kemm l-użu u l-kondiviżjoni ta' data medika u xjentifika jistgħu jkunu kruċjali fil-ġlieda kontra l-kanċer. Id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi mediċi titqies mill-ministri bħala opportunità biex l-istati membri jikkooperaw aktar, jiskambjaw informazzjoni u jgħinu lil xulxin. Bosta enfasizzaw l-importanza li jiġi żgurat li d-data dwar is-saħħa tkun protetta u anonimizzata.

COVID-19 - it-triq 'il quddiem

Waranofsinhar, il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar l-implimentazzjoni ta' interventi u politiki mhux farmaċewtiċi kontra l-COVID-19 madwar l-UE. Fil-bidu tas-sessjoni, Andrea Ammon, direttur taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), aġġornat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali fl-UE fejn enfasizzat l-imxija wiesgħa ta' ċerti varjanti tal-virus fl-UE u l-ħtieġa li jinżammu miżuri ta' prevenzjoni sakemm il-kampanji ta' tilqim ikunu għamlu biżżejjed progress. Fergus Sweeny, kap tat-Taskforce għall-Istudji Kliniċi u l-Manifattura tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), għarraf lill-ministri li l-aġenzija bħalissa qed twettaq valutazzjoni u investigazzjoni sħaħ dwar il-korrelazzjoni bejn il-vaċċin ta' AstraZeneca kontra l-COVID-19 u avvenimenti tromboemboliċi (wara s-sospensjoni tat-tilqim bl-AstraZeneca minn għadd ta' stati membri); il-konklużjoni tal-aġenzija dwar dan hija mistennija l-Ħamis 18 ta' Marzu.

Bosta ministri rrikonoxxew li s-sitwazzjoni epidemjoloġika għadha diffiċli, prinċipalment minħabba l-varjanti ġodda tal-virus, filwaqt li saħqu li l-pressjoni fuq il-psikoloġija tal-popolazzjoni, is-sistemi tal-kura tas-saħħa u l-ekonomiji hija kbira. Huma tennew il-ħtieġa li jitħaffu l-kampanji ta' tilqim, u żiedu li r-restrizzjonijiet u l-vaċċini ser ikollhom jeżistu flimkien għal xi żmien.

Il-ministri enfasizzaw ukoll li l-interventi mhux farmaċewtiċi (bħall-iġjene tal-idejn u respiratorja, il-maskri, it-tbegħid soċjali) jibqgħu prijorità fl-isforzi tal-istati membri biex jikkontrollaw l-imxija tal-virus filwaqt li jsiru l-kampanji ta' tilqim. Enfasizzaw ukoll il-ħtieġa għal aktar kooperazzjoni fil-kondiviżjoni ta' informazzjoni u f'miżuri ta' prevenzjoni kruċjali.

Marta Temido, Ministru għas-Saħħa tal-Portugall
Huwa essenzjali li nwettqu bl-aħjar mod, fil-livell Ewropew, l-implimentazzjoni ta' interventi mhux farmaċewtiċi, sabiex inkunu nistgħu nkunu mgħammra aħjar biex niddiskutu kif nistgħu nibdew gradwalment b'mod sikur inneħħu r-restrizzjonijiet tal-COVID-19. Madankollu, l-enfasi tagħna għandha tkun ukoll fuq is-suċċess tal-kampanji ta' tilqim nazzjonali tagħna. Għal dak il-għan, huwa essenzjali li nagħmlu kull sforz, flimkien mal-Kummissjoni, sabiex niżguraw it-twassil f'waqtu tal-vaċċini kontra l-COVID-19, kif ukoll biex nippromwovu żieda fil-produzzjoni tal-vaċċini.
Marta Temido, Ministru għas-Saħħa tal-Portugall
Marta Temido, Ministru għas-Saħħa tal-Portugall

Affarijiet oħra

Il-presidenza għarrfet lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tal-pakkett tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa u l-proposta għal regolament dwar il-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa, filwaqt li spjegat l-intenzjoni tagħha li tipprova tadotta mandat tal-Coreper sabiex jinbdew in-negozjati mal-Parlament Ewropew dwar din tal-aħħar mill-aktar fis possibbli.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025