Skip to content
  • Summit Internazzjonali

Assemblea Ġenerali tan-NU, New York, 27/09/2018, 27 ta' Settembru 2018

Riżultati ewlenin

Il-President Donald Tusk indirizza lill-mexxejja dinjija f'isem l-UE fl-Assemblea Ġenerali tan-NU (AĠNU) fis-27 ta' Settembru 2018.

Fid-diskors tiegħu lill-assemblea, hu appella għad-difiża tal-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli:

"L-Unjoni Ewropea qed tiġġieled b'mod intensiv biex tippreserva l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, li bħalissa jinsab taħt pressjoni kbira, fir-rigward tal-kummerċ, is-sigurtà, it-tibdil fil-klima jew id-drittijiet tal-bniedem." Il-President Tusk fit-73 Assemblea Ġenerali tan-NU

Donald Tusk saħaq li l-UE tappoġġa bis-sħiħ l-isforz attwali għal riforma tan-NU. Hu qal li "l-urġenza hija ċara u l-implimentazzjoni hija essenzjali".

Il-President Tusk iffoka wkoll fuq il-migrazzjoni. Huwa fakkar fl-isforzi tal-UE biex tappoġġa lill-migranti fil-Libja f'kooperazzjoni man-NU u l-Unjoni Afrikana:

"Sal-lum assistejna lil aktar minn 30,000 ruħ sabiex jitilqu mil-Libja permezz ta' ritorn umanitarju volontarju. Irridu nespandu l-ħidma mal-imsieħba tagħna f'oqsma oħra. Għaldaqstant, l-edukazzjoni, l-investiment fl-iżvilupp, it-tibdil fil-klima u l-kummerċ ħieles ser ikunu fiċ-ċentru tar-relazzjonijiet futuri tagħna." Il-President Tusk fit-73 Assemblea Ġenerali tan-NU

Rigward is-sitwazzjoni fis-Sirja, il-President Tusk qal li l-memorandum ta' qbil dwar Idlib jeħtieġ li jiġi implimentat b'mod sħiħ biex jgħin tiġi evitata katastrofi umanitarja.

Donald Tusk tenna mill-ġdid li l-UE tappoġġa l-ftehim nukleari mal-Iran:

"Il-ftehim huwa tajjeb għas-sigurtà Ewropea, reġjonali u globali. Huwa minħabba f'hekk li l-Unjoni Ewropea hija impenjata li żżomm dan il-ftehim, sakemm l-Iran jibqa' impenjat bis-sħiħ lejh." Il-President Tusk fit-73 Assemblea Ġenerali tan-NU

Il-President Tusk enfasizza wkoll l-impenn tal-UE li timplimenta l-Ftehim ta' Pariġi. Hu appella lill-mexxejja kollha biex jissalvagwardaw l-Antartiku:

"Ippermettuli ngħidha b'mod ċar u tond: dawk li jimmaġinaw il-pjaneta tagħna mingħajr baleni, pingwini u speċi oħra ser ikollhom jimmaġinaw ukoll il-pjaneta tagħna mingħajr bnedmin." Il-President Tusk fit-73 Assemblea Ġenerali tan-NU

Operazzjonijiet għaż-żamma tal-paċi tan-NU

Fil-25 ta' Settembru il-President Tusk attenda avveniment dwar l-inizjattiva ta' azzjoni tan-NU għaż-żamma tal-paċi. Huwa saħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-operazzjonijiet tan-NU għaż-żamma tal-paċi:

"L-isforzi tan-NU għaż-żamma tal-paċi għandhom isiru ferm aktar effettivi u effiċjenti sabiex jindirizzaw konflitti u kriżijiet ġodda li jseħħu kuljum madwar id-dinja. L-Unjoni tixtieq tara enfasi akbar fuq soluzzjonijiet politiċi, il-prevenzjoni u approċċ integrat għall-interventi. Jeħtieġ ukoll li nħabirku aktar biex inżommu l-forzi taż-żamma tal-paċi fis-sigurtà" Il-President Donald Tusk waqt l-avveniment ta' livell għoli dwar l-azzjoni tan-NU għaż-żamma tal-paċi

Laqgħat bilaterali

Fil-marġni tal-AĠNU, il-President Tusk iltaqa' ma' mexxejja mill-Ewropa, l-Afrika u l-Amerka t'Isfel. Hu kellu laqgħat bilaterali ma':

  • Il-President tal-Eġittu Abdel Fattah al-Sisi
  • Il-President tal-Ukrajna Petro Poroshenko
  • Il-President tal-Kosovo Hashim Thaçi
  • Il-President tal-Peru Martín Vizcarra
  • Il-President taċ-Ċilì Sebastián Piñera

Prijoritajiet tal-UE għall-Assemblea Ġenerali tan-NU

Il-Kunsill adotta l-prijoritajiet tal-UE għan-NU u t-73 AĠNU f'Ġunju 2018. L-UE ser tiffoka fuq:

  • impenn biex tingħata spinta lill-multilateraliżmu u tiġi appoġġata n-NU
  • it-trawwim tal-paċi u l-investiment fil-prevenzjoni tal-konflitti
  • il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem
  • il-promozzjoni tad-diżarm nukleari u n-nonproliferazzjoni
  • l-indirizzar ta' kwistjonijiet marbutin mal-migranti u r-refuġjati, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, u l-ambjent

Qabel l-AĠNU, il-Kunsill approva l-prijoritajiet tas-sħubija strateġikaNU-UE dwar operazzjonijiet ta' paċi u ġestjoni tal-kriżijiet għall-2019-2021. Il-Kunsill irrikonoxxa l-kooperazzjoni li ilha għaddejja f'dawn l-oqsma bejn in-NU u l-UE. Tenna wkoll l-impenn sħiħ tal-UE għal NU b'saħħitha bħala s-sinsla tal-multilateraliżmu.

Ara wkoll

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

  • Jüri Laas Uffiċjal tal-istampa

  • +32 2 281 55 23
  • +32 470 95 75 61

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025