"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Kompetittività

Vidjokonferenza informali tal-ministri għas-suq intern u l-industrija, 25 ta' Frar 2021

Riżultati ewlenin

Semestru Ewropew – Pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza

Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar kif il-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jistgħu jintużaw bl-aħjar mod bħala strument għat-twettiq tal-għanijiet tal-politika industrijali: it-tisħiħ tas-Suq Uniku, it-tranżizzjonijiet tewmin u l-awtonomija strateġika f'UE miftuħa.

Pedro Siza Vieira, Ministru tal-Istat għall-Ekonomija u t-Tranżizzjoni Diġitali tal-Portugall
Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza stabbiliet il-bażi. Issa hija r-responsabbiltà tagħna li nidentifikaw l-oqsma, is-setturi u l-azzjonijiet li huma kruċjali għall-irkupru fuq perijodu qasir u r-reżiljenza fit-tul tal-ekonomiji nazzjonali tagħna, kif ukoll tal-ekonomija tal-UE meħuda f'daqqa. Id-diskussjonijiet tal-lum huma l-ewwel pass importanti f'din id-direzzjoni.
Pedro Siza Vieira, Ministru tal-Istat għall-Ekonomija u t-Tranżizzjoni Diġitali tal-Portugall
Pedro Siza Vieira, Ministru tal-Istat għall-Ekonomija u t-Tranżizzjoni Diġitali tal-Portugall

Il-ministri qablu b'mod ġenerali li l-Kunsill Kompetittività għandu jaqdi rwol prominenti fl-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u li għandu jipprovdi koordinazzjoni u gwida fl-investimenti li ser isiru.

Ġie enfasizzat li Suq Uniku li jaħdem sew u kompetizzjoni ġusta huma l-prekondizzjonijiet ewlenin biex l-Ewropa toħroġ aktar b'saħħitha u aktar reżiljenti mill-kriżi tal-COVID-19. Il-ministri ssottolinjaw l-importanza li jiġi żgurat il-fluss liberu ta' oġġetti u servizzi għall-funzjonament bla xkiel tas-Suq Uniku. Huma saħqu fuq il-ħtieġa li l-istati membri jikkoordinaw bejniethom qabel ma jistabbilixxu miżuri ta' kontroll temporanji fil-fruntieri interni fl-UE.

L-awtonomija strateġika tal-UE wkoll trid tibqa' tingħata prijorità fuq l-aġenda. Jeħtieġ li l-UE tnaqqas id-dipendenzi f'setturi u prodotti kritiċi bħall-produzzjoni tal-vaċċini u s-semikondutturi. Fl-istess ħin, għadd kbir ta' ministri ġibdu attenzjoni għall-fatt li l-ekonomija tal-UE hija mibnija fuq il-prinċipju ta' swieq miftuħa u tiddependi fuq regoli multilaterali u network solidu ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles ma' sħab globali. Madankollu, huma enfasizzaw ukoll l-importanza li jinżammu kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni globali u li l-istrumenti kummerċjali eżistenti jintużaw b'mod ġust u sod biex in-negozji u l-konsumaturi tal-UE jiġu protetti minn prattiki inġusti minn kompetituri mhux tal-UE.

Ħafna ministri saħqu fuq ir-rwol tar-riċerka u l-innovazzjoni biex jitħaffef l-irkupru u tissaħħaħ ir-reżiljenza. Il-miżuri ta' appoġġ għandhom ikunu mmirati lejn il-ħtiġijiet speċifiċi tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, li huma t-tessut li jgħaqqad flimkien l-ekonomija tal-UE. Għadd kbir ta' stati membri enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu żviluppati standards aktar armonizzati biex jirfdu s-Suq Uniku. Għadd ta' ministri semmew l-importanza ta' proġetti transkonfinali innovattivi, pereżempju dwar il-konnettività tal-5G, kif ukoll ir-rwol ta' proġetti importanti ta' interess Ewropew komuni (IPCEIs) bħala mod kif tissaħħaħ il-koordinazzjoni tagħhom.

Il-ministri appellaw lill-Kummissjoni biex tqis l-ideat imsemmija hawn fuq meta tiffinalizza l-aġġornament tagħha tal-istrateġija industrijali l-ġdida għall-Ewropa.

Il-presidenza ser tiġbor fil-qosor l-eżitu tad-dibattitu f'ittra li ser tintbagħat lill-president tal-Kunsill Ewropew, bħala kontribut għad-diskussjonijiet fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2021.

L-Aġenda ġdida tal-Konsumatur tal-UE

Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Aġenda Ġdida għall-Konsumaturi". Permezz ta' dan, huma rreferew ukoll għall-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-suġġett adottati fit-22 ta' Frar 2021. Kemm dawn il-konklużjonijiet kif ukoll l-eżitu tad-dibattitu ta' orjentazzjoni huma maħsuba biex jipprovdu lill-Kummissjoni bi gwida politika għal inizjattivi futuri f'dan il-qasam.

Pedro Siza Vieira, Ministru tal-Istat għall-Ekonomija u t-Tranżizzjoni Diġitali tal-Portugall
Il-fiduċja tal-konsumaturi taqdi rwol kruċjali fl-irkupru u r-reżiljenza tal-ekonomiji tagħna. Jeħtieġ li nsaħħu din il-fiduċja billi nagħtu spinta lis-suq intern u nipprovdu mezzi lill-konsumatur biex ikollu rwol attiv fit-tranżizzjoni tal-ekonomiji tagħna lejn l-Ewropa ekoloġika u diġitali ta' għada.
Pedro Siza Vieira, Ministru tal-Istat għall-Ekonomija u t-Tranżizzjoni Diġitali tal-Portugall
Pedro Siza Vieira, Ministru tal-Istat għall-Ekonomija u t-Tranżizzjoni Diġitali tal-Portugall

Il-ministri ssottolinjaw ir-rwol kruċjali tal-konsumaturi fl-irkupru ekonomiku. Huma saħqu li sabiex tingħata spinta lis-suq uniku u jitħaffef l-irkupru ekonomiku, jeħtieġ li l-protezzjoni tal-konsumatur tissaħħaħ u tiġi integrata fl-oqsma kollha ta' politika.

Diversi ministri enfasizzaw li l-fiduċja tal-konsumaturi u informazzjoni trasparenti għall-konsumaturi huma elementi importanti għall-irkupru tal-ekonomija tal-Ewropa wara l-kriżi tal-COVID-19. Pereżempju, fil-kuntest tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, ser ikun hemm bżonn li l-konsumaturi jħossuhom responsabbilizzati u protetti meta jbiddlu x-xejriet tal-konsum tagħhom kontra prattiki bħall-greenwashing.

Xi ministri ġibdu attenzjoni għall-importanza tal-ġlieda kontra l-obsolexxenza programmata u l-promozzjoni tad-dritt għat-tiswija, sabiex jitħeġġeġ il-konsum sostenibbli.

Sabiex tingħata spinta lill-konsum bl-imnut online, ir-regoli dwar is-servizzi diġitali madwar l-UE għandhom jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur billi jiċċaraw u jsaħħu l-obbligu li l-pjattaformi online jerfgħu responsabbiltà. Diversi ministri semmew ir-rwol importanti ħafna li ser ikollhom l-atti futuri dwar is-servizzi diġitali u dwar is-swieq diġitali f'dan ir-rigward.

Huwa importanti wkoll li l-Kummissjoni u l-istati membri jeżaminaw l-effettività tal-mekkaniżmi eżistenti fil-politika tal-konsumatur sabiex ikunu mħejjija għal kriżijiet futuri u b'hekk isaħħu r-reżiljenza tal-konsumatur.

Rapport pubbliku għal kull pajjiż

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet (seduta pubblika) dwar kif id-direttiva proposta għandha titmexxa 'l quddiem.

Pedro Siza Vieira, Ministru tal-Istat għall-Ekonomija u t-Tranżizzjoni Diġitali tal-Portugall
It-trasparenza fiskali hija prinċipju fundamentali fi kwalunkwe soċjetà demokratika. Dan jippermetti lil dawk li jfasslu l-politika biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati u biex jiżguraw li l-atturi ekonomiċi kollha jikkontribwixxu b'mod ġust u ekwu għall-ekonomija tad-diversi pajjiżi fejn iwettqu n-negozju tagħhom. Id-dibattitu tal-lum witta t-triq biex id-direttiva proposta timxi 'l quddiem bħala kwistjoni ta' prijorità.
Pedro Siza Vieira, Ministru tal-Istat għall-Ekonomija u t-Tranżizzjoni Diġitali tal-Portugall
Pedro Siza Vieira, Ministru tal-Istat għall-Ekonomija u t-Tranżizzjoni Diġitali tal-Portugall

Maġġoranza ċara tal-ministri kienu tal-fehma li l-aħħar proposta konsolidata tal-presidenza hija teknikament matura. Huma stiednu lill-presidenza Portugiża biex tfittex mandat ta' negozjar mingħajr dewmien sabiex flimkien mal-Parlament Ewropew tesplora l-possibbiltà ta' ftehim għall-adozzjoni rapida tad-direttiva.

Il-presidenza Portugiża kkonkludiet li kien hemm appoġġ politiku għaliha biex tfittex mandat ta' negozjar sabiex flimkien mal-Parlament Ewropew tesplora l-possibbiltà ta' ftehim għall-adozzjoni rapida tad-direttiva proposta.

Affarijiet oħra

Task force għall-produzzjoni industrijali fuq skala akbar tal-vaċċini kontra l-Covid-19

Il-ministri ġew infurmati mill-Kummissjoni dwar il-ħidma mwettqa s'issa mit-task force l-ġdida għall-produzzjoni industrijali fuq skala akbar tal-vaċċini kontra l-Covid-19 fl-UE. L-istati membri ġew mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar l-isforzi u l-kapaċitajiet nazzjonali biex jindirizzaw l-ostakli possibbli assoċjati mal-produzzjoni tal-vaċċini kontra l-Covid-19. Fl-interventi tagħhom, ħafna ministri laqgħu b'sodisfazzjon il-ħolqien tat-task force biex tindirizza din il-kwistjoni importanti.

D9+ Laqgħa Ministerjali – "Leading the Way to Europe’s Digital Decade" ("Inwittu t-Triq lejn id-Deċennju Diġitali tal-Ewropa") (27 ta' Jannar 2021)

Il-ministri ġew infurmati mid-delegazzjoni Finlandiża dwar l-eżitu tal-aħħar laqgħa tal-grupp D9+, li ġiet organizzata permezz ta' vidjokonferenza mill-Finlandja fis-27 ta' Jannar 2021. Dan l-eżitu jikkonsisti minn dikjarazzjoni konġunta "Leading the Way to Europe’s Digital Decade" mill-pajjiżi parteċipanti kollha, li l-messaġġ ewlieni tagħha huwa li l-kompetittività teknoloġika tal-Ewropa hija bbażata fuq l-iżvilupp diġitali, l-innovazzjonijiet u suq intern li jaħdem.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Kompetittività

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2025