- Grupp tal-Euro
Grupp tal-Euro, 07/04/2017, 7 ta' April 2017
Riżultati ewlenin
Greċja
Il-Grupp tal-Euro ġie infurmat bl-iżviluppi li saru fit-taħditiet intensi bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà u l-Gvern Grieg matul dan l-aħħar xahar.
L-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet Griegi laħqu qbil dwar l-elementi ewlenin tar-riformi fil-politika meħtieġa biex jipproċedu bit-tieni rieżami tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku attwali, li huwa meħtieġ biex tingħata aktar assistenza finanzjarja lill-Greċja. Dan il-qbil jirreferi għall-portata, l-iskadenzi u s-sekwenza tar-riformi.
L-istituzzjonijiet ser ikomplu bil-ħidma teknika f'Ateni malajr kemm jista' jkun biex jikkonkludu ftehim mingħajr dewmien fil-livell tal-persunal.
L-iskwadri tal-missjoni jistgħu jerġgħu lura f'Ateni għal aktar ħidma teknika u biex jilħqu qbil komplet fil-livell tal-persunal malajr kemm jista' jkun #Greece#eurogroup
- Jeroen Dijsselbloem (@ J_Dijsselbloem) 7 ta' April 2017
Diskussjoni tematika dwar it-tkabbir u l-impjiegi: l-investiment
Il-Grupp tal-Euro kompla bid-diskussjoni tiegħu dwar il-promozzjoni tal-investiment, li beda f’Lulju tas-sena l-oħra, u adotta dikjarazzjoni li tistabbilixxi l-prinċipji komuni li għandhom jiggwidaw il-politiki nazzjonali f’dan il-qasam.
Il-prinċipji jikkonċernaw it-titjib tal-ambjent tan-negozju, aktar effiċjenza fl-amministrazzjoni pubblika, il-prijoritizzazzjoni ta’ investiment pubbliku ta’ kwalità għolja biex tingħata spinta lit-tkabbir u lit-tkabbir potenzjali, l-iżvilupp ta’ sorsi ta’ finanzjament għan-negozji li jkunu bbażati fuq is-suq u t-tneħħija ta’ ostakli regolatorji għall-investiment privat.
Unjoni bankarja - aspetti taż-żona tal-euro
Il-President tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew, Danièle Nouy, ippreżentat ir-rapport annwali tal-BĊE dwar l-attivitajiet superviżorji fl-2016.
Il-prijoritajiet tal-Bord għall-2017 jinkludu aktar konverġenza fl-istandards superviżorji nazzjonali fl-unjoni bankarja, li jiġi indirizzat is-self improduttiv fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek, kwistjoni li għadha problematika f’xi stati membri, u li tiżdied il-profittabbiltà tal-banek u b’hekk l-kapaċità tagħhom li jiffinanzjaw l-ekonomija.
Il-President tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), Elke König, infurmat lill-Grupp tal-Euro dwar l-attivitajiet tas-SRB. Hija rrappurtat dwar il-progress li nkiseb b'rabta mal-ippjanar ta' riżoluzzjoni u mal-kontribuzzjonijiet tal-banek fil-fond uniku ta’ riżoluzzjoni.
Ċipru: is-sorveljanza ta' wara l-programm
L-istituzzjonijiet li qed jieħdu sehem fl-evalwazzjonijiet ta' wara l-programm u l-Ministru Ċiprijott għall-Finanzi, Harris Georgiades, taw rapport fil-qosor dwar l-eżitu tal-missjoni ta’ sorveljanza ta’ wara l-programm li saret reċentement f'Ċipru.
Huma reġgħu assiguraw lill-ministri li l-awtoritajiet Ċiprijotti jibqgħu impenjati li jkomplu b'politiki ekonomiċi sodi. Huma kkonfermaw ukoll li ma kienx hemm riskju li Ċipru ma jħallasx lura s-self li kien irċieva mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà fil-kuntest tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku tiegħu għall-2013-2016.
Dokumenti tal-laqgħat
Stqarrijiet għall-istampa
Tagħrif għall-istampa
Kuntatti għall-istampa
-
Johannes Kleis Spokesperson for Eurogroup President
- +32 478 83 26 64
- +32 2 281 75 32
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.
Kompli segwina
- Irreġistra għall-allerti bl-email tagħna biex tirċievi aġġornamenti dwar din il-laqgħa u laqgħat simili.
- Segwi @EUCouncilPressgħall-aħħar aġġornamenti għall-istampa.
- Hashtag fuq X: #EUROGROUP
Laqgħat oħra: Grupp tal-Euro
Laqgħat li seħħew
L-aħħar reviżjoni: 28 ta' Jannar 2024