Skip to content
  • Grupp tal-Euro

Il-Grupp tal-euro, 27/01/2014, 27 ta' Jannar 2014

L-introduzzjoni b'suċċess tal-euro fil-Latvja

Il-Grupp tal-euro laqa' lill-ministru għall-Finanzi Latvjan u feraħlu għall-bidla b'suċċess tal-valuta għall-euro fil-Latvja.

Il-ministru għall-Finanzi Latvjan Andris Vilks aġġorna lill-ministri tal-Grupp tal-euro dwar il-proċess bla xkiel tal-bidla tal-valuta li sar fil-Latvja mill-1 ta' Jannar din is-sena.

Il-bidla kienet tħejjiet sew. Għadd kbir ta' Latvjani kellhom diġà fil-pussess tagħhom muniti u karti tal-flus tal-euro fil-jiem qabel id-data tal-bidla. Il-banek u s-settur tal-bejgħ bl-imnut kienu lesti wkoll. L-ATMs kienu qed jagħtu l-karti tal-flus tal-euro fl-ewwel sigħat bikrin tal-ewwel tas-sena u l-banek il-kbar fetħu l-fergħat għas-servizzi fi flus kontanti. It-terminals tal-kards tal-ħlas fil-ħwienet inqalbu għall-euro fil-ħin biex jerġa' jibda n-negozju wara l-għeluq għall-ewwel tas-sena, fit-2 ta' Jannar.

It-transizzjoni ta' ġimagħtejn li matulha l-euro u l-lats kienu fiċ-ċirkolazzjoni fl-istess ħin issa ntemmet b'suċċess. Mill-15 ta' Jannar kienu possibbli biss il-ħlasijiet bl-euro.

Il-President tal-Grupp tal-euro stqarr li l-iżviluppi ekonomiċi fil-Latvja kienu inkoraġġanti u feraħ lil-Latvja għall-proċess bla xkiel tal-bidla.

Il-programm finali ta' rieżami Spanjol tlesta b'suċċess

Il-ministri ddiskutew ukoll is-sejbiet tal-ħames u l-aħħar rieżami tal-programm tas-settur finanzjarju fi Spanja. Huma laqgħu t-tlestija b'suċċess ta' dan il-programm, li wera li kien effikaċi biex jiġu indirizzati l-punti dgħajfa tas-settur finanzjarju. L-awtoritajiet Spanjoli tħeġġew iżommu l-ispinta għar-riforma lil hinn mis-settur bankarju sabiex ikunu jistgħu jiġu ttrattati b'mod effikaċi l-isfidi makroekonomiċi li fadal.

L-imsieħba Asjatiċi jilqgħu t-tendenza ekonomika pożittiva fl-Ewropa

Il-President tal-Grupp tal-euro informa lill-kollegi dwar iż-żjara tiegħu fl-Asja. Huwa qies li l-imsieħba Asjatiċi għarfu li l-Ewropa kienet għamlet progress kbir biex tegħleb l-isfidi tagħha u li kienet tjiebet il-fiduċja tal-investituri.

Il-prijoritajiet tal-Grupp tal-euro

Prijorità importanti għall-pajjiżi tal-Grupp tal-euro tul ix-xhur li ġejjin ser tkun li jkomplu jagħfsu fuq ir-riformi strutturali meħtieġa biex jiġi sostnut it-tkabbir. It-tlestija tal-Unjoni Bankarja u l-finalizzazzjoni tal-qafas operazzjonali għall-istrument ta' rikapitalizzazzjoni diretta tal-MES ser ikunu daqstant importanti. L-implimentazzjoni tal-programmi ta' aġġustamenti li għaddejjin fil-Greċja, il-Portugall u Ċipru ser tkompli tiġi sorveljata bir-reqqa.

Il-laqgħa li jmiss tal-Grupp tal-euro ser issir fis-17 ta' Frar.

Dokumenti tal-laqgħat

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

  • Johannes Kleis Spokesperson for Eurogroup President

  • +32 478 83 26 64
  • +32 2 281 75 32

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Grupp tal-Euro

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2025