- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 8 ta' Diċembru 2015 11:30
L-ewwel regoli għall-UE kollha biex titjieb iċ-ċibersigurtà: ftehim mal-PE
Fis-7 ta' Diċembru 2015, il-presidenza Lussemburgiża tal-Kunsill laħqet ftehim informali mal-Parlament Ewropew dwar regoli komuni li jsaħħu s-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni (NIS) fl-UE.
Id-direttiva l-ġdida ser tistabbilixxi obbligi ta' ċibersigurtà għall-operaturi ta’ servizzi essenzjali u fornituri ta’ servizzi diġitali. Dawn l-operaturi ser ikollhom jieħdu miżuri biex jimmaniġġjaw riskji ċibernetiċi u jirrapportaw inċidenti serji ta' sigurtà, iżda ż-żewġ kategoriji ser ikunu soġġetti għal sistemi differenti.
Il-Prim Ministru u Ministru għall-Komunikazzjoni u l-Media tal-Lussemburgu u President tal-Kunsill, Xavier Bettel, qal: "Dan hu pass importanti lejn approċċ aktar koordinat għaċ-ċibersigurtà fl-Ewropa. L-atturi kollha, pubbliċi u privati, ser ikollhom iżidu l-isforzi tagħhom, b’mod partikolari b'żieda fil-kooperazzjoni bejn l-istati membri u tisħiħ tar-rekwiżiti ta' sigurtà għall-operaturi tal-infrastruttura u s-servizzi diġitali".
Regoli msaħħa għall-operaturi essenzjali
Id-direttiva telenka għadd ta’ setturi kritiċi li fihom huma attivi operaturi ta’ servizzi essenzjali, bħall-enerġija, it-trasport, il-finanzi u s-saħħa. F'dawn is-setturi, l-istati membri ser jidentifikaw l-operaturi li jipprovdu servizzi essenzjali, abbażi ta' kriterji ċari stipulati fid-direttiva. Ir-rekwiżiti u s-superviżjoni ser ikunu aktar stretti għal dawn l-operaturi milli għall-fornituri ta’ servizzi diġitali. Dan jirrifletti l-livell ta’ riskju li kull qtugħ fis-servizzi tagħhom jista' jikkaġuna lis-soċjetà u lill-ekonomija.
Sistema aktar uniformi għall-fornituri ta' servizzi diġitali
Is-servizzi diġitali li ġejjin ser ikunu koperti mid-direttiva: pjattaformi ta' kummerċ elettroniku, magni tat-tiftix u servizzi cloud.
Fornituri ta' servizzi diġitali huma tipikament attivi f’bosta stati membri. Biex ikun żgurat li dawn jiġu ttrattati bl-istess mod madwar l-UE, ir-regoli ser japplikaw għall-operaturi kollha li jipprovdu dawn is-servizzi, ħlief għall-kumpaniji ż-żgħar.
Strutturi f'livell tal-UE u nazzjonali li jilqgħu għal theddidiet ċibernetiċi
Kull pajjiż tal-UE ser ikun obbligat jaħtar awtorità nazzjonali waħda jew iktar u jfassal strateġija li tittratta kwistjonijiet ċibernetiċi.
L-istati membri ser isaħħu wkoll il-kooperazzjoni tagħhom dwar iċ-ċibersigurtà. Ser jinħoloq grupp ta' kooperazzjoni fil-livell tal-UE biex jappoġġa l-kooperazzjoni strateġika u l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-istati membri. Ser jitwaqqaf netwerk ta' skwadri ta’ rispons għal inċidenti relatati mas-sigurtà tal-kompjuters (CSIRTs) biex jippromwovi l-kooperazzjoni operattiva. It-tnejn li huma mistennija jgħinu fl-iżvilupp ta' aktar kunfidenza u fiduċja bejn l-istati membri.
Skadenzi
L-istati membri ser ikollhom 21xahar mid-dħul fis-seħħ tad-direttiva biex jadottaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali meħtieġa. Wara dan il-perjodu, ser ikollhom 6 xhur oħra biex jidentifikaw l-operaturi tagħhom tas-servizzi essenzjali.
Kif ser issir liġi?
Għall-Kunsill, il-ftehim għad irid jiġi kkonfermat mill-istati membri. Il-presidenza ser tippreżenta t-test miftiehem għall-approvazzjoni mill-ambaxxaturi tal-istati membri fil-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) fit-18 ta’ Diċembru. Biex il-proċedura tkun kompluta, tinħtieġ l-adozzjoni formali kemm mill-Kunsill kif ukoll mill-Parlament.
Kuntatti għall-istampa
-
Niels Timmermans Press officer
- +32 470 18 22 47
- +32 2 281 32 65
- @timmermansniels
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024