Skip to content

Aġenzija ġdida tal-UE għall-ażil

Aġenzija ġdida tal-UE għall-ażil ser iżżid l-appoġġ għall-kooperazzjoni u s-solidarjetà fost l-istati membri u d-dimensjoni esterna ġenerali tal-UE.

Modifikazzjoni tal-uffiċċju Ewropew ta' appoġġ fil-qasam tal-ażil

Bħala parti mill-proposti tagħha dwar il-patt dwar il-migrazzjoni u l-ażil f'Settembru 2020, il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposta biex ittejjeb l-applikazzjoni tal-politika dwar l-ażil fl-UE, billi l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil (EASO) attwali jinbidel f'aġenzija kompluta.

L-aġenzija l-ġdida hija responsabbli mit-titjib tal-funzjonament tas-sistema Ewropea komuni tal-ażil, billi:

  • tagħti assistenza operazzjonali u teknika msaħħa lill-istati membri
  • iġġib aktar konsistenza fil-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali

Il-leġiżlazzjoni l-ġdida żżid l-appoġġ tal-aġenzija għall-kooperazzjoni bejn l-istati membri u l-pajjiżi li mhumiex tal-UE.

Il-bini tal-Aġenzija l-ġdida tal-UE għall-Ażil. Fuq il-ħajt tal-bini hemm logo (kwadru blu kbir u kwadru isfar iżgħar) ħdejn it-test ''EUAA - Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil''. Jidher sema ikħal fl-isfond.
Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-ażil

L-istabbiliment tal-aġenzija tal-UE għall-ażil

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA) għandha rwol integrali biex tgħin lill-istati membri tal-UE japplikaw il-pakkett ta' liġijiet tal-UE li jinkludu s-sistema Ewropea komuni tal-Ażil.

Is-sistema tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri legalment vinkolanti li l-istati membri jridu jsegwu biex jiggarantixxu li d-drittijiet tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali jiġu rispettati bis-sħiħ fl-Ewropa.

Fid-9 ta' Diċembru 2021, il-Kunsill adotta r-regolament li jittrasforma l-EASO f'aġenzija vera u proprja tal-UE. Dan kien pass sinifikanti 'l quddiem fil-modernizzazzjoni tal-prattiki tal-ażil u tal-akkoljenza tal-UE.

Fid-19 ta' Jannar 2022, l-EUAA ssostitwiet l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO).

Ħidma fuq il-patt dwar il-migrazzjoni u l-ażil

Il-presidenza tal-Kunsill u l-Parlament laħqu ftehim proviżorju fid-29 ta' Ġunju 2021. Il-Parlament adotta formalment ir-regolament fil-11 ta' Novembru 2021.

Fl-20 ta' Diċembru 2023, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim dwar il-fajls leġiżlattivi ewlenin, kif ukoll dwar ħafna fajls oħra fil-patt dwar il-migrazzjoni u l-ażil.

Fit-8 ta' Frar 2024, ir-rappreżentanti tal-istati membri tal-UE approvaw il-ftehim milħuq f'Diċembru kif ukoll tliet liġijiet li kien hemm qbil preċedenti dwarhom bejn il-Kunsill u l-Parlament fl-2022.

Il-Kunsill adotta l-patt tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil fl-14 ta' Mejju 2024.

L-aħħar reviżjoni: 10 ta' Frar 2025