Skip to content
  • Summit Internazzjonali

Summit tal-G20, Hangzhou, iċ-Ċina, 04-05/09/2016, 4 u 5 ta' Settembru 2016

Il-mexxejja tal-G20 iltaqgħu f’Hangzhou, fiċ-Ċina, fl-4 u l-5 ta’ Settembru. Il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker irrappreżentaw lill-UE fis-summit. It-tema tas-summit ta’ din is-sena kienet “Lejn ekonomija dinjija innovattiva, imsaħħa, interkonnessa u inklużiva”.

Il-mexxejja adottaw komunikat b'fokus fuq:

  • it-tisħiħ tal-aġenda tal-G20 għat-tkabbir
  • it-twettiq ta’ politiki u kunċetti innovattivi ta' tkabbir
  • il-bini ta' ekonomija dinjija miftuħa
  • l-iżgurar li t-tkabbir ekonomiku jkun ta' benefiċċju għall-pajjiżi u n-nies kollha

Dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u r-refuġjati l-mexxejja tal-G20 qablu dwar il-ħtieġa ta' sforzi globali biex jiġu indirizzati l-effetti, il-ħtiġijiet ta’ protezzjoni u l-kawżi ewlenin tal-kriżi. Huma appellaw għat-tisħiħ tal-għajnuna umanitarja u r-risistemazzjoni tar-refuġjati.

Dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-mexxejja rriaffermaw is-solidarjetà u r-rieda tagħhom u l-impenn tagħhom biex jindirizzaw il-finanzjament tat-terroriżmu.

Is-summit issottolinja wkoll l-importanza li wieħed jissieħeb mal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima mill-aktar fis possibbli.

L-akbar ekonomiji tad-dinja esprimew id-determinazzjoni tagħhom li jużaw l-għodod ta’ politika kollha, inklużi dawk monetarji, fiskali u strutturali, biex jinkiseb tkabbir b’saħħtu, sostenibbli, ibbilanċjat u inklussiv. Għal dan l-għan, huma nedew il-pjan ta’ azzjoni ta’ Hangzhou u appellaw għal implimentazzjoni rapida u sħiħa tal-istrateġiji għat-tkabbir.

Is-summit ta bidu wkoll għal kooperazzjoni dwar l-innovazzjoni, ir-rivoluzzjoni industrijali ġdida u l-ekonomija diġitali. Il-mexxejja approvaw il-mudell tal-G20 dwar tkabbir innovattiv, li jiġbor fih il-politiki dwar dawn l-oqsma.

Huma ddiskutew il-mod kif jistgħu ikomplu jibnu sistema finanzjarja miftuħa u reżiljenti u kif jappoġġaw kooperazzjoni fiskali internazzjonali. Il-mexxejja impenjaw ruħhom ukoll li jtejbu ekonomija dinjija miftuħa u jippromwovu l-benefiċċji tal-kummerċ u ta' swieq miftuħa, kif ukoll biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-aġenda 2030 għal żvilupp sostenibbli.

It-12-il edizzjoni tas-summit tal-G20 ser tiġi ospitata mill-Ġermanja fl-2017.

Fil-marġni tas-summit, il-Presidenti Tusk u Juncker iltaqgħu mal-President tat-Turkija, Recep Erdoğan, biex jiddiskutu r-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija u t-tkomplija tal-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni.

Il-prijoritajiet tal-UE fis-summit tal-mexxejja tal-G20

Il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker ippreżentaw il-kwistjonijiet ewlenin għas-summit f’ittra konġunta li ntbagħtet lil kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern tal-UE:

  • ir-rwol tal-G20 fl-indirizzar tal-kriżi internazzjonali tar-refuġjati
  • l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment
  • it-trasparenza fiskali internazzjonali u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu
  • is-sistema monetarja u finanzjarja internazzjonali reżiljenti
  • il-kummerċ miftuħ u l-investiment
  • l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima
Il-11-il edizzjoni tal-laqgħa tal-mexxejja tal-G20 ser issir f’Hangzhou, iċ-Ċina.

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025