Skip to content
  • Summit Internazzjonali

Summit UE-Ġappun, Tokyo 17/07/2018, 17 ta' Lulju 2018

Riżultati ewlenin

Il-mexxejja tal-UE u tal-Ġappun iffirmaw żewġ ftehimiet fundamentali biex iżidu l-kooperazzjoni tagħhom fil-25 summit UE-Ġappun:

1) Il-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Ġappun se jneħħi 99% tat-tariffi mħallsa minn kumpaniji tal-UE li jesportaw lejn il-Ġappun. Dan jibgħat messaġġ ċar li l-UE u l-Ġappun huma magħqudin flimkien kontra l-protezzjoniżmu.

2) Il-ftehim ta' sħubija strateġika bejn l-UE u l-Ġappun se jagħti spinta lill-kooperazzjoni bejn iż-żewġ naħat dwar firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet lil hinn mill-kummerċ, bħal:

  • is-sigurtà u d-difiża
  • l-enerġija u l-klima
  • l-iskambji bejn iċ-ċittadini
"Qegħdin nimplimentaw l-akbar ftehim kummerċjali bilaterali li qatt sar. Dan huwa att ta’ importanza strateġika enormi għall-ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli, fi żmien meta xi wħud qed jitfgħu dubju fuq din l-ordni. Qegħdin nibagħtu messaġġ ċar li ninsabu magħqudin flimkien kontra l-protezzjoniżmu." Kummenti mill-President Donald Tusk wara s-summit UE-Ġappun f’Tokyo

Il-mexxejja tal-UE u tal-Ġappun iddiskutew ukoll kwistjonijiet ta' affarijiet barranin u ta’ sigurtà, inkluż id-denuklearizzazzjoni tal-Peniżola Koreana u l-appoġġ konġunt tagħhom favur il-ftehim dwar in-nukleari mal-Iran.

Il-President Donald Tusk u l-President Jean-Claude Juncker irrappreżentaw lill-UE fis-summit. Il-Prim Ministru Shinzō Abe rrappreżenta lill-Ġappun.

Il-mexxejja adottaw dikjarazzjoni konġunta:

Il-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Ġappun qed iġib benefiċċji għaċ-ċittadini u l-kumpaniji tal-UE
Kummerċ UE-Ġappun: fatti u ċifri (Infografika)

Kummerċ UE-Ġappun: fatti u ċifri (Infografika)

Kummerċ

Il-mexxejja ffirmaw il-ftehim ta' kummerċ ħieles (FTA) bejn l-UE u l-Ġappun, l-akbar ftehim kummerċjali li qatt ġie nnegozjat mill-UE. Dan se joħloq żona ta’ kummerċ li tkopri 600 miljun persuna u kważi terz tal-PDG globali.

Ladarba jkun implimentat b’mod sħiħ, il-ftehim ta' kummerċ ħieles se jneħħi l-biċċa l-kbira tad-dazji li l-kumpaniji tal-UE jħallsu kull sena biex jesportaw lejn il-Ġappun. Se jelimina wkoll diversi ostakli regolatorji.

"Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika juri lid-dinja r-rieda politika soda tal-UE u tal-Ġappun biex ikomplu jxejru fl-għoli l-bandiera tal-kummerċ ħieles u javvanzaw bis-saħħa l-kummerċ ħieles. (…) Il-Ftehim se jwassal għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv u se jixpruna l-ħolqien tal-impjiegi." Dikjarazzjoni konġunta tas-summit UE-Ġappun

Barra minn hekk, iż-żewġ naħat affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom biex jiġġieldu l-protezzjoniżmu u biex jiddefendu s-sistema kummerċjali internazzjonali bbażata fuq ir-regoli. Huma impenjaw ruħhom li jimmodernizzaw l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ f’konformità mal-konklużjonijiet tas-Summit tal-G7 f'Charlevoix.

Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ġappun

Waqt is-summit ġie ffirmat ukoll il-ftehim ta’ sħubija strateġika bejn l-UE u l-Ġappun. Dan il-ftehim se jwassal is-sħubija storika tal-UE mal-Ġappun għal livell ġdid, b'kooperazzjoni aktar profonda u strateġika:

"Il-ftehim ta’ sħubija strateġika se jagħni d-dimensjoni politika tar-relazzjoni tagħna u jippermetti kooperazzjoni aktar profonda f’firxa wiesgħa ta’ setturi, b’mod partikolari fir-rigward tal-paċi u s-sigurtà, il-migrazzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-enerġija, it-tibdil fil-klima, l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u l-iżvilupp." Dikjarazzjoni konġunta tas-summit UE-Ġappun

Iż-żewġ naħat affermaw mill-ġdid l-impenn qawwi tagħhom biex jimplimentaw il-ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima billi jiffukaw fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet u t-titjib tal-effiċjenza enerġetika.

Il-mexxejja laqgħu wkoll il-konklużjoni tat-taħditiet fuq livell adegwat tal-protezzjoni tad-data mill-UE u l-Ġappun. Dan għandu joħloq fid-dinja l-akbar żona ta’ trasferimenti tad-data sikuri b’livell għoli ta’ protezzjoni tad-data.

Politika barranija u ta’ sigurtà

Il-mexxejja tal-UE u tal-Ġappun iddiskutew firxa ta’ kwistjonijiet reġjonali u internazzjonali, inkluż id-denuklearizzazzjoni tal-Peniżola Koreana:

"Fil-politika barranija ninsabu spalla ma’ spalla mal-Ġappun fl-isforzi biex tinżamm pressjoni fuq Pyongyang biex tiġi żgurata denuklearizzazzjoni sħiħa, verifikabbli u irriversibbli tal-Peniżola Koreana. Irridu naraw li l-programmi nukleari u tal-missili ballistiċi tar-RDPK jintemmu kollha. Kummenti mill-President Donald Tusk wara s-summit UE-Ġappun f’Tokyo

Iż-żewġ naħat tennew ukoll l-appoġġ tagħhom għall-ftehim dwar in-nukleari mal-Iran (PAKK) kif ukoll għas-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.

Ara wkoll

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

  • Jüri Laas Uffiċjal tal-istampa

  • +32 2 281 55 23
  • +32 470 95 75 61

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025