"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (Politika Soċjali), 16 ta' Ġunju 2022

Riżultati ewlenin

Xogħol fuq il-pjattaformi

Il-presidenza ppreżentat rapport ta' progress dwar is-sitwazzjoni attwali rigward id-direttiva proposta dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi.

L-għan tal-liġi proposta huwa li l-persuni li jaħdmu permezz ta' pjattaformi tax-xogħol diġitali jingħataw l-istatus ta' impjieg legali li jikkorrispondi għall-arranġamenti reali tax-xogħol tagħhom – u b'hekk igawdu d-drittijiet tax-xogħol u l-benefiċċji soċjali li huma intitolati għalihom.

Illum, aktar minn 28 miljun ruħ fl-UE jaħdmu permezz ta' pjattaformi tax-xogħol diġitali. Il-maġġoranza l-kbira ta' dawn il-persuni ġenwinament jaħdmu għal rashom iżda 5.5 miljun huma – skont l-istimi tal-Kummissjoni Ewropea – ikklassifikati b'mod skorrett bħala persuni li jaħdmu għal rashom.

Semestru Ewropew

Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar is-Semestru Ewropew u b'mod partikolari dwar il-governanza tiegħu u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs) għall-2022. L-eżitu ta' din id-diskussjoni, u dibattiti simili tal-ministri għall-ekonomija u l-finanzi kif ukoll għall-affarijiet Ewropej, ser jikkontribwixxu għad-diskussjoni tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ġunju. Is-Semestru Ewropew huwa ċiklu ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika, fiskali, soċjali u tax-xogħol fl-UE.

Il-Kunsill approva wkoll l-aspetti tal-impjiegi u tal-politika soċjali ta' dawn is-CSRs u approva l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO) u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (SPC) ta' dawn is-CSRs għall-2022 u l-valutazzjonijiet tagħhom tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2019 u l-2020.

Illustrazzjonijiet tal-kronoloġija tas-Semestru Ewropew, ċarts ekonomiċi u munzell ta' flus

Semestru Ewropew (Infografika)

Summit Soċjali ta' Porto: sena wara

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar l-objettivi nazzjonali tal-istati membri biex jikkomplementaw il-miri ewlenin tal-Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar id-Drittijiet Soċjali (78% tal-popolazzjoni b'impjieg fl-2030, 60% tal-popolazzjoni adulta li tipparteċipa fit-taħriġ kull sena u 15-il miljun persuna inqas f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali).

Stampa: Immexxu 'l quddiem Ewropa Soċjali aktar b'saħħitha.

Immexxu 'l quddiem Ewropa Soċjali aktar b'saħħitha (Infografika)

Kontijiet individwali tal-apprendiment

Il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-kontijiet individwali tal-apprendiment. L-għan tagħha huwa li tgħin lill-adulti fl-età tax-xogħol jaġġornaw u jadattaw il-ħiliet tagħhom fil-kuntest tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u l-mira tal-pjan ta' azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li jkun hemm mill-inqas 60% tal-adulti kollha li jipparteċipaw fit-taħriġ kull sena sal-2030.

Il-Kunsill qed jirrakkomanda li l-istati membri jikkunsidraw li jistabbilixxu kontijiet individwali tal-apprendiment bħala mezz biex l-individwi jkunu jistgħu jipparteċipaw f'taħriġ rilevanti għas-suq tax-xogħol u – jekk jiddeċiedu li jistabbilixxu kontijiet individwali tal-apprendiment – jistabbilixxu qafas ta' abilitazzjoni.

Tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika

Sabiex jittaffew l-isfidi soċjali u tal-impjiegi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, sett ta' inizjattivi ta' politika biex l-UE ssir newtrali għall-klima fl-2050, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni li għandha l-għan li tiżgura li t-tranżizzjoni tal-Unjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u ambjentalment sostenibbli sal-2050 tkun ġusta u ma tħalli lil ħadd lura.

Ir-rakkomandazzjoni fiha gwida biex tipprovdi appoġġ għal impjiegi ta' kwalità u ambjent tax-xogħol sikur. Hija tiffoka wkoll fuq il-miżuri tal-edukazzjoni u t-taħriġ u pereżempju tistieden lill-istati membri jintegraw l-aspetti tal-impjiegi u dawk soċjali tat-tranżizzjoni ekoloġika fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali rilevanti.

Proċedura ta' żbilanċi soċjali

Il-presidenti tal-EMCO u tal-KPS infurmaw lid-delegazzjonijiet dwar l-opinjoni tagħhom dwar proposta mill-Belġju u Spanja – li saret fil-Kunsill EPSCO f'Ottubru 2021 – biex tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tas-Semestru Ewropew permezz tal-introduzzjoni ta' Proċedura ta' Żbilanċi Soċjali.

Impjieg ta' persuni b'diżabilità

Il-ministri ddiskutew kif tista' tiżdied ir-rata ta' impjieg ta' persuni b'diżabbiltà. Huwa stmat li attwalment persuna minn kull ħamsa tal-popolazzjoni tal-UE (bħalissa madwar 87 miljun persuna) għandha xi forma ta' diżabilità. Il-persuni b'diżabbiltà għadhom jiffaċċjaw diversi ostakli f'dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess għad-drittijiet tagħhom. Pereżempju, fl-2021, 50.8% biss tal-persuni b'diżabbiltà kellhom impjieg meta mqabbla ma' 75% tal-persuni mingħajr diżabbiltà. 37.6% tal-persuni b'diżabbiltà kienu inattivi meta mqabbla ma' 17.6% tal-persuni mingħajr diżabbiltà.

F'dan il-kuntest, il-ministri ddiskutew kif jistgħu jitneħħew l-ostakli għar-reklutaġġ ta' persuni b'diżabbiltà u kif tista' tittieħed azzjoni permezz ta' miżuri effettivi biex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom.

Ritratti ta' tliet persuni: raġel nieqes mid-dawl b'kelb, mara f'siġġu tar-roti u tifel bi problemi ta' mobbiltà li juża assistenza biex jimxi.

Diżabbiltà fl-UE: fatti u ċifri (Infografika)

Affarijiet oħra

Il-presidenza infurmat lid-delegazzjonijiet dwar is-sitwazzjoni attwali tal-abbozz ta' direttiva dwar pagi minimi adegwati u l-ftehim politiku, milħuq fis-6 ta' Ġunju, bejn l-istati membri u l-Parlament Ewropew dwar pożizzjoni komuni.

Hija infurmat ukoll lill-ministri dwar l-abbozz ta' direttiva dwar paga ugwali għal xogħol ugwali bejn in-nisa u l-irġiel li dwaru l-Kunsill adotta l-approċċ ġenerali tiegħu fis-6 ta' Diċembru.

Fir-rigward tal-proposta għal direttiva dwar il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-bordijiet tal-kumpaniji, il-presidenza pprovdiet informazzjoni dwar il-ftehim politiku bejn l-istati membri u l-Parlament Ewropew li laħqet fis-7 ta' Ġunju.

Il-Presidenza tat informazzjoni wkoll dwar id-direttiva dwar it-trattament ugwali u r-reviżjoni tar-regolamenti dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali.

Il-presidenza infurmat lill-ministri dwar ir-rapport tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi rigward il-ġlieda kontra l-vjolenza psikoloġika u l-kontroll koerċittiv kif ukoll il-konferenzi tal-presidenza tagħha.

Id-delegazzjonijiet irċevew ukoll informazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-inizjattivi tal-UE fl-oqsma tal-impjiegi u l-affarijiet soċjali b'reazzjoni għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-implimentazzjoni tal-istrateġija LGBTIQ tagħha.

Id-delegazzjoni Ċeka infurmat lid-delegazzjonijiet dwar il-programm ta' ħidma għall-presidenza tagħha tal-Kunsill tal-UE (li ser tibda fl-1 ta' Lulju).

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 3 ta' Frar 2025