Skip to content

Patt dwar il-migrazzjoni u l-ażil

L-UE introduċiet sett ta' regoli biex timmaniġġa l-migrazzjoni b'mod aktar effettiv u tistabbilixxi sistema Ewropea komuni tal-ażil. Din is-sistema tiżgura proċeduri effiċjenti u uniformi, u solidarjetà u kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà bejn l-istati membri.

Il-patt fil-qosor

Il-patt dwar il-migrazzjoni u l-ażil jintroduċi sett ta' regoli għall-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-istabbiliment ta' sistema komuni tal-ażil fil-livell tal-UE, li tibbilanċja r-rekwiżiti tal-istati membri mal-protezzjoni ta' dawk fil-bżonn.

Filwaqt li jibni fuq regoli preċedenti, il-patt joffri approċċ komprensiv, li jiġbor flimkien politiki ewlenin tal-UE dwar il-migrazzjoni, l-ażil, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-integrazzjoni.

L-għan tal-patt huwa li:

  • jiġu ġestiti l-wasliet b'mod ordnat
  • jinħolqu proċeduri effiċjenti u uniformi
  • jiġi żgurat bilanċ ġust ta' solidarjetà u responsabbiltà fost l-istati membri

Il-patt kollu kemm hu ġie adottat mill-Kunsill fl-14 ta' Mejju 2024 u r-regoli daħlu fis-seħħ fit-12 ta' Ġunju 2026.

X'ikopri l-patt?

Il-patt ikopri firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet li jinvolvu l-aspetti kollha tas-sistemi tal-migrazzjoni u l-ażil. Meħuda flimkien, dawn jiżguraw li l-UE jkollha fruntieri esterni b'saħħithom u siguri, li d-drittijiet tan-nies ikunu garantiti u li l-ebda pajjiż tal-UE ma jitħalla waħdu biex jittratta l-pressjoni migratorja. Jinkorpora wkoll bis-sħiħ il-migrazzjoni fis-sħubijiet internazzjonali, u b'hekk jgħin fil-prevenzjoni tat-tluq irregolari u fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali.

L-oqsma leġiżlattivi ewlenin tal-patt

Ġestjoni tal-ażil u tal-migrazzjoni

Sitwazzjonijiet ta' kriżi u ta' force majeure

Bażi tad-data bijometrika tal-UE (Eurodac)

Kwalifika

Skrinjar

Proċedura komuni tal-ażil

Kundizzjonijiet ta' akkoljenza aħjar

Risistemazzjoni

Appoġġ fl-implimentazzjoni tal-patt

L-UE ressqet diversi miżuri biex tappoġġa lill-istati membri fl-implimentazzjoni tal-patt u r-regoli tiegħu.

Wara l-adozzjoni tal-patt, il-Kummissjoni ppreżentat pjan ta' implimentazzjoni komuni fit-12 ta' Ġunju 2024. Huwa ddeskriva l-passi meħtieġa li għandhom jittieħdu biex ir-regoli l-ġodda tal-patt jiġu tradotti fil-prattika. Abbażi tal-10 element kostitwenti tal-pjan, il-Kummissjoni mmonitorjat il-progress tal-istati membri fl-implimentazzjoni tal-patt permezz ta' rapporti regolari dwar is-sitwazzjoni attwali tagħhom.

Fid-29 ta' Jannar 2026, il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel strateġija Ewropea għall-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni. Filwaqt li tibni fuq l-istrateġiji nazzjonali, tistabbilixxi d-direzzjoni strateġika tal-UE għall-politika dwar il-migrazzjoni u l-ażil għall-2026-2031.

L-aħħar reviżjoni: 12 ta' Ġunju 2026