Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 12 ta' Mejju 2016 17:20

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-approċċ tal-UE lejn iċ-ċaqliq sfurzat u l-iżvilupp

1. Globalment, aktar minn 60 miljun persuni, refuġjati u persuni spustati f’pajjiżhom (IDPs), jinsabu spustati bil-forza minħabba konflitti, vjolenza u ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Fid-dawl tal-kriżi globali tar-refuġjati u tal-migrazzjoni li taffettwa wkoll lill-Ewropa, dan huwa sors ewlieni ta’ tħassib għall-Kunsill. It-tibdil fil-klima, id-diżastri naturali u dawk magħmula mill-bniedem, kif ukoll in-nuqqas ta’ opportunitajiet għal żvilupp jew is-sigurtà tal-bniedem joħolqu sfidi addizzjonali f’dan ir-rigward. Il-Kunsill ifakkar li 86% tar-refuġjati fid-dinja jgħixu f’reġjuni li qed jiżviluppaw u li 25% tat-total globali jinsabu fil-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs). Il-Kunsill itenni l-impenn tiegħu li jaħdem lejn soluzzjonijiet paċifiċi għall-konflitti u soluzzjonijiet durabbli u dinjitużi għar-refuġjati u l-persuni spostati internament (IDPs), inkluż ir-ritorn volontarju sikur, kif ukoll l-importanza tal-prevenzjoni u l-bini ta’ kapaċitajiet bħala pedamenti għar-reżiljenza.

2. Il-Kunsill ifakkar fil-konklużjonijiet tiegħu (19 ta’ Lulju 2013) dwar id-Djalogu ta’ Livell Għoli tal-2013 dwar il-Migrazzjoni u l-Iżvilupp u dwar it-twessigħ tar-rabta bejn l-iżvilupp u l-migrazzjoni[1] kif ukoll fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ Diċembru tal-2014 dwar il-Migrazzjoni fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp[2] tal-UE li appellaw għal “approċċ ta’ żvilupp koerenti u kkoordinat għall-kwistjonijiet tar-refuġjati u l-IDPs u l-iżgurar ta’ rispons xieraq f'dak li hu finanzjament”. Din it-talba ġiet imtennija waqt il-laqgħa tal-Kunsill fis-26 ta’ Mejju 2015.

3. Il-Kunsill jisħaq fuq il-ħtieġa li tittieħed azzjoni politika urġenti u deċiżiva fit-trattament ta’ sitwazzjonijiet ta’ ċaqliq fit-tul u għalhekk jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Lejn Ħajja b'Dinjità: minn dipendenza fuq l-għajnuna għal ħajja indipendenti. L-Ispustar bil-forza u l-Iżvilupp".

4. Il-Kunsill jirrikonoxxi li ċ-ċaqliq sfurzat għandu impatt serju mhux biss fuq il-persuni spustati u l-familji tagħhom, iżda anke fuq il-pajjiżi u l-komunitajiet ospitanti. Is-sistema umanitarja waħidha ma tistax tindirizza l-ħtiġijiet li qed jikbru u jevolvu tal-persuni spustati bil-forza u tal-pajjiżi u l-komunitajiet li jospitawhom, speċjalment hekk kif jitwalu aktar kriżijiet. Iċ-ċaqliq sfurzat huwa sfida politika, għad-drittijiet tal-bniedem, għas-sigurtà, għall-iżvilupp u l-ekonomija, aggravat bil-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' persuni, it-traffikar u l-isfruttar. Huwa għandu jiġi indirizzat minn perspettiva bbażata fuq il-ħtiġijiet, mirfuda minn approċċ ibbażat fuq id-drittijiet li jiġbor fih id-drittijiet kollha tal-bniedem, permezz ta’ appoġġ għall-iżvilupp fit-tul li, bħala regola, jinvolvi lil atturi tal-iżvilupp, inklużi dawk lokali, mill-istadji bikrija, kull meta possibbli, u matul kriżi sħiħa, biex b’hekk jikkumplementa l-approċċ umanitarju b’mod koordinat u koerenti, appoġġat minn djalogu politiku. L-għan għandu jkun li ssir ħidma lejn soluzzjonijiet globali u lokali sostenibbli għall-persuni spostati, billi jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali u tiġi miġġielda n-natura fit-tul taċ-ċaqliq sfurzat, biex tittejjeb ħajjithom u jimxu minn dipendenza fuq l-għajnuna għal ħajja indipendenti. Min-naħa l-oħra, il-pajjiżi u l-komunitajiet ospitanti għandhom jirċievu appoġġ adegwat u sostenibbli, filwaqt li jiġu massimizzati l-benefiċċji li jistgħu jġibu magħhom il-persuni spostati. Rabta strateġika u operazzjonali aktar b’saħħitha bejn l-iżvilupp u l-approċċi umanitarji għandha tfittex li tistabbilixxi qafas għal sħubijiet wiesgħa li jtejbu l-protezzjoni u joħolqu opportunitajiet soċjali u ekonomiċi durabbli, inkluż l-edukazzjoni fil-livelli kollha, għal persuni spustati bil-forza u l-komunitajiet ospitanti tagħhom, b’kont meħud tal-prijoritajiet, iċ-ċirkostanzi finanzjarji u l-ħtiġijiet tal-pajjiżi u l-komunitajiet li qed jospitaw persuni spustati bil-forza.

Approċċ koerenti u mmexxi mill-iżvilupp għal ċaqliq sfurzat

5. Il-Kunsill jilqa’ l-approċċ u l-prinċipji gwida, li jirrikonoxxu l-potenzjal tar-refuġjati u l-IDPs biex jikkontribwixxu b’mod attiv u jipparteċipaw fl-ekonomija u fis-soċjetà tal-pajjiżi u l-komunitajiet ospitanti sakemm ikun possibbli r-ritorn sigur. Il-Kunsill huwa tal-fehma li l-gvernijiet ospitanti għandhom jiġu appoġġati biex jadottaw u jimplimentaw sistemi legali nazzjonali u politiki li jkunu konformi mal-istandards internazzjonali u li jwasslu għall-indipendenza ta’ persuni spustati, u permezz ta’ dan ikunu qed jiġu salvagwardjati d-drittijiet u d-dinjità umana tagħhom. L-UE ser taħdem flimkien mal-gvernijiet ospitanti u l-awtoritajiet lokali biex jiġu implimentati gradwalment pjanijiet u politiki għall-inklużjoni soċjoekonomika ta’ persuni spustati bil-forza, fil-qafas ta’ pjanijiet lokali u nazzjonali ta’ żvilupp. F’dan ir-rigward, l-aċċess għas-swieq tax-xogħol, l-edukazzjoni u s-servizzi huwa ta' importanza kruċjali. Din il-ħidma għandha tkun ibbażata fuq sħubijiet mal-atturi kollha tal-iżvilupp, inklużi d-dijaspori. L-involviment tas-soċjetà ċivili lokali u s-settur privat, pereżempju permezz ta’ sħubijiet pubbliċi-privati, huwa kruċjali biex jiġu offruti s-servizzi u l-opportunitajiet tant meħtieġa għall-impjiegi, il-kummerċ u l-investiment kemm għall-persuni spustati bil-forza kif ukoll għall-komunitajiet ospitanti tagħhom. Dawn l-isforzi għandhom ikunu mirfuda mis-solidarjetà, is-sjieda lokali, is-sostenibbiltà, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u jkunu msejsa fuq evidenza ekonomika u soċjali konkreta tal-impatti u l-implikazzjonijiet kollha meta jiġu ospitati refuġjati jew IDPs.

6. Il-Kunsill huwa impenjat u jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha kif ukoll l-atturi internazzjonali biex jinkludu b’mod sistematiku lill-persuni spustati bil-forza u l-komunitajiet ospitanti tagħhom fit-tfassil, l-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali u l-interventi ta’ assistenza b’mod komprensiv. L-interventi b’appoġġ għal soluzzjonijiet sostenibbli għandhom ikunu speċifiċi għall-kuntest u jindirizzaw il-ħtiġijiet u l-vulnerabbiltajiet speċifiċi tal-persuni spustati bil-forza, lil hinn mill-istatus legali. L-involviment bikri u l-koordinazzjoni mill-qrib ta’ atturi politiċi u tal-iżvilupp mill-bidu ta' kriżi għandu jkun ir-regola, biex jiġu kkumplementati u jibnu fuq l-interventi ta’ emerġenza u ta’ rkupru bikri tal-atturi umanitarji, b’osservanza sħiħa tad-dritt umanitarju, id-dritt dwar ir-refuġjati u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem. Dan huwa konformi mal-impenn li “ħadd ma jitħalla barra”, li jinsab fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, billi dawk l-aktar vulnerabbli, inkluż ir-refuġjati u l-IDP's, jingħataw is-setgħa. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lin-nisa, iż-żgħażagħ u t-tfal, kif ukoll lill-kategoriji vulnerabbli inkluż persuni b’diżabilità. F’dan ir-rigward, l-edukazzjoni hija ta' importanza kruċjali bħala parti minn perspettiva fit-tul.

7. Il-Kunsill jirrikonoxxi li l-evidenza soda, u l-valutazzjonijiet kondiviżi tas-sitwazzjoni tal-iżvilupp u dik umanitarja, id-data affidabbli u l-analiżi komprensiva tal-flussi tar-refuġjati u tal-migrazzjoni, inklużi l-impatti fuq il-komunitajiet ospitanti, huma kruċjali biex jiġu fformulati politiki bbażati fuq l-evidenza u orjentati lejn ir-riżultati. Sabiex jittejjeb dan, is-Servizzi tal-Kummissjoni u l-Istati Membri ser jaħdmu flimkien mal-atturi rilevanti kollha.

8. L-approċċ aktar koerenti għandu l-għan li jtejjeb l-adegwatezza, l-effiċjenza u l-kosteffettività tal-assistenza tal-UE mogħtija f’sitwazzjonijiet ta’ ċaqliq fit-tul, billi jikkumplementa b’mod koordinat l-assistenza umanitarja biex jintlaħqu l-ħtiġijiet serji u għal perijodu medju u bit-tħaddim ta' approċċi ta’l-iżvilupp li jinkludu perspettivi fuq perijodu itwal u li jippreservaw id-dinjità u jrawmu l-indipendenza tal-persuni spustati u r-reżiljenza tal-komunitajiet u l-pajjiżi ospitanti bl-istess mod, b'osservanza sħiħa tal-prinċipji umanitarji bħala l-bażi tal-assistenza umanitarja.

Il-passi li jmiss u t-triq ‘il quddiem

9. Il-Kunsill jirrikonoxxi li, bħala parti mill-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, qed jiġu żviluppati għodod ewlenin ġodda ta’ pprogrammar u finanzjament li jorbtu l-għajnuna immedjata ma’ appoġġ għall-perijodu medju u twil kemm għall-persuni spustati kif ukoll għall-ospitanti tagħhom. Dawn jinkludu, fost l-oħrajn, Fondi Fiduċjarji tal-UE ddedikati, il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija, il-patti li ġejjin ma’ pajjiżi ospitanti, bħall-Ġordan u l-Libanu, u l-Programmi Reġjonali għall-Iżvilupp u l-Protezzjoni (RDPP) fil-Lvant Nofsani, il-Qarn tal-Afrika u t-Tramuntana tal-Afrika. F’dan il-kuntest, il-Kunsill jistenna b’interess ir-rieżamijiet li jmiss, inkluż tal-istrumenti ta’ finanzjament, biex jiggwidaw l-ipprogrammar tal-UE, sabiex jiġu indirizzati aħjar il-kawżi fundamentali b’mod adatt u biex jittejbu l-perspettivi fit-tul għall-komunitajiet ospitanti, ir-refuġjati, l-IDPs, kif ukoll dawk li jirritornaw volontarjament. Għal dan il-għan, il-Kunsill jappella lis-Servizzi tal-Kummissjoni u lis-SEAE biex isaħħu l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi sħab fl-implimentazzjoni tal-programmi rilevanti, f’konformità mal-ftehimiet internazzjonali.

10. L-UE hija impenjata li tipprovdi qafas politiku għal rispons aktar effiċjenti, speċifiku għall-kuntest u dinjituż għaċ-ċaqliq sfurzat globali u li timmassimizza l-impatt tal-appoġġ tal-UE lir-refuġjati u lill-IDP's, f’konformità mal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, b’enfasi partikolari fuq iċ-ċaqliq fit-tul bħala sfida għall-iżvilupp fit-tul. Il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa għandha tkun ta' prijorità. L-isforzi għandhom jibnu fuq dak li diġà qed jagħmlu l-pajjiżi ospitanti, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex joffru pakkett integrat ta’ miżuri: edukazzjoni, servizzi bażiċi, għajxien, opportunitajiet ta’ xogħol diċenti, strumenti tas-settur privat, negozju u attenzjoni speċifika għall-protezzjoni, b’mod partikolari tat-tfal, u l-parteċipazzjoni sħiħa tal-persuni spustati b’attenzjoni partikolari għall-gruppi l-aktar vulnerabbli. Dan ser jeħtieġ sforzi konsiderevoli mill-UE u l-kooperazzjoni sħiħa ta’ dawn il-pajjiżi inkwistjoni, iżda dawn huma kondizzjonijiet li l-UE u l-Istati Membri, anke bl-appoġġ ta’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFIs), inkluż il-Bank Ewropew tal-Investiment, jistgħu jgħinu joħolqu permezz ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp innovattiva u effettiva, assistenza ekonomika u investiment fl-infrastruttura u fin-negozji, kif ukoll djalogu u azzjoni politika.

11. Il-Kunsill jilqa’ s-Summit Umanitarju Dinji mmexxi min-NU f’Mejju tal-2016, inkluż l-Aġenda għall-Umanità ppreżentata fir-rapport tas-SĠNU, u l-Laqgħa ta’ Livell Għoli tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar ir-Refuġjati u l-Migranti li għandha ssir f’Settembru tal-2016 bħala opportunità għall-atturi politiċi, tal-iżvilupp u umanitarji biex jimpenjaw ruħhom għal approċċ globali aktar koerenti u olistiku għaċ-ċaqliq sfurzat, bħala parti mill-aġenda usa’ dwar il-migrazzjoni.

12. Il-Kunsill jappella lis-Servizzi tal-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-qafas politiku ġdid dwar iċ-ċaqliq sfurzat billi jieħdu l-passi politiċi, ta’ politika, legali u finanzjarji meħtieġa, u jipprovdu azzjoni konkreta u orjentata lejn ir-riżultati biex issegwi dan il-qafas. Il-Kunsill jappella wkoll lis-Servizzi tal-Kummissjoni u lis-SEAE biex jirrapportaw regolarment, mill-2016, lill-Kunsill dwar l-azzjonijiet meħuda u s-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni, u biex jippromwovu impenn ulterjuri mill-partijiet ikkonċernati.


[1] 12415/13.

[2] 16901/14.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024