Skip to content
  • Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (Saħħa), 9 ta' Diċembru 2022

Riżultati prinċipali

Approċċ ġdid għall-iskrinjar tal-kanċer

Il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni ġdida għall-iskrinjar tal-kanċer biex inaqqas il-mortalità tal-kanċer u jnaqqas l-inċidenza ta' kanċers invażivi. Il-kanċer huwa marda u kawża ta' mewt ewlenija madwar l-Ewropa. Fl-2020, madwar 2,7 miljun persuna fl-UE ġew dijanjostikati bil-kanċer.

Ir-rakkomandazzjoni l-ġdida fiha metodoloġiji u testijiet aġġornati għall-iskrinjar tal-kanċer tas-sider, ċervikali u kolorettali u tintroduċi programmi organizzati tal-iskrinjar tal-kanċer għall-kanċer tal-pulmun, tal-prostata, u, f'ċerti ċirkustanzi, għall-kanċer tal-istonku.

Bl-iskrinjar huwa possibbli li jiġu identifikati kanċers fi stadju bikri, jew possibbilment anki qabel ma jsiru invażivi. Permezz ta' testijiet bikrija, xi leżjonijiet ikunu jistgħu jiġu ttrattati b'mod aktar effettiv, b'aktar ċans li l-pazjenti jfiequ.

Vlastimil Válek, Viċi Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa taċ-Ċekja
L-iskrinjar tal-kanċer huwa għodda essenzjali fil-ġlieda kontra l-kanċer. Illum, il-ministri għas-saħħa Ewropej iddeċidew li jagħmlu din l-għodda saħansitra aktar b'saħħitha.
Vlastimil Válek, Viċi Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa taċ-Ċekja
Vlastimil Válek, Viċi Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa taċ-Ċekja

Tilqim: l-akkwist tal-vaċċini kontra l-COVID-19 u l-kooperazzjoni Ewropea

Il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar l-akkwist tal-vaċċini kontra l-COVID-19. Fl-istadju attwali tal-pandemija, għadd sinifikanti ta' stati membri qed jiffaċċaw provvista żejda ta' vaċċini, li tqajjem ħafna mistoqsijiet ta' natura baġitarja u loġistika. Ħafna ministri fakkru fis-suċċess tax-xiri konġunt tal-vaċċini kontra l-COVID-19 u kif l-istrateġija komuni tat-tilqim salvat il-ħajjiet.

Il-ministri ddiskutew ukoll passi futuri bil-ħsieb ta' adattament possibbli tal-kuntratti eżistenti. Diversi ministri laqgħu t-tħabbira tal-Kummissjoni li ssejjaħ laqgħa fil-livell politiku tal-bord ta' tmexxija tal-vaċċini. Ġie indikat ukoll li għandha tiġi evitata l-produzzjoni ta' vaċċini li jistgħu jintużaw biss fuq ċertu perjodu ta' żmien minħabba ħajja limitata fuq l-ixkaffa.

Il-Kunsill approva wkoll konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tilqim bħala waħda mill-aktar għodod effettivi għall-prevenzjoni tal-mard u t-titjib tas-saħħa pubblika. Huma jenfasizzaw li l-istati membri jistgħu jgawdu minn approċċ tal-UE aktar ikkoordinat dwar it-tilqim biex jipprevjenu u jillimitaw it-tixrid ta' epidemiji u mard li jista' jiġi evitat bit-tilqim. Il-konklużjonijiet jiffukaw fuq żewġ oqsma ta' azzjoni: il-ġlieda kontra l-eżitazzjoni għat-tilqim u t-tħejjija għall-isfidi li ġejjin permezz tal-kooperazzjoni tal-UE.

It-tilqim huwa mezz effettiv kontra l-mard infettiv. Kooperazzjoni b'saħħitha fost l-istati membri tal-UE dwar it-tilqim għinitna ngħaddu mill-pandemija tal-COVID u ser tkompli tkun l-approċċ it-tajjeb fil-futur. Vlastimil Válek, Viċi Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa taċ-Ċekja

Aġġornament dwar il-fajls leġiżlattivi li għaddejjin bħalissa

Il-presidenza infurmat dwar is-sitwazzjoni attwali ta' żewġ abbozzi ta' liġijiet li bħalissa qed jiġu eżaminati mill-istati membri:

  • proposta għal Spazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa għandha l-għan li tagħmilha aktar faċli biex il-pazjenti jkollhom aċċess għad-data tagħhom relatata mas-saħħa f'forma elettronika u li jaqsmu din id-data mal-professjonisti tas-saħħa fl-UE
  • abbozz ta' regolament dwar l-istandards ta' kwalità u sikurezza għal sustanzi ta' oriġini umana jittratta – fost affarijiet oħra – l-iffaċilitar taċ-ċirkolazzjoni transfruntiera ta' tali sustanzi kritiċi bħad-demm, it-tessuti u ċ-ċelloli u tagħti spinta lill-protezzjoni mid-donaturi, mir-riċevituri u mill-ulied

Affarijiet oħra

Il-Kummissjoni pprovdiet informazzjoni dwar ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni farmaċewtika, dwar l-Istrateġija tal-UE għas-Saħħa Globali, dwar ir-Rapport ta' Tħejjija dwar l-Istat ta' Saħħa u l-implimentazzjoni tar-regolament dwar l-apparati mediċi.

Il-presidenza u l-Kummissjoni infurmaw lill-ministri dwar in-negozjati għal ftehim internazzjonali dwar il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji, kif ukoll emendi komplementari għar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa.

Id-delegazzjoni Ġermaniża ppreżentat punt ta' informazzjoni dwar is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Provi Kliniċi. Il-presidenza Ċeka tat informazzjoni dwar konferenzi organizzati matul il-mandat tagħha u l-presidenza Żvediża li jmiss ippreżentat il-programm ta' ħidma tagħha.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025