Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 22 ta' Ġunju 2015 09:55

Il-Kunsill iniedi operazzjoni navali tal-UE biex tisfratta lill-faċilitaturi tad-dħul klandestin u lit-traffikanti ta' bnedmin fil-Mediterran

Illum, il-Kunsill nieda l-operazzjoni navali tal-UE kontra l-faċilitaturi tad-dħul klandestin u t-traffikanti ta' bnedmin fil-Mediterran imsejħa "EUNAVFOR Med". Il-missjoni tagħha hija li tidentifika, taqbad u teqred il-bastimenti u r-riżorsi li jsostnuhom użati jew suspettati li qed jintużaw mill-faċilitaturi tad-dħul klandestin jew mit-traffikanti tal-migranti.

Ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, qalet: 
"L-UE qatt ma ħadet il-kwistjoni tal-migrazzjoni bis-serjetà daqs kemm qed nagħmlu bħalissa. B’din l-operazzjoni, għandna fil-mira l-mudell kummerċjali ta’ dawk li jibbenefikaw mill-miżerja tal-migranti. Iżda din hija biss parti minn strateġija usa’ li tinkludi l-kooperazzjoni ma' sħabna fl-Afrika, b’mod partikolari fir-reġjun tas-Saħel, u l-ħidma mal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni u l-UNHCR. Bħala UE, aħna determinati li nikkontribwixxu biex insalvaw il-ħajjiet, inkissru n-netwerks tal-faċilitaturi tad-dħul klandestin ta' bnedmin u nindirizzaw il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni."

L-EUNAVFOR Med ser titwettaq f’sekwenza ta' fażijiet, f’konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali, inkluż il-liġi umanitarja u dwar ir-rifuġjati u d-drittijiet tal-bniedem. L-ewwel fażi tikkonċentra fuq is-sorveljanza u l-valutazzjoni tan-netwerks tal-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin u tat-traffikar tal-bnedmin fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali. 

Huwa ppjanat li t-tieni stadju tal-operazzjoni tipprevedi t-tiftix u, jekk meħtieġ, il-konfiska ta' bastimenti suspettużi. It-tielet fażi tippermetti l-qerda tal-bastimenti u r-riżorsi relatati, preferibbilment qabel l-użu, u li jinqabdu l-faċilitaturi tad-dħul klandestin u t-traffikanti. 

Il-Kunsill ser jivvaluta meta għandu jmur lil hinn minn dan l-ewwel pass, b'kont meħud ta' mandat tan-NU u l-kunsens tal-istati kostali kkonċernati, u l-fażijiet sussegwenti ser jitwettqu skont dan. 

Il-Kwartier Ġenerali tal-Operazzjoni tal-EUNAVFOR Med jinsab f'Ruma. Il-Kontro-Ammirall Enrico Credendino nħatar Kmandant tal-Operazzjoni u fuq il-baħar ser ikun assistit mill-Kmandant tal-Forza l-Kontro-Ammirall Andrea Gueglio. L-ispejjeż komuni tal-operazzjoni huma stmati li jilħqu €11.82 miljun għal fażi inizjali ta' xahrejn u l-mandat inizjali ta’ 12-il xahar.

L-EUNAVFOR Med, stabbilita fit-18 ta' Mejju 2015, hija element wieħed tal-istrateġija komprensiva usa' tal-UE għall-migrazzjoni li għandha l-għan li tirrispondi għal ħtieġa immedjata li jiġu salvati l-ħajjiet u jiġu indirizzati s-sitwazzjonijiet ta' emerġenza, tittratta l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u tiġġieled kontra t-traffikanti.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024