Skip to content

Finanzjament tal-PAK wara l-2013

X'inhuma l-bidliet għall-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ?

Ir-regoli dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-PAK inġabru f'regolament wieħed. Ħafna mir-regoli dwar il-finanzjament u l-ġestjoni tal-pagamenti diretti, il-miżuri tas-suq u l-iżvilupp rurali ġew armonizzati.

Għajnuna li ma kellhiex titħallas ser tiġi rtirata u ser jiġu stabbiliti prinċipji ġenerali għall-penali kollha imposti fuq benefiċjarji li ma jżommux mal-kondizzjonijiet jew l-obbligi.

L-ismijiet tal-benefiċjarji ta' fondi tal-PAK ser jiġu ppubblikati sabiex tiġi skoraġġita mġiba mhux xierqa u fl-istess ħin il-bdiewa jkollhom sens ta' responsabbiltà meta jużaw il-fondi pubbliċi li jirċievu.

Ir-riżerva tal-kriżijiet biex twieġeb għal disturbi fis-suq ser tiġi ffinanzjata minn tnaqqis fil-pagamenti diretti. Fondi mhux użati ser jingħataw lura lill-bdiewa.

Bidliet għall-baġit u l-finanzjament

Id-distribuzzjoni bejn iż-żewġ pilastri tal-PAK (f'approprjazzjonijiet ta' impenn) hija kif ġej:

  • pilastru 1: 76.6 % tal-baġit tal-PAK, li jikkorrispondi għal 29 % tal-baġit tal-UE, jew €312.74 biljun
  • pilastru 2: 23.4 % tal-baġit tal-PAK, li jikkorrispondi għal 9 % tal-baġit tal-UE, jew €95.58 biljun

Dixxiplina finanzjarja: Jekk il-previżjonijiet jindikaw li ser jinqabeż il-limitu massimu tal-baġit annwali tal-PAK, il-pagamenti diretti ser jitnaqqsu b'mod lineari (il-bdiewa ż-żgħar ser ikunu eżentati). Dan it-tnaqqis lineari ser jiffinanzja r-riżerva għall-kriżijiet fis-settur tal-agrikoltura.