"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Kompetittività

Vidjokonferenza informali tal-ministri għar-riċerka, 26 ta' Frar 2021

Riżultati ewlenin

Riċerka u innovazzjoni fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza: investimenti u riformi

Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar kif il-faċilità għall-irkupru u r-reżiljenza (RRF) tista' tikkontribwixxi għall-iżvilupp ulterjuri taż-żona Ewropea tar-riċerka (ŻER).

Manuel Heitor, Ministru Portugiż għax-Xjenza u t-Teknoloġija u l-Edukazzjoni Għolja
Ir-riċerka u l-innovazzjoni jixprunaw l-isforzi lejn l-irkupru ekonomiku mill-kriżi tal-COVID-19. Dawn jistgħu mhux biss jixprunaw l-attività ekonomika iżda wkoll jaċċelleraw it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u jsaħħu r-reżiljenza tal-ekonomija tagħna. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza toffri opportunità unika biex tissaħħaħ iż-Żona Ewropea tar-Riċerka u biex din issir aktar ta' impatt - u viċi versa.
Manuel Heitor, Ministru Portugiż għax-Xjenza u t-Teknoloġija u l-Edukazzjoni Għolja
Manuel Heitor, Ministru Portugiż għax-Xjenza u t-Teknoloġija u l-Edukazzjoni Għolja

Il-ministri enfasizzaw li l-pandemija tal-COVID-19 żvelat l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriżi attwali tas-saħħa u l-ekonomija, kif ukoll il-potenzjal tagħha li tipprevjeni vulnerabbiltajiet fi kriżijiet futuri. Barra minn hekk, ġie rikonoxxut b'mod wiesa' li r-riċerka u l-innovazzjoni huma kruċjali biex jinkisbu t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

Peress li l-RRF toffri opportunità unika biex tissaħħaħ iż-ŻER u biex din issir aktar ta' impatt, il-ministri qablu b'mod ġenerali li l-investimenti u r-riformi fis-sistemi tar-riċerka u l-innovazzjoni għandhom jiġu riflessi b'mod xieraq fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza li attwalment qed jiġu elaborati fl-istati membri.

Kien hemm kunsens li r-riformi strutturali u l-investimenti intelliġenti fil-kuntest tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza għandhom jiffukaw fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-aktar oqsma promettenti, bħall-idroġenu ekoloġiku, il-computing ta' prestazzjoni għolja u l-quantum, l-intelliġenza artifiċjali, is-sistemi spazjali u ċ-ċentri ta' innovazzjoni. Diversi ministri indikaw li huwa essenzjali li jitħaffef id-dħul fis-suq ta' soluzzjonijiet innovattivi.

Filwaqt li jibnu fuq l-assi b'saħħithom taż-ŻER, jiġifieri l-infrastrutturi pan-Ewropej, ir-riżorsi umani, il-kooperazzjoni tranżnazzjonali fir-riċerka u x-xjenza miftuħa, l-UE u l-istati membri tagħha jistgħu jsaħħu bil-kbir l-inklużjoni u jagħtu spinta lill-prosperità ekonomika permezz ta' xjenza eċċellenti. F'dan ir-rigward, għadd ta' ministri enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu mmodernizzati l-universitajiet u l-karrieri fir-riċerka, filwaqt li ssottolinjaw l-importanza tal-investiment fil-kapital uman u l-iżvilupp tal-ħiliet.

Ħafna ministri enfasizzaw l-importanza li jiġu appoġġati negozji ġodda u SMEs innovattivi billi jiġu ssimplifikati l-proċeduri għall-aċċess għall-finanzjament. Sabiex jiġi massimizzat l-ingranaġġ, jenħtieġ li jiġu mfittxija sinerġiji bejn il-finanzjament nazzjonali u d-diversi programmi Ewropej, b'mod partikolari Orizzont Ewropa, kif ukoll l-investiment tas-settur privat, filwaqt li jiġu evitati d-duplikazzjonijiet. Diversi ministri semmew ukoll ir-rwol li għandhom is-sħubiji fil-kooperazzjoni pubblika-privata u fi proġetti transkonfinali. F'dan il-kuntest, kien hemm diversi sejħiet għal gwida u għarfien espert mill-Kummissjoni biex jinkiseb il-livell ta' koordinazzjoni meħtieġ għall-implimentazzjoni b'suċċess ta' proġetti transkonfinali u multinazzjonali.

Il-presidenza Portugiża ħabbret li l-eżitu tad-dibattitu ser jikkontribwixxi għad-diskussjonijiet li ġejjin tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern fis-summit tar-rebbiegħa tal-UE fil-25 u s-26 ta' Marzu.

Affarijiet oħra:

a) Is-sitwazzjoni attwali tar-regolament tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-impriża konġunta Ewropea tal-computing ta' prestazzjoni għolja

Il-ministri ġew infurmati mill-presidenza Portugiża dwar il-progress miksub s'issa fl-eżami tar-regolament propost fil-korpi preparatorji tal-Kunsill. Il-proposta bħalissa qed tiġi diskussa fil-grupp ta' ħidma dwar ir-riċerka.

b) Il-forum tal-ERA għat-tranżizzjoni u l-patt għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa

Il-ministri ġew infurmati mill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tal-forum taż-ŻER għat-tranżizzjoni, li nħoloq f'Jannar. Ġie nnutat li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li sa Lulju 2021 tagħmel proposta għal patt għar-riċerka u l-innovazzjoni, maħsub bħala ċ-ċentru tal-qafas futur ta' governanza taż-ŻER.

c) Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-sħubija Ewropea dwar il-metroloġija mwettqa b'mod konġunt minn diversi stati membri

Il-Kummissjoni ppreżentat (f'sessjoni pubblika) il-proposta tagħha għal deċiżjoni li tippermetti l-parteċipazzjoni tal-UE fis-sħubija Ewropea dwar il-metroloġija, li tressqet fit-23 ta' Frar.

d) Proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti taħt Orizzont Ewropa

Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti taħt Orizzont Ewropa, magħruf ukoll bħala l-"Att Bażiku Uniku", imressqa fl-24 ta' Frar.

e) Informazzjoni rigward l-opinjoni xjentifika dwar il-bijodegradibbiltà tal-plastik fl-ambjent miftuħ

Il-ministri ġew infurmati mill-Kummissjoni dwar l-opinjoni xjentifika tal-grupp ta' konsulenti xjentifiċi ewlenin tal-Kummissjoni dwar il-bijodegradabbiltà tal-plastik fl-ambjent miftuħ. L-opinjoni tipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar il-kriterji li għandhom jintużaw biex jiġu massimizzati l-benefiċċji ambjentali tal-plastik bijodegradabbli meta mqabbla ma' dawk konvenzjonali. Skont il-Kummissjoni, il-grupp jirrakkomanda tnaqqis globali fl-użu tal-plastik.

f) Sħubija ta' Orizzont Ewropa dwar it-tħejjija għall-pandemija

Il-ministri ġew infurmati mill-Kummissjoni dwar l-aħħar sitwazzjoni attwali fit-tħejjija ta' proposta tal-Kummissjoni għal sħubija ta' riċerka u; innovazzjoni Ewropea għat-tħejjija għall-pandemija taħt Orizzont Ewropa. Is-sħubija, imħabbra mill-Kummissjoni f'April 2020 bħala parti mill-azzjonijiet stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni ERAvsCorona, għandha l-għan li ssaħħaħ il-potenzjal ta' rispons Ewropew ikkoordinat għall-pandemija tal-COVID-19 f'termini ta' riċerka u innovazzjoni.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Kompetittività

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2025