- Grupp tal-Euro
Grupp tal-Euro, 15/06/2017, 15 ta' Ġunju 2017
Riżultati ewlenin
Greċja
Il-Grupp tal-Euro ffinalizza d-diskussjoni tiegħu dwar it-tieni rieżami li qed isir tal-programm ta’ aġġustament ekonomiku tal-Greċja ffinanzjat mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà.
Il-Grupp tal-Euro laqa’ l-adozzjoni mill-parlament tal-Greċja tal-azzjonijiet preliminari maqbula. Dawn kienu parti mis-sett ta’ riformi ta’ politika li l-pajjiż kien ftiehem mal-istituzzjonijiet (il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà u l-Fond Monetarju Internazzjonali) fit-2 ta’ Mejju 2017.
Il-miżuri ta’ riforma jkopru oqsma bħall-pensjonijiet, it-taxxa fuq id-dħul, is-suq tax-xogħol kif ukoll is-settur finanzjarju u dak tal-enerġija. Dawn għandhom jagħmlu l-istrateġija fiskali tal-Greċja għall-perjodu medju aktar b'saħħitha u jappoġġaw bilanċ mill-ġdid għall-ekonomija li jiffavorixxi t-tkabbir.
Il-Grupp tal-Euro stieden lill-Greċja flimkien mal-istituzzjonijiet u partijiet terzi rilevanti biex jiżviluppaw u jappoġġaw strateġija olistika li ssaħħaħ it-tkabbir.
Il-Grupp tal-Euro kkonferma mill-ġdid l-approċċ tiegħu għas-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku tal-Greċja li ġie miftiehem f’Mejju 2016, filwaqt li pprovda xi dettallji oħra dwar il-miżuri fir-rigward tad-dejn għall-perjodu medju li l-Greċja tista’ takkumula.
Dawn il-miżuri għandhom jiġu implimentati wara t-tlestija b’suċċess tal-programm, jekk analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn ġdida tkun tikkonferma li dawn il-miżuri jkunu meħtieġa.
Il-Grupp tal-Euro laqa’ l-impenn tal-Greċja sabiex iżżomm bilanċ pożittiv primarju ta’ 3.5% tal-PDG sal-2022, u direzzjoni fiskali konsistenti mal-qafas fiskali Ewropew minn dakinhar ’il quddiem. Skont l-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea, din il-konformità tista’ tinkiseb permezz ta' bilanċ pożittiv primarju ekwivalenti għal, jew ogħla minn iżda qrib it-2.0% tal-PDG fil-perjodu 2023-2060.
F’dan l-isfond, l-amministraturi tal-FMI dalwaqt ser jirrakkomandaw li l-Bord Eżekuttiv tal-FMI japprova fil-prinċipju Arranġament ta' Riżerva ġdid ta’ 14-il xahar għall-Greċja.
Il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà ser ikun jista’ jipproċedi bil-porzjon li jmiss tal-assistenza finanzjarja għall-Greċja disponibbli bis-saħħa tal-programm wara li l-istati membri taż-żona tal-euro jkunu lestew il-proċeduri nazzjonali rilevanti tagħhom li jawtorizzaw l-iżborż. Il-porzjon li jmiss ser jammonta għal €8.5 biljun.
- Dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro dwar il-Greċja, 15 ta' Ġunju 2017
- Greece: the third economic adjustment programme
- Id-Direttur Maniġerjali tal-FMI Christine Lagarde ser tipproponi l-approvazzjoni fil-prinċipju ta’ arranġament ta' riżerva ġdid għall-Greċja, 15 ta’ Ġunju 2017 (stqarrija għall-istampa)
Diskussjoni tematika dwar it-tkabbir u l-impjiegi: titjib fil-kwalità tal-finanzi pubbliċi
Il-Grupp tal-Euro kellu skambju ta’ fehmiet ieħor dwar il-kwalità tal-finanzi pubbliċi, b’segwitu għad-diskussjoni tiegħu ta’ Settembru 2016 meta huwa approva prinċipji komuni li jiggwidaw l-analiżi tan-nefqa nazzjonali.
Il-ministri ddiskutew l-implimentazzjoni prattika ta’ dawn il-prinċipji, fl-isfond ta’ preżentazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-esperjenzi tal-pajjiżi.
L-analiżi tan-nefqa tgħin lil gvernijiet jidentifikaw oqsma fejn jistgħu jiffrankaw u jżidu l-effiċjenza u fejn jista' jinkiseb valur akbar għall-flus li jintefqu. Dan is-suġġett huwa partikolarment rilevanti għall-istati membri taż-żona tal-euro minħabba l-isforzi li qed jagħmlu bħalissa biex jiżguraw responsabbiltà fiskali u fl-istess ħin jappoġġaw it-tkabbir.
Ser issir aktar ħidma f’dan il-qasam, bil-ħsieb li jiġi żviluppat skambju tal-aħjar prattiki.
Analiżi taż-żona tal-euro skont l-Artikolu IV tal-FMI
Id-Direttur Maniġerjali tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), Christine Lagarde, infurmat lill-Grupp tal-Euro dwar il-valutazzjoni mill-FMI tal-perspettiva ekonomika, ir-riskji u l-isfidi ta' politika taż-żona tal-euro. Il-valutazzjoni twettqet fil-kuntest tal-konsultazzjoni annwali tal-Artikolu IV tal-FMI.
Il-FMI kkonferma li l-irkupru ekonomiku fiż-żona tal-euro qed jissaħħaħ u jsir aktar wiesa’ fl-istati membri. Huwa rrakkomanda li ż-żona tal-euro tieħu vantaġġ mill-kundizzjonijiet favorevoli ta' bħalissa fir-rigward tal-finanzjament u tkompli tiffoka fuq politiki fiskali sodi, u riformi strutturali u tas-settur finanzjarju. Għandha ssir ħidma wkoll biex titlesta l-Unjoni Ekonomika u Monetarja.
Il-Grupp tal-Ewro kellu diskussjoni kostruttiva dwar din il-valutazzjoni. Id-dikjarazzjoni ta' konklużjoni tal-FMI ser tkun disponibbli fuq is-sit web tiegħu fi żmien debitu.
L-Artikolu IV tal-Artikoli ta’ Ftehim tal-FMI huwa l-bażi użat mill-FMI biex jissorvelja l-politiki ekonomiċi tal-pajjiżi membri tiegħu u ta' reġjuni monetarji bħaż-żona tal-euro.
Implimentazzjoni tal-qafas Ewropew ta’ riżoluzzjoni
Il-Grupp tal-Euro ġie infurmat mill-President tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, Elke König, u l-Viċi President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE, Sabine Lautenschläger, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, dwar l-aħħar żviluppi topiċi rigward l-implimentazzjoni tal-qafas Ewropew ta’ riżoluzzjoni.
Dokumenti tal-laqgħat
Stqarrijiet għall-istampa
Tagħrif għall-istampa
Kuntatti għall-istampa
-
Johannes Kleis Spokesperson for Eurogroup President
- +32 478 83 26 64
- +32 2 281 75 32
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.
Kompli segwina
- Irreġistra għall-allerti bl-email tagħna biex tirċievi aġġornamenti dwar din il-laqgħa u laqgħat simili.
- Segwi @EUCouncilPressgħall-aħħar aġġornamenti għall-istampa.
- Hashtag fuq X: #EUROGROUP
Laqgħat oħra: Grupp tal-Euro
Laqgħat li seħħew
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2025