Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 12 ta' Ġunju 2015 13:00

Il-programm tas-servizzi diġitali interoperabbli ISA² - il-Kunsill jasal għal qbil dwar il-pożizzjoni tiegħu

Fit-12 ta’ Ġunju 2015, il-Kunsill adotta approċċ ġenerali dwar programm biex jgħin lill-istati membri jipprovdu servizzi diġitali interoperabbli (ISA²). L-għan huwa li jiġi żgurat li l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej jistgħu jinteraġixxu elettronikament ma’ xulxin u maċ-ċittadini u n-negozji mingħajr xkiel. Il-programm ISA2 ser jappoġġa kemm l-interazzjoni transkonfinali kif ukoll dik transsettorjali. Huwa mistenni li jdum mill-2016 sal-2020.

Aċċess aħjar għas-servizzi pubbliċi fl-UE kollha

L-appoġġ għal interoperabbiltà u koordinazzjoni aħjar fil-ħidma kollha tal-amministrazzjoni elettronika huwa essenzjali biex jippermetti mobbiltà akbar liċ-ċittadini u n-negozji fl-Unjoni kollha. Din teħtieġ interazzjoni frekwenti elettronikament mal-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-istati membri. 

Interoperabbiltà ikbar ser ittejjeb is-servizzi offruti, taqta' l-ispejjeż u tnaqqas il-piż amministrattiv. Fl-istess ħin ser tikkontribwixxi għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern. 

Nibnu fuq il-programm attwali ISA 

ISA2 ser jissostitwixxi u jespandi fuq il-programm attwali ISA, li jiskadi fl-aħħar tal-2015. L-azzjonijiet appoġġati taħt il-programm ISA jinkludu għodod ta' ħolqien u verifika tal-firma elettronika, sistemi transkonfinali ta' saħħa elettronika u software minn sors miftuħ biex jappoġġaw l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej. 

Il-programm il-ġdid ISA2 

Il-pakkett finanzjarju ta' ISA2 għall-2016-2020 huwa ta' madwar  €131 miljun.   

Il-programm ser jappoġġa azzjonijiet biex jivvalutaw, itejbu u jużaw mill-ġdid soluzzjonijiet eżistenti ta’ interoperabbiltà u biex jiżviluppaw oħrajn ġodda. Azzjonijiet oħra li jistgħu jirċievu appoġġ jinkludu dawk li jivvalutaw l-implikazzjonijiet ta' teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) tal-proposti jew il-leġislazzjoni adottata mill-UE, jew li jgħinu fl-identifikazzjoni tad-diskrepanzi fil-leġislazzjoni li jxekklu l-interoperabbiltà bejn l-amministrazzjonijiet Ewropej. 

Meta mqabbel mal-proposta inizjali tal-Kummissjoni, it-test ta’ kompromess tal-presidenza jintroduċi dispożizzjonijiet biex jiċċaraw il-kriterji tal-eliġibbiltà għall-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati taħt il-programm ISA2 u jintroduċi kriterji biex jiġu pprijoritizzati l-azzjonijiet.  Jinkludi wkoll dispożizzjonijiet biex jiġi evitat xogħol doppju u biex jiġu żgurati l-konsistenzi u l-koordinazzjoni ma’ programmi oħra tal-UE.

Sabiex tiġi adottata, id-deċiżjoni ser ikollha tiġi approvata kemm mill-Kunsill kif ukoll mill-Parlament Ewropew. Il-Parlament għadu ma vvutax il-pożizzjoni tiegħu.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024