"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur, 12 u 13 ta' Ġunju 2023

Riżultati ewlenin

Saħħa, 13 ta' Ġunju

Reżistenza għall-antimikrobiċi

Il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni bl-għan li tiżdied l-azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR) fl-oqsma tas-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent permezz ta' approċċ "Saħħa Waħda".

Ir-rakkomandazzjoni tħeġġeġ l-użu prudenti ta' antimikrobiċi bħall-antibijotiċi fis-saħħa tal-bniedem u tal-annimali biex tgħin fil-prevenzjoni ta' mikroorganiżmi li jikkawżaw infezzjoni milli jsiru reżistenti għall-mediċini.

Il-miżuri proposti fir-rakkomandazzjoni jinkludu miri biex jitnaqqas l-użu tal-antimikrobiċi sal-2030, it-tisħiħ tal-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali biex jiġi mmonitorjat il-konsum tal-antimikrobiċi (AMC), u s-sensibilizzazzjoni fost il-professjonisti tas-saħħa u l-pubbliku ġenerali.

Jakob Forssmed, Ministru għall-Affarijiet Soċjali u s-Saħħa Pubblika tal-Iżvezja
Ma nistgħux ninjoraw it-theddida fatali li l-mikroorganiżmi reżistenti għall-mediċini joħolqu għas-saħħa tal-bniedem. Il-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi kienet prijorità ewlenija għall-presidenza Żvediża u r-rakkomandazzjoni tal-lum tipprovdi lill-pajjiżi tal-UE bl-għodod biex jimmonitorjaw u jnaqqsu l-konsum tal-antimikrobiċi.
Jakob Forssmed, Ministru għall-Affarijiet Soċjali u s-Saħħa Pubblika tal-Iżvezja
Jakob Forssmed, Ministru għall-Affarijiet Soċjali u s-Saħħa Pubblika tal-Iżvezja

Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA)

Il-ministri għas-saħħa qablu dwar l-approċċ ġenerali tal-Kunsill għal regolament li jimmodernizza u jissimplifika l-istruttura tat-tariffi pagabbli lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA).

Ir-regolament propost għandu l-għan li jiżgura li t-tariffi imposti mill-EMA jkunu bbażati fuq il-kost, kif ukoll li jnaqqas l-kumplessità tal-qafas legali attwali.

Sabiex twettaq il-missjoni tagħha ta' evalwazzjoni u superviżjoni tal-mediċini, l-EMA teħtieġ bażi finanzjarja soda biex tappoġġa l-operazzjonijiet tagħha. Jeħtieġ ukoll li l-kontribuzzjoni fundamentali tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tiġi remunerata b'mod sostenibbli.

Il-Kunsill ta l-mandat lill-presidenza biex tiftaħ negozjati mal-Parlament Ewropew abbażi tal-approċċ ġenerali maqbul mill-ministri.

Spazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa

Il-ministri evalwaw il-progress li sar s'issa fir-regolament biex jiġi stabbilit Spazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa (EHDS).

Ir-regolament propost għandu l-għan li jistabbilixxi qafas għall-kondiviżjoni tad-data speċifiku għas-saħħa li ser jiffaċilita l-iskambju sikur tad-data tal-pazjenti filwaqt li jagħti wkoll liċ-ċittadini tal-UE kontroll fuq id-data dwar saħħithom.

Sustanzi ta' oriġini umana

Abbażi ta' rapport ta' progress imħejji mill-presidenza Żvediża, il-Kunsill ivvaluta s-sitwazzjoni attwali tal-proposta għal regolament dwar standards ta' kwalità u sikurezza għal sustanzi ta' oriġini umana (SoHO) maħsuba għall-użu mill-bniedem.

Ir-regolament propost għandu l-għan li jaġġorna u jespandi l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar id-demm, it-tessuti u ċ-ċelloli bil-ħsieb li jiġu stabbiliti standards għoljin ta' kwalità u sikurezza għas-SoHOs.

Affarijiet oħra

Il-presidenza u l-Kummissjoni infurmaw lid-delegazzjonijiet dwar in-negozjati għal ftehim internazzjonali dwar il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji, kif ukoll emendi komplementari għar-Regolament Internazzjonali tas-Saħħa (IHR).

Ingħatat ukoll informazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-komunikazzjoni tagħha ppubblikata reċentement dwar is-saħħa mentali; mill-presidenza dwar konferenzi rilevanti li hija organizzat matul il-presidenza tagħha; mid-delegazzjoni Franċiża dwar il-ħolqien ta' Jum Ewropew b'tifkira tal-vittmi tal-pandemija tal-Covid-19; u mill-presidenza Spanjola li jmiss dwar il-programm ta' ħidma tagħha fil-qasam tas-saħħa. Id-delegazzjoni tal-Awstrija, il-Belġju, l-Irlanda, il-Lussemburgu u dik tan-Netherlands ipprovdew informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta' approċċ għall-innovazzjoni farmaċewtika mmexxi mill-ħtiġijiet.

Illustrazzjoni ta' żewġ batterji

Ħames raġunijiet biex nagħtu importanza lir-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR) (Infografika)

Impjiegi u politika soċjali, 12 ta' Ġunju

Drittijiet għall-ħaddiema tal-pjattaformi

Il-ministri qablu dwar l-approċċ ġenerali tal-Kunsill għal direttiva proposta biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema tal-pjattaformi, li jippermettulu jibda negozjati mal-Parlament Ewropew.

Id-direttiva dwar il-ħaddiema tal-pjattaformi għandha żewġ għanijiet ewlenin. L-ewwel nett, għandha l-għan li tiddetermina l-istatus tal-impjieg korrett tal-persuni li jaħdmu għall-pjattaformi tax-xogħol diġitali fl-UE, li wħud minnhom huma kklassifikati b'mod żbaljat bħala persuni li jaħdmu għal rashom u għandu jkollhom aċċess għad-drittijiet tax-xogħol u soċjali skont id-dritt tal-UE.

It-tieni nett, id-direttiva tfittex li żżid it-trasparenza dwar l-użu tal-algoritmi mill-pjattaformi tax-xogħol diġitali, filwaqt li tiżgura s-sorveljanza umana fuq deċiżjonijiet ewlenin li jaffettwaw lill-ħaddiema u l-protezzjoni tad-data personali tagħhom.

Skont l-approċċ ġenerali tal-Kunsill, il-ħaddiema tal-pjattaformi li jissodisfaw mill-inqas tlieta minn seba' kriterji ser ikunu legalment preżunti li huma impjegati. Eżempji ta' dawn il-kriterji jinkludu limiti imposti mill-pjattaforma fuq is-salarju tal-ħaddiema, regoli dwar id-dehra jew il-kondotta tagħhom, jew restrizzjonijiet fuq il-kapaċità tagħhom li jirrifjutaw ix-xogħol minn sorsi oħra.

Fil-każijiet fejn tapplika din il-preżunzjoni legali, ser tkun il-pjattaforma diġitali li jkollha turi li ma teżisti l-ebda relazzjoni ta' impjieg skont il-liġi u l-prattika nazzjonali.

Paulina Brandberg, Ministru għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-Ħajja tax-Xogħol tal-Iżvezja
L-ekonomija tal-gigs ġabet magħha ħafna benefiċċji għal ħajjitna, iżda dan m'għandux isir għad-detriment tad-drittijiet tal-ħaddiema. L-approċċ tal-Kunsill isib bilanċ tajjeb bejn il-protezzjoni tal-ħaddiema u ċ-ċertezza legali li jagħti lill-pjattaformi li jimpjegawhom.
Paulina Brandberg, Ministru għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-Ħajja tax-Xogħol tal-Iżvezja
Paulina Brandberg, Ministru għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-Ħajja tax-Xogħol tal-Iżvezja
Illustrazzjoni: data dwar il-ħaddiema tal-pjattaformi diġitali.

Il-ħaddiema tal-pjattaformi diġitali fl-UE taħt il-lenti (Infografika)

Standards għall-korpi tal-ugwaljanza

Il-ministri għall-impjiegi u l-affarijiet soċjali tal-UE qablu dwar l-approċċi ġenerali tal-Kunsill dwar żewġ direttivi mmirati lejn it-tisħiħ tal-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza fl-UE.

Ir-regoli l-ġodda ser jistabbilixxu rekwiżiti minimi komuni fl-UE kollha għall-korpi tal-ugwaljanza f'għadd ta' oqsma ewlenin, inkluż kompetenzi msaħħa għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, indipendenza garantita, u setgħat akbar biex jitwettqu inkjesti u riżoluzzjoni tat-tilwim ta' każijiet ta' diskriminazzjoni.

Valuri ta' limitu għaċ-ċomb u d-diisoċjanati

Il-Kunsill approva l-approċċ ġenerali tiegħu dwar direttiva emendatorja biex jiġu stabbiliti limiti ġodda għall-esponiment fuq il-post tax-xogħol għaċ-ċomb u l-komposti inorganiċi tiegħu u d-diisoċjanati.

L-esponiment fit-tul għaċ-ċomb u għad-diisoċjanati jista' jkollu impatt sinifikanti fuq is-saħħa tal-ħaddiema. L-esponiment għaċ-ċomb huwa magħruf li jagħmel ħsara lis-sistema nervuża, lill-organi interni bħall-qalb u l-kliewi, u lis-sistema riproduttiva. Id-diisoċjanati, grupp ta' sustanzi kimiċi li jintużaw ħafna fl-industrija, huma marbuta mal-ażma u ma' mard respiratorju ieħor.

Id-direttiva emendatorja għandha l-għan li tbaxxi b'mod sinifikanti l-valuri ta' limitu eżistenti għaċ-ċomb u li għall-ewwel darba tintroduċi valuri ta' limitu għad-diisoċjanati.

Trattament ugwali

Wara li ħadu nota ta' rapport ta' progress imħejji mill-presidenza Żvediża, il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar id-direttiva proposta dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.

Il-ministri ddiskutew kemm ix-xejriet ta' diskriminazzjoni attwali kif ukoll dawk emerġenti ġodda fl-istati membri tagħhom u madwar l-UE kollha kemm hi. Huma kellhom ukoll skambju ta' fehmiet dwar il-passi li għandhom jittieħdu biex jiġu żblukkati n-negozjati dwar id-direttiva dwar it-trattament ugwali, u ssuġġerew soluzzjonijiet konkreti biex jiġu indirizzati t-tliet kwistjonijiet prinċipali pendenti: iċ-ċertezza legali, is-sussidjarjetà u l-ispejjeż tal-implimentazzjoni.

Semestru Ewropew

Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar is-Semestru Ewropew, li huwa l-qafas tal-UE għall-koordinazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki ekonomiċi, fiskali, tal-impjiegi u soċjali fuq bażi annwali. Id-diskussjoni ffukat fuq il-Pakkett tar-Rebbiegħa tas-Semestru Ewropew 2023 u l-integrazzjoni possibbli ta' Qafas ta' Konverġenza Soċjali fis-Semestru Ewropew.

Il-Kunsill EPSCO approva wkoll l-aspetti tal-impjiegi u tal-politika soċjali tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs) u approva l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO) u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (KPS) ta' dawn is-CSRs għall-2023, kif ukoll il-valutazzjoni tagħhom tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2022.

L-eżitu tad-dibattitu ta' orjentazzjoni tal-lum ser jikkontribwixxi għad-diskussjoni tal-kapijiet ta' stat u ta' gvern fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tad-29 u t-30 ta' Ġunju.

It-tisħiħ tad-djalogu soċjali

Il-ministri adottaw rakkomandazzjoni dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali fl-UE. Fir-rakkomandazzjoni tiegħu, il-Kunsill jagħti għadd ta' modi kif l-istati membri jistgħu jsaħħu d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv fil-livell nazzjonali, inkluż bl-involviment tas-sħab soċjali fit-tfassil tal-politika, il-promozzjoni tal-benefiċċji tad-djalogu soċjali, u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-ħaddiema u tal-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem.

L-integrazzjoni ta' perspettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri

Il-Kunsill approva l-konklużjonijiet dwar l-integrazzjoni ta' perspettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki, il-programmi u l-baġits. Il-konklużjonijiet huma bbażati fuq rapport mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), u jappellaw għal integrazzjoni aktar effettiva tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kuntest tal-mekkaniżmi istituzzjonali, b'mod partikolari l-politiki, il-programmi u l-baġits.

Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill jistabbilixxi għadd ta' modi li bihom l-istati membri jistgħu jżidu l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, inkluż l-adozzjoni ta' strateġiji nazzjonali għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-promozzjoni tal-ġbir ta' data statistika diżaggregata skont is-sessi, u l-iżgurar ta' finanzjament suffiċjenti għal miżuri biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri.

Affarijiet oħra

Il-presidenza Żvediża pprovdiet informazzjoni dwar żewġ fajls leġiżlattivi attwali: id-direttiva dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji konnessi mal-esponiment għall-asbestos fuq ix-xogħol, u r-reviżjoni tar-regolamenti dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali.

Il-president qasam ukoll informazzjoni dwar konferenzi rilevanti organizzati mill-Iżvezja matul il-presidenza tagħha.

Il-presidenza Spanjola li jmiss ippreżentat il-programm ta' ħidma tagħha.

Stampa: Ħaddiema lebsin tagħmir protettiv u jneħħu l-asbestos minn saqaf.

L-impatt tal-asbestos fuq is-saħħa tal-ħaddiema (Infografika)

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025