- Summit Internazzjonali
Summit UE-Repubblika tal-Korea, 19 ta' Ottubru 2018
Riżultati ewlenin
Il-mexxejja tal-UE u tal-Korea t'Isfel affermaw mill-ġdid ir-rabtiet sodi u l-impenn tagħhom biex isaħħu s-sħubija strateġika tagħhom:
"Ir-relazzjonijiet tagħna huma pożittivi u sodi f’kull wieħed mit-tliet pilastri tas-sħubija strateġika tagħna: politiku, ekonomiku u tas-sigurtà. Illum is-summit tagħna jikkonferma mill-ġdid l-importanza tas-sħubija strateġika tagħna. Ir-Repubblika tal-Korea hija sieħeb fl-Asja sod, tal-istess fehma, affidabbli u impenjat.” Kummenti introduttorji mill-President Donald Tusk
Il-mexxejja taw rendikont tar-relazzjonijiet bilaterali, inkluża l-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Korea t’Isfel li ilu fis-seħħ mill-2011.
Huma ddiskutew numru ta’ kwistjonijiet ta' politika barranija u ta’ sigurtà, inkluż id-denuklearizzazzjoni tal-peniżola Koreana.
Barra minn hekk, il-mexxejja ddiskutew kif tingħata spinta lill-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Korea t’Isfel f’oqsma bħat-tibdil fil-klima,ir-riċerka u l-iżvilupp.
Il-President Donald Tusk u l-President Jean-Claude Juncker irrappreżentaw lill-UE. Il-President Jae-in Moon irrappreżenta r-Repubblika tal-Korea (minn hawn 'il quddiem il-Korea t’Isfel).
Is-Summit bejn l-UE u l-Korea t’Isfel sar eżatt wara s-summit tal-ASEM:
Kummerċ u ekonomija
Il-mexxejja ddiskutew kif iwettqu għal kollox u jsaħħu l-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Korea t’Isfel. Dan huwa l-iktar ftehim kummerċjali ambizzjuż tal-UE implimentat s’issa u l-ewwel wieħed iffirmat ma’ pajjiż Asjatiku. Il-kummerċ bejn l-UE u l-Korea żdied b’45% bejn l-2011 u l-2017, u l-esportazzjonijiet tal-UE żdiedu bi 53%.
L-UE u l-Korea t’Isfel esprimew ukoll l-impenn konġunt tagħhom għall-ġlieda kontra l-protezzjoniżmu u l-appoġġ għas-sistema tal-kummerċ multilaterali bid-WTO fil-qalba tagħha, biż-żewġ naħat impenjati bis-sħiħ wara r-riforma tal-istituzzjoni.
Minbarra kwistjonijiet kummerċjali, iż-żewġ naħat iddiskutew l-kooperazzjoni eqreb f’diversi oqsma, inkluż il-protezzjoni tad-data u l-ġlieda kontra s-sajd illegali.
Kwistjonijiet ta' politika barranija u ta’ sigurtà
Il-mexxejja ffukaw fuq id-denuklearizzazzjoni tal-peniżola Koreana. Huma ddiskutew miżuri b’appoġġ għal soluzzjoni komprensiva permezz tad-diplomazija.
"L-għan komuni tagħna huwa d-denuklearizzazzjoni totali, verifikabbli u irriversibbli tal-Peniżola Koreana u l-implimentazzjoni sħiħa tar-riżoluzzjonijiet rilevanti kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU." Kummenti introduttorji mill-President Donald Tusk
L-UE u l-Korea t’Isfel indirizzaw kwistjonijiet urġenti oħra reġjonali u internazzjonali, inkluż il-ftehim nukleari mal-Iran (PAKK) u l-kunflitt fl-Ukrajna tal-Lvant.
Il-mexxejja skambjaw ukoll fehmiet dwar kif tista’ tissaħħaħ il-kooperazzjoni fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà u difiża.
Kwistjonijiet globali
L-UE u l-Korea t’Isfel iddiskutew l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, inkluż l-impenn tagħhom biex jimplimentaw il-Ftehim ta’ Pariġi u l-COP24 li ser issir f’Diċembru 2018.
Il-mexxejja ffukaw ukoll fuq it-trawwim tal-kooperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni f’firxa wiesgħa ta’ oqsma, bħall-ICT, l-enerġija u l-mobbiltà.
Iż-żewġ naħat qablu dwar kif jistgħu jaħdmu eqreb flimkien fuq l-implimentazzjoni tal-aġenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli.
Dokumenti tal-laqgħat
Dokumenti ta' tħejjija
Stqarrijiet għall-istampa
Tagħrif għall-istampa
Kuntatti għall-istampa
-
Symeon Piperidis Press officer
- +32 478 83 12 21
- +32 2 281 84 72
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.
Kompli segwina
- Irreġistra għall-allerti bl-email tagħna biex tirċievi aġġornamenti dwar din il-laqgħa u laqgħat simili.
- Segwi @EUCouncilPressgħall-aħħar aġġornamenti għall-istampa.
Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali
Laqgħat li seħħew
L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025