Skip to content

Il-baġit fit-tul tal-UE

Il-baġit fit-tul jew il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) jipprevedi l-finanzjament ta' programmi u azzjonijiet fl-oqsma politiċi kollha, mill-agrikoltura u l-politika reġjonali, sal-appoġġ lill-Ukrajna, it-teknoloġiji strateġiċi u l-migrazzjoni f'konformità mal-prijoritajiet fit-tul tal-UE.

X'inhu l-baġit fit-tul tal-UE?

L-UE ilha tiffunzjona b'baġits fit-tul imsejħa oqfsa finanzjarji pluriennali (QFP) mill-1988.

Il-baġits fit-tul jipprovdu qafas stabbli, b'limiti ta' nfiq ġenerali biex:

  • l-infiq ikun allinjat mal-prijoritajiet politiċi tal-UE
  • tiżdied il-prevedibbiltà tal-finanzi tal-UE għall-kofinanzjaturi u l-benefiċjarji
  • tiġi żgurata d-dixxiplina baġitarja
  • ikun aktar faċli li jiġi adottat il-baġit annwali tal-UE

Bħalissa, il-QFP ikopri perjodu ta' seba' snin. Jistabbilixxi limiti massimi għall-infiq annwali tal-UE għal:

  • impenji totali f'sena partikolari
  • pagamenti totali f'sena partikolari
  • impenji u pagamenti f'kull qasam tal-infiq tal-UE ("intestaturi")
X'inhu l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) tal-UE?

X'inhuma l-impenji u l-pagamenti?

L-impenji totali jikkorrispondu għall-ammont massimu ta' obbligi legali – bħal kuntratti jew għotjiet – li l-UE tista' tidħol għalihom f'sena partikolari. Dawn l-ammonti mhux neċessarjament jitħallsu fl-istess sena iżda jistgħu jintefqu matul is-snin finanzjarji sussegwenti.

Il-pagamenti totali huma l-ammonti reali minfuqa f'sena partikolari. Dawn jirriżultaw minn impenji legali li jsiru fl-istess sena jew fis-snin preċedenti.

L-għan ta' dawn il-limiti huwa li:

  • ikun immaniġġat id-daqs globali tal-baġit tal-UE
  • jiġu protetti l-ammonti għal kull qasam skont il-prijoritajiet tal-UE

Madankollu, il-baġit jeħtieġ ukoll flessibbiltà biex jiġu ttrattati sfidi mhux mistennija – bħal kriżijiet u emerġenzi – u prijoritajiet ta' nfiq li jinbidlu. Għalhekk, il-QFP jinkludi dispożizzjonijiet u "strumenti speċjali" biex ikun żgurat li, anke f'ċirkustanzi mhux previsti, il-flus jistgħu jintużaw meta u fejn ikun hemm l-aktar bżonn.

Il-baġit fit-tul tal-UE għall-2021-2027

Il-baġit fit-tul attwali huwa għall-perjodu 2021-2027. Dan jinkludi pakkett finanzjarju komprensiv li jammonta għal:

  • €1 216 biljun taħt il-qafas finanzjarju pluriennali (fi prezzijiet attwali)
  • €807 biljun taħt l-istrument straordinarju għall-irkupru, Next Generation EU (fi prezzijiet attwali)

F'Ġunju 2023, saret reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP 2021-2027 u ġie msaħħaħ b'€64.6 biljun oħra, biex jiffinanzja prijoritajiet bħall-appoġġ għall-Ukrajna, il-migrazzjoni u l-azzjoni esterna.

Il-baġit fit-tul tal-UE għall-2028-2034

Fis-16 ta' Lulju u t-3 ta' Settembru 2025, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposti tagħha għall-QFP li jmiss, li jammontaw għal kważi €2 triljun.

Minn dak iż-żmien 'l hawn kien hemm progress fid-diskussjonijiet dwar il-proposti kemm fil-livell tekniku kif ukoll f'dak politiku fil-Kunsill Affarijiet Ġenerali.

Il-ministri kellhom diversi skambji ta' fehmiet dwar l-istruttura tal-QFP futur, inkluż l-intestaturi ewlenin, il-governanza u l-aspetti orizzontali tiegħu.

F'Diċembru 2025, il-mexxejja tal-UE ħadu nota tal-ewwel kaxxa ta' negozjar imħejjija mill-presidenza Daniża u appellaw lill-presidenzi li jmiss biex ikomplu l-ħidma bil-ħsieb li jintlaħaq qbil qabel tmiem l-2026, li jippermetti l-adozzjoni f'waqtha tal-leġiżlazzjoni relatata fl-2027.

Fil-11 ta' Ġunju 2026, il-Presidenza Ċiprijotta ppreżentat kaxxa ta' negozjar riveduta biċ-ċifri. Dan jindika pass ewlieni fin-negozjati dwar il-baġit fit-tul li jmiss tal-UE.

Pie chart stilizzata bit-tikketti ta' snin futuri tinsab wara vażett mimli muniti, li jissuġġerixxi ppjanar finanzjarju fit-tul jew tfaddil maż-żmien.
Il-baġit fit-tul tal-UE għall-2028–2034

Il-baġit fit-tul tal-UE għall-2028–2034

Spjegazzjoni tan-negozjati dwar il-baġit fit-tul

Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill tal-UE għandhom rwol ċentrali fil-proċess tal-istabbiliment tal-baġit fit-tul tal-UE.

In-negozjati dwar il-baġit fit-tul tal-UE jibdew ftit snin qabel ikun ser jibda l-perjodu kopert mill-baġit il-ġdid. Il-proċess formali jibda bil-preżentazzjoni tal-hekk imsejjaħ pakkett tal-qafas finanzjarju pluriennali mill-Kummissjoni Ewropea.

Il-pakkett jinkludi, b'mod partikolari:

  • regolament dwar il-qafas finanzjarju pluriennali, li jistabbilixxi kemm tista' tonfoq l-UE
  • deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji, li tiddefinixxi minn fejn jiġi d-dħul tal-UE

Il-Kunsill Affarijiet Ġenerali huwa responsabbli għall-ħidma fuq il-pakkett tal-QFP u jħejji l-hekk imsejħa kaxxa ta' negozjar.

L-abbozz ta' kaxxa ta' negozjar jiġbor flimkien dawk l-elementi li x'aktarx huma dawk li jeħtieġu direzzjoni politika u l-istabbiliment ta' prijoritajiet mill-mexxejja tal-UE. L-għan huwa li jiġu ffaċilitati t-tħejjijiet tal-abbozz ta' konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-QFP, imressaq mill-President tal-Kunsill Ewropew.

Fil-Kunsill Ewropew, il-mexxejja tal-UE jipprovdu gwida politika dwar il-karatteristiċi ewlenin tal-baġit fit-tul. Dan jippermetti li l-Kunsill jilħaq il-pożizzjoni tiegħu.

Ir-regolament QFP jiġi adottat bi proċedura leġiżlattiva speċjali:

  • tenħtieġ l-unanimità biex jintlaħaq qbil fil-Kunsill
  • l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew huwa meħtieġ biex jiġi konkluż il-proċess deċiżjonali
  • fil-prattika, il-Parlament jista' japprova jew jirrifjuta l-pożizzjoni tal-Kunsill, iżda ma jistax jemendaha

Id-deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji teħtieġ:

  • qbil unanimu għall-adozzjoni fil-Kunsill
  • opinjoni mill-Parlament
  • ratifika minn kull stat membru skont il-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu qabel ma tidħol fis-seħħ

Kif jiġu deċiżi l-programmi settorjali?

Il-Kummissjoni tagħmel ukoll proposti għal programmi settorjali għall-perjodu ta' programmazzjoni ġdid.

Il-konfigurazzjonijiet settorjali tal-Kunsill huma responsabbli għall-ħidma fuq il-programmi ta' finanzjament tal-UE fil-Kunsill.

Pereżempju, il-Kunsill Agrikoltura u Sajd jaħdem fuq il-proposti leġiżlattivi relatati mal-politika agrikola komuni (PAK), il-Kunsill Kompetittività dwar il-programmi għas-suq uniku, ir-riċerka u l-ispazju.

Bi ftit eċċezzjonijiet, dawn il-programmi jiġu deċiżi flimkien mal-Parlament permezz ta' proċedura leġiżlattiva ordinarja.

L-aspetti finanzjarji u orizzontali tal-programmi jiddependu fuq l-eżitu tan-negozjati tal-QFP.

Protezzjoni tal-baġit tal-UE

Karatteristika ewlenija tal-QFP li tipproteġi l-baġit tal-UE, l-hekk imsejjaħ "reġim ġenerali ta' kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE" jibda japplika fejn jiġi stabbilit li ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fi stat membru jaffettwa jew jhedded serjament li jaffettwa l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-UE jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE b'mod suffiċjentement dirett.

S'issa, dan il-mekkaniżmu ġie applikat darba: f'Diċembru 2022 fil-każ partikolari tal-Ungerija.

Ara wkoll

Il-baġit fit-tul tal-UE 2021-2027

Il-baġit fit-tul tal-UE 2021-2027

Finanzjament tal-baġit tal-UE

Finanzjament tal-baġit tal-UE

Il-baġit annwali tal-UE

Il-baġit annwali tal-UE

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Ġunju 2026