Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 15 ta' Frar 2016 16:45

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Belarussja

  1. Waqt li jfakkar fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-31 ta’ Jannar 2011, l-20 ta’ Ġunju 2011, it-23 ta’ Marzu 2012 u l-15 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill jenfasizza l-importanza li jagħti lir-relazzjonijiet mar-Repubblika tal-Belarussja u l-poplu tagħha.
  2. Fl-istess ħin, il-Kunsill jibqa’ mħasseb dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja u jfakkar li r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarussja għandha tkun ibbażata fuq valuri komuni, b’mod partikolari r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt.
  3. Il-Kunsill jirrikonoxxi l-passi meħudin mill-Belarussja matul l-aħħar sentejn li taw kontribut għat-titjib tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarussja, bħalma huma l-parteċipazzjoni proattiva tal-Belarussja fis-Sħubija tal-Lvant u fil-Fażi Interim dwar Kwistjonijiet ta’ Modernizzazzjoni, it-tkomplija tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Belarussja, il-bidu ta’ negozjati dwar il-Ftehimiet dwar il-Faċilitazzjoni tal-Viża u r-Riammissjoni u dwar Sħubija għall-Mobilità, il-kooperazzjoni attiva fl-armonizzazzjoni tas-swieq diġitali u l-firma ta’ Arranġament ta’ Kooperazzjoni dwar Mekkaniżmu ta’ Twissija Bikrija fis-settur tal-enerġija. Il-Kunsill jagħti valur ukoll lir-rwol kostruttiv fir-reġjun tal-Belarussja.
  4. Ir-rilaxx tal-priġunieri politiċi kollha li kien għad fadal fit-22 ta’ Awwissu 2015 kien pass li kien ilu mfittex li l-UE kienet appellat konsistentement għalih. Bi tweġiba għar-rilaxxi u l-elezzjonijiet presidenzjali tal-11 ta’ Ottubru 2015 li saru f’ambjent ħieles mill-vjolenza, u filwaqt li jitqies l-istat ġenerali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarussja, f’Ottubru 2015, il-Kunsill qabel dwar erba’ xhur sospensjoni tal-biċċa l-kbira tal-miżuri restrittivi.
    Il-Kunsill jirrikonoxxi li hemm opportunità biex ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarussja jiżviluppaw f’aġenda aktar pożittiva u li l-progress f’varjetà ta’ oqsma jista’ jinkiseb aħjar permezz ta’ kanali ta’ komunikazzjoni mtejba.
  5. F’dan il-kuntest, il-Kunsill jaqbel li l-UE mhux ser testendi l-miżuri restrittivi għal 170 individwu u tliet kumpanniji li l-elenkar tagħhom attwalment huwa sospiż. Il-Kunsill jaqbel ukoll li l-embargo fuq l-armi u l-miżuri restrittivi relatati mal-erba’ individwi elenkati b’rabta mal-għajbien mhux riżolt ta’ żewġ politiċi tal-oppożizzjoni, negozjant u ġurnalist, ser jiġi estiż għal perjodu ta’ tnax-il xahar.
  6. Fid-dawl tal-elezzjonijiet parlamentari tal-Belarussja tal-2016, il-Kunsill iħeġġeġ lill-awtoritajiet Belarussi sabiex imexxu ’l quddiem malajr ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport finali tal-OSKE/ODIHR dwar it-tmexxija tal-elezzjonijiet Presidenzjali tal-11 ta’ Ottubru 2015, inkluż dwar il-qafas legali u proċedurali. Il-Kunsill jilqa’ id-disponibbiltà dejjem akbar għad-djalogu u l-kooperazzjoni tal-Belarussja mal-OSKE/ODIHR. Il-Kunsill ifakkar fl-importanza li huwa jagħti għal titjib f’dan il-qasam u għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Belarussja.
  7. Il-Kunsill jikkundanna l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt fil-Belarussja, u b’mod partikolari jiddeplora ż-żewġ sentenzi mogħtija reċentement għall-piena tal-mewt, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Belarussi biex jistabbilixxu moratorju bħala l-ewwel pass fit-triq lejn l-abolizzjoni tagħha. Il-Kunsill jistenna b’interess l-avvenimenti li jmiss ta’ esperti u pubbliċi dwar il-piena tal-mewt li huma ppjanati li jsiru fl-2016.
    Il-Kunsill itenni l-appell tiegħu biex jerġgħu jiddaħħlu d-drittijiet ċivili u politiċi ta’ dawk li kienu priġunieri politiċi u jenfasizza l-ħtieġa li tkun żgurata l-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni, inkluż billi tippermetti r-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet politiċi u tas-soċjetà ċivili. Il-Kunsill jenfasizza l-importanza ta’ soċjetà ċivili vibranti għall-benesseri soċjali u ekonomiku ta’ pajjiż, u jappella lill-awtoritajiet Belarussi biex jippermettu li s-soċjetà ċivili tkun aktar involuta fid-diskussjonijiet dwar il-politika tal-gvern. Barra minn hekk, il-Kunsill iħeġġeġ lill-awtoritajiet Belarussi biex jeliminaw l-ostakli kollha għall-eżerċizzju ta’ mezzi tal-informazzjoni ħielsa u indipendenti, inkluż permezz tar-reġistrazzjoni ta’ stabbilimenti ġodda tal-mezzi tal-informazzjoni u l-akkreditazzjoni tal-ġurnalisti. Il-Kunsill ikompli jappella lill-Belarussja biex tirrispetta d-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali. Il-Kunsill ser ikompli jsegwi mill-qrib is-sitwazzjoni f’dan ir-rigward.
  8. Il-Kunsill jilqa’ t-tkomplija tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Belarussja u jistenna b’interess iċ-ċiklu li jmiss, fejn il-Belarussja offriet li tospita f’Minsk tard fir-rebbiegħa. Flimkien mal-involviment tal-Belarussja fl-Eżami Perjodiku Universali tal-2015 dawn huma passi pożittivi, u l-Kunsill iħeġġeġ lill-awtoritajiet Belarussi biex titkompla l-ħidma f’dawn l-oqsma u jappella lill-Belarussja biex tagħmel dan bil-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili.
    L-UE tkompli tappella lill-Belarussja biex issegwi r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-korpi tat-trattati tan-NU u biex tikkoopera bis-sħiħ mal-proċeduri speċjali tan-NU - inkluż ir-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja - u mekkaniżmi oħra. Il-Kunsill iħeġġeġ aktar kooperazzjoni bejn il-Belarussja u l-Kunsill tal-Ewropa bl-għan li ssir membru sħiħ.
    Il-Kunsill itenni r-rieda tal-UE li tassisti lill-Belarussja fil-ħarsien tal-obbligi tagħha lejn id-demokratizzazzjoni u r-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem, u jistenna bil-ħerqa li jiddiskuti dawn il-kwistjonijiet minnufih fuq livell bilaterali.
  9. Il-Kunsill itenni l-impenn sod tiegħu li jsaħħaħ l-involviment tal-UE mal-poplu u s-soċjetà ċivili tal-Belarussja. L-UE tagħti importanza kbira għat-tisħiħ tal-kuntatti bejn il-persuni mal-Belarussja, li għandhom jitħeġġu permezz ta’ programmi bħal Erasmus+, u tistenna bil-ħerqa l-konklużjoni rapida tan-negozjati u l-iffirmar tal-Ftehim għall-Faċilitazzjoni tal-Viża u l-Ftehim ta’ Riammissjoni u s-Sħubija għall-Mobilità.
  10. Il-Kunsill jafferma mill-ġdid li relazzjonijiet tajbin mal-viċinat u l-kooperazzjoni reġjonali huma elementi importanti għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Belarussja. Waqt li jfakkar fil-konklużjonijiet tiegħu tal-20 ta’ Lulju 2015 dwar id-Diplomazija tal-Enerġija, il-Kunsill itenni l-importanza li jiżguraw is-sikurezza nukleari lil hinn mill-fruntieri tal-UE u jappella lill-Belarussja biex tikkoopera b’mod kostruttiv mal-awtoritajiet internazzjonali rilevanti f’dan ir-rigward.
  11. Il-Kunsill jibqa’ lest għal żvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarussja, u biex jittieħdu passi ulterjuri għat-titjib tar-relazzjonijiet politiċi u kooperazzjoni settorjali f’kuntest xieraq. Il-Kunsill jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tibda l-kooperazzjoni tal-Ġemellaġġ mal-Belarussja din is-sena. Huwa jissottolinja l-importanza li r-rieżami tal-PEV u jinnota li l-Belarussja tipprovdi opportunità tajba biex tapplika approċċ differenzjat. Il-Kunsill għalhekk iddeċieda li titħaffef l-implimentazzjoni ta’ miżuri mmirati li jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Belarussja f’għadd ta’ oqsma relatati mal-ekonomija, il-kummerċ u l-assistenza, bl-għan li timmodernizza lill-Belarussja u l-ekonomija tagħha u għall-benefiċċju tal-popolazzjoni tal-Belarussja, inkluż fid-dawl tal-adeżjoni mad-WTO u f’kooperazzjoni mal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali, b’mod partikolari l-BEI u BERŻ skont il-mandati rispettivi tagħhom. Il-Kunsill iħeġġeġ ukoll lill-Belarussja biex taċċellera riformi ekonomiċi tant meħtieġa. Passi tanġibbli meħudin mill-Belarussja li tirrispetta l-libertajiet fundamentali universali, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem ser jibqgħu importanti għat-tfassil tal-politika futura tal-UE lejn il-Belarussja.
  12. Il-Kunsill ser jibqa’ jsegwi mill-qrib il-ħidma tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni bejn l-UE u l-Belarussja bħala segwitu tal-Fażi Interim dwar kwistjonijiet ta’ modernizzazzjoni, inkluża aġenda li tinkludi kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem, u jistenna b’interess l-involviment tas-soċjetà ċivili.
Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024