Is-sikurezza tal-ġugarelli
Ir-regoli tal-UE jiżguraw li l-ġugarelli introdotti fis-suq tal-UE jkunu fost l-aktar sikuri fid-dinja.
Rekwiżiti tas-sikurezza għall-ġugarelli
Ir-regoli tal-UE dwar is-sikurezza tal-ġugarelli huma fost l-aktar stretti fid-dinja. Dawn għandhom l-għan li jipproteġu lit-tfal filwaqt li jiffaċilitaw il-moviment liberu tal-ġugarelli fis-suq uniku.
Ir-regoli tal-UE jistabbilixxu r-rekwiżiti tas-sikurezza essenzjali li l-ġugarelli jridu jissodisfaw sabiex jitqiegħdu fis-suq tal-UE, irrispettivament minn jekk jiġux manifatturati fl-UE jew f'pajjiżi terzi.
Skont ir-regoli tal-UE, qabel ma jqiegħdu ġugarell fis-suq, il-manifatturi għandhom iwettqu valutazzjonijiet tas-sikurezza fir-rigward ta' diversi tipi ta' riskji: perikli kimiċi, fiżiċi u mekkaniċi, elettriċi, ta' fjammabbiltà, ta' iġjene u radjuattività.
Karatteristiċi fiżiċi u mekkaniċi
Karatteristiċi elettriċi
Fjammabbiltà
Rekwiżiti iġjeniċi
Sustanzi kimiċi
Perikli ta' radjuattività
Il-ġugarelli jridu jkunu mmarkati wkoll bil-logo CE, li jindika li huma konformi mal-istandards tas-sikurezza tal-UE.
Il-marka CE tiżgura li l-konsumaturi tal-UE li jixtru l-ġugarelli jistgħu jibbenefikaw minn livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa, tas-sikurezza u tal-ambjent.
Madankollu, il-ġugarelli kienu għadhom it-tieni l-aktar prodotti notifikati fl-2023lis-sistema ta' twissija rapida tal-UE għal prodotti perikolużi għall-konsumatur.
F'Ottubru 2025, il-Kunsill adotta r-regolament dwar is-sikurezza tal-ġugarelli biex tkompli tiżdied is-sikurezza tal-ġugarelli. It-test il-ġdid iżid il-livelli ta' protezzjoni tar-regolament eżistenti billi jipprojbixxi jew jirrestrinġi s-sustanzi kimiċi ta' ħsara fil-ġugarelli. Itejjeb ukoll l-infurzar bis-saħħa tal-passaport diġitali l-ġdid tal-prodotti, inkluż għall-ġugarelli mibjugħa online.
Sabiex l-atturi tal-industrija jkollhom biżżejjed żmien biex jimplimentaw ir-regoli l-ġodda b'mod effiċjenti, il-ftehim jistabbilixxi perjodu ta' tranżizzjoni ta' 4 snin u nofs.
Protezzjoni mis-sustanzi kimiċi
Ir-regoli aġġornati jżidu l-protezzjoni kontra sustanzi kimiċi ta' ħsara.
Minbarra s-sustanzi li huma karċinoġeniċi, mutaġeniċi, jew tossiċi għar-riproduzzjoni li diġà huma pprojbiti fil-leġiżlazzjoni preċedenti, ir-regoli l-ġodda jipprojbixxu wkoll l-użu ta' sett estiż ta' sustanzi kimiċi li jaffettwaw is-sistema endokrinali (interferenti endokrinali), is-sistema respiratorja jew li huma tossiċi għal organu speċifiku.
Interferenti endokrinali
Sustanzi kimiċi li jaffettwaw is-sistema respiratorja
Sustanzi kimiċi li huma tossiċi għal organu speċifiku
Ir-regoli l-ġodda jipprojbixxu wkoll l-użu ta' sustanzi kklassifikati bħala karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni. Restrizzjonijiet oħrajn jinkludu:
- projbizzjoni ġenerali fuq ċerti kategoriji ta' sensitizzaturi tal-ġilda (sustanzi kimiċi li jipprovokaw rispons allerġiku wara kuntatt mal-ġilda)
- projbizzjoni fuq ġugarelli li għandhom funzjoni bijoċidali
- projbizzjoni fuq it-trattament ta' ġugarelli bi prodotti bijoċidali (ħlief għal ġugarelli li huma maħsuba biex jitpoġġew barra b'mod permanenti)
- limitu fuq l-użu ta' preservattivi
- projbizzjoni fuq l-użu ta' allerġeni tal-fwejjaħ fil-ġugarelli maħsuba għat-tfal ta' taħt it-tliet snin
- projbizzjoni limitata fuq l-użu intenzjonat ta' sustanzi per- u polifluworoalkilati (PFAS) fil-ġugarelli (ħlief għall-funzjonijiet elettroniċi meħtieġa tal-ġugarelli meta s-sustanza jew it-taħlita tkun għalkollox inaċċessibbli għat-tfal)
- projbizzjoni tal-preżenza fil-ġugarelli ta' 10 bisfenoli
Passaport diġitali
Ir-regoli l-ġodda ser ikompli jnaqqsu l-għadd ta' ġugarelli mhux konformi jew mhux sikuri fis-suq tal-UE permezz ta' infurzar aħjar.
Skont il-leġiżlazzjoni l-ġdida, il-ġugarelli kollha għandu jkollhom passaport diġitali tal-prodotti, li jkun jinkludi informazzjoni dwar il-konformità mar-regoli tal-UE. Dawn il-passaporti jistgħu jiġu skennjati mill-awtoritajiet tal-kontroll tal-fruntieri bl-użu ta' sistema ġdida tal-IT.
L-importaturi jkollhom jissottomettu passaporti diġitali tal-prodotti għall-ġugarelli kollha fil-fruntieri tal-UE, inkluż għal dawk mibjugħa online.
It-tnaqqis tal-għadd ta' ġugarelli mhux sikuri li għadhom jinbiegħu fl-UE, speċjalment online, għandu wkoll iżid il-kundizzjonijiet ekwi bejn il-ġugarelli manifatturati fl-UE u dawk importati.
Dan huwa kruċjali għall-industrija tal-ġugarelli tal-UE, li tipprovdi aktar minn 50 000 impjieg, il-biċċa l-kbira minnhom f'intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.
Obbligi tal-operaturi ekonomiċi u tas-swieq online
Ir-regoli l-ġodda jintroduċi diversi punti ta' titjib biex jiġu ċċarati u msaħħa l-obbligi għall-operaturi ekonomiċi u għall-fornituri tas-swieq online, f'konformità ma' dawk imposti mil-liġijiet tal-UE applikabbli għall-ġugarelli.
Il-manifatturi ser ikollhom:
- jimmarkaw it-twissijiet b'mod li jinftiehem faċilment mill-konsumaturi
- jinfurmaw lil operaturi ekonomiċi oħrajn fil-katina tad-distribuzzjoni dwar kwalunkwe diffikultà fir-rigward tal-konformità tal-prodott
L-importaturi tal-ġugarelli ikollhom ukoll jinfurmaw lill-produttur u lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jekk jissuspettaw li ġugarell jista' jkun ta' riskju.
Bejgħ online
Peress li l-fornituri tas-swieq online għandhom rwol importanti meta jintermedjaw il-bejgħ jew il-promozzjoni ta' ġugarelli bejn kummerċjanti u konsumaturi, ġugarelli li ma jikkonformawx mar-regolament dwar is-sikurezza tal-ġugarelli ser jitqiesu bħala kontenut illegali għall-finijiet tal-att dwar is-servizzi diġitali (DSA).
It-test leġiżlattiv il-ġdid jistabbilixxi wkoll obbligi speċifiċi għall-ġugarelli għall-fornituri tas-swieq online. Pereżempju, jesiġi li l-interfaċċi tas-swieq online jitfasslu u jiġu organizzati b'mod li jippermetti lill-operaturi ekonomiċi juru:
- il-marka CE, kwalunkwe twissija meħtieġa għall-konsumatur qabel ix-xiri
- link għall-passaport diġitali tal-prodotti
Ara wkoll
Sustanzi kimiċi
Sikurezza tal-prodotti u sorveljanza tas-suq
Protezzjoni tal-konsumaturi
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Ottubru 2025