Skip to content

Il-baġit annwali tal-UE

Il-baġit annwali tal-UE jistabbilixxi l-infiq u d-dħul kollu tal-Unjoni Ewropea għal sena waħda. Huwa jipprevedi l-finanzjament tal-politiki u l-programmi tal-UE skont il-prijoritajiet politiċi u l-obbligi legali tal-UE.

X'inhu l-baġit annwali tal-UE?

Il-baġit annwali jistabbilixxi l-infiq u d-dħul kollu tal-UE għal sena waħda.

Il-baġits annwali jridu jkunu konformi mal-limiti tan-nefqa ("limiti massimi") stabbiliti fil-baġit fit-tul tal-UE, il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP). L-UE normalment tistabbilixxi l-baġit annwali tagħha f'livell aktar baxx biex tħalli marġni f'każ ta' ħtiġijiet mhux previsti.

Il-baġit annwali jiżgura li l-UE tirċievi d-dħul li teħtieġ biex tiffinanzja l-infiq tagħha. F'kull baġit annwali, jeħtieġ li d-dħul u l-infiq ikunu dejjem ibbilanċjati.

Baġit tal-UE għall-2026: oqsma ewlenin

Baġit tal-UE għall-2026: oqsma ewlenin

Kif jiġi adottat il-baġit annwali?

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi abbozz ta' baġit annwali. Imbagħad il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jaqblu dwar il-baġit fuq bażi ugwali.

L-ewwel, il-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tiegħu dwar l-abbozz ta' baġit annwali. Il-Parlament jista' mbagħad jadotta emendi għall-pożizzjoni tal-Kunsill. Jekk il-fehmiet tagħhom ikunu differenti, jitlaqqa' kumitat ta' konċiljazzjoni biex jintlaħaq kompromess fi żmien tliet ġimgħat.

F'każ ta' qbil, il-Kunsill u l-Parlament ikollhom 14-il ġurnata biex japprovawh formalment.

Jekk il-Kunsill u l-Parlament ma jilħqux qbil, il-Kummissjoni jkollha tippreżenta abbozz ta' baġit annwali ġdid.

Jekk il-baġit annwali jkun għadu ma ġiex adottat sal-bidu tas-sena li jirreferi għaliha, tapplika s-sistema tad-"dodiċeżmu proviżorju". Dan ifisser li mhux aktar minn parti minn kull tnax tal-approprjazzjonijiet tal-baġit tas-sena ta' qabel jew tal-abbozz ta' baġit propost mill-Kummissjoni – skont liema jkun l-iżgħar – tista' tintefaq kull xahar għal kwalunkwe kapitolu tal-baġit.

Il-proċedura ta' adozzjoni tal-baġit hija stabbilita fl-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE.

Il-baġit annwali jista' jiġi emendat?

Il-Kunsill, flimkien mal-Parlament, jista' jemenda l-baġit annwali adottat. Għal dan il-Kummissjoni tipproponi abbozz ta' baġit emendatorju, li jiġi adottat taħt l-istess proċedura tal-baġit annwali.

Il-baġit annwali jista' pereżempju jiġi emendat jekk ikunu meħtieġa mezzi addizzjonali biex jintlaħqu ħtiġijiet mhux mistennija, pereżempju, biex jiġu ttrattati l-konsegwenzi ta' diżastru naturali fi stat membru.

Baġits emendatorji jiġu adottati wkoll biex jinkorporaw is-surplus baġitarju tas-sena ta' qabel jew biex jaġġustaw l-ishma ta' dħul imbassra mit-tipi differenti ta' riżorsi proprji.

Min jimplimenta u jikkontrolla l-baġit annwali?

Huma l-aktar il-Kummissjoni u l-istati membri li jimplimentaw il-baġit. L-istati membri jimplimentaw madwar tliet kwarti tal-baġit. Dan ifisser li l-Kummissjoni tħallas direttament għal parti żgħira biss mill-baġit. Madankollu, il-Kummissjoni terfa' r-responsabbiltà aħħarija għall-implimentazzjoni tal-baġit annwali sħiħ tal-UE.

L-istati membri, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, huma obbligati jiżguraw li l-approprjazzjonijiet jintużaw f'konformità mal-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba. Il-partijiet kollha involuti fl-implimentazzjoni tal-baġit iridu jikkonformaw ma' sett riġidu ta' regoli definiti mil-leġiżlaturi tal-UE.

Kronoloġija tal-baġit tal-UE (kalendarju prammatiku)
Kronoloġija tal-baġit tal-UE (kalendarju prammatiku) (Infografika)

Kronoloġija tal-baġit tal-UE (kalendarju prammatiku) (Infografika)

Proċedura ta' kwittanza

L-implimentazzjoni tal-baġit annwali tal-UE hija vverifikata bħala parti mill-hekk imsejħa proċedura ta' kwittanza baġitarja. Il-Parlament jiddeċiedi jekk japprovax kif ikun ġie implimentat il-baġit għal sena speċifika fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill. Huwa jiddeċiedi jekk "jagħtix il-kwittanza".

Għar-rakkomandazzjoni tiegħu, il-Kunsill jeżamina:

  • il-kontijiet tal-UE għal sena finanzjarja partikolari, id-dikjarazzjoni finanzjarja u r-rapport ta' evalwazzjoni dwar il-finanzi tal-UE abbażi tar-riżultati miksuba – kollha ppreżentati mill-Kummissjoni
  • ir-rapport annwali u d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri – l-awditur estern tal-UE

L-aħħar reviżjoni: 18 ta' Novembru 2024