- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 1 ta' Diċembru 2016 11:15
Is-sikurezza tal-avjazzjoni, l-EASA u r-regoli dwar id-drones: Il-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tiegħu
Fl-1 ta’ Diċembru 2016 il-Kunsill qabel dwar approċċ ġenerali fir-rigward tar-regoli komuni riveduti dwar is-sikurezza għall-avjazzjoni ċivili u mandat ġdid għall-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA). L-abbozz ta’ regolament fih l-ewwel regoli tax-xorta tagħhom li japplikaw għall-UE kollha biex id-drones ċivili jittajru b’mod sikur fl-ispazju tal-ajru Ewropew.
Dan "ir-Regolament bażiku tal-EASA" ser jippermetti li s-settur tal-avjazzjoni tal-UE jibqa’ jiżviluppa b’mod sikur fil-ġejjieni. Dan jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li bihom l-industrija tal-avjazzjoni tista’ tikber u tibqa’ kompetittiva u innovattiva fis-suq globali. Riforma tar-regoli hija meħtieġa biex tkun tista’ tiġi akkomodata ż-żieda mistennija ta’ 50% fit-traffiku tal-ajru tal-UE fl-20 sena li ġejjin u biex l-avjazzjoni tkun lesta tiffaċċa kompetizzjoni globali iebsa.
"Ir-riforma fl-avjazzjoni ċivili hija żvilupp importanti għal industrija tal-avjazzjoni kompetittiva, innovattiva u reżiljenti għall-ġejjieni. Nilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li r-regoli huma proporzjonati mar-riskji u li nippermettu lill-avjazzjoni tħaddan l-innovazzjoni u l-iżviluppi futuri, bħad-drones. U nippermettu l-ġbir komuni u l-kondiviżjoni tar-riżorsi bejn l-Istati Membri, li huma indispensabbli għat-tixrid tal-għarfien espert."
Arpád Érsek, Ministru Slovakk għat-Trasport, il-Kostruzzjoni u l-Iżvilupp Reġjonali
It-tħeġġiġ tal-innovazzjoni b’regolazzjoni tas-sikurezza aktar proporzjonata
Ir-riforma tintroduċi regoli proporzjonati u bbażati fuq ir-riskju biex titnaqqas il-burokrazija u titħeġġeġ l-innovazzjoni, filwaqt li jiġi rikonoxxut li r-riskji involuti fid-diversi setturi tal-avjazzjoni ċivili huma differenti. Inġenji tal-ajru b'inqas riskju bħal ħelikopters jew inġenji tal-ajru ħfief tal-isport ser ikunu soġġetti għal proċeduri ta’ approvazzjoni aktar sempliċi u orħos mill-avjazzjoni kummerċjali.
Regoli dwar id-drones li jiżguraw is-sikurezza, is-sigurtà u l-privatezza
Regoli għall-UE kollha dwar id-drones ser jipprovdu l-prinċipji bażiċi għall-iżgurar tas-sikurezza, is-sigurtà u l-privatezza. It-test jagħti ċertezza legali għal din l-industrija li qed tespandi b’mod mgħaġġel ħafna u li tinkludi numru kbir ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u startups.
Għal raġunijiet ta’ sikurezza, huma koperti d-drones kollha, minn "ġugarelli" żgħar li jiżnu xi ftit grammi għal inġenji tal-ajru kbar mingħajr bdot abbord li jistgħu jkunu kbar u jtiru b’veloċità ta’ ajruplan. Bħalissa l-UE hija kompetenti biex tirregola l-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord li jaqbżu l-150 kg, filwaqt li drones li huma eħfef huma soġġetti għal regoli nazzjonali.
Peress li r-riskji li jirriżultaw minn operazzjonijiet ta’ drones ivarjaw ħafna, ir-regoli għandhom ikunu proporzjonati. B’mod partikolari, dawn ir-regoli għandhom iqisu sa fejn traffiku tal-ajru ieħor jew persuni fuq l-art jistgħu jkunu fil-periklu. Operazzjonijiet aktar riskjużi ser jeħtieġu ċertifikazzjoni, filwaqt li d-drones bl-inqas riskju jkunu meħtieġa biss jikkonformaw mal-mekkaniżmi normali ta’ sorveljanza tas-suq tal-UE.
Fir-rigward tal-protezzjoni tal-ambjent, id-drones iridu wkoll jirrispettaw ir-regoli dwar l-istorbju u l-emissjonijiet tas-CO2, bħal kwalunkwe inġenju tal-ajru ieħor.
Fuq il-bażi ta’ dawn il-prinċipji, l-EASA ser tiżviluppa regoli aktar dettaljati dwar id-drones permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni. Dan jagħmilha aktar faċli biex dawn jiġu aġġornati hekk kif it-teknoloġija tiżviluppa. L-EASA diġà ppubblikat regolament "prototip" għad-drones.
Il-miżuri ta’ implimentazzjoni għandhom ikomplu jibbażaw fuq l-aħjar prattiki tal-istati membri u jqisu l-karatteristiċi lokali tal-istati membri bħal pereżempju d-densità tal-popolazzjoni. L-istati membri ser ikollhom ukoll id-dritt li jillimitaw l-operazzjonijiet ta’ drones għal raġunijiet bħal pereżempju s-sigurtà, il-privatezza, il-protezzjoni tad-data jew l-ambjent, bħalma jistgħu jillimitaw kwalunkwe tip ieħor ta’ operazzjonijiet tal-ajru.
Xi elementi oħrajn tal-proposta
Ir-regoli l-ġodda ser itejbu l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE, il-Kummissjoni u l-EASA fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ sigurtà relatati mal-avjazzjoni ċivili, bħaċ-ċibersigurtà u t-titjir fuq żoni ta’ kunflitt. L-assistenza teknika tal-EASA ser tingħata fi kwistjonijiet fejn ikun hemm interdipendenzi bejn is-sigurtà u s-sikurezza, peress li kwistjonijiet purament ta’ sigurtà nazzjonali jaqgħu taħt il-kompetenza tal-istati membri. Fir-rigward tal-baġit tal-EASA, iż-żieda proposta oriġinarjament ta’ imposti fir-rotot bħala sors ġdid ta’ finanzjament qajmet tħassib dwar in-newtralità f’termini ta’ spejjeż u diffikultajiet legali u prattiċi. Għalhekk, m’għandu jsir ebda tibdil fil-finanzjament tal-EASA. Fil-qafas tas-sistema attwali 70% tal-finanzjament tal-EASA ġej mill-industrija u l-bqija mill-baġit tal-UE. Bl-istess mod, ma għandu jinħoloq ebda mekkaniżmu ta’ sorveljanza ġdid li jippermetti lill-EASA tieħu f’idejha ċerti kompiti ta’ sorveljanza. Il-possibilità ta’ ħtieġa biex jissolvew in-nuqqasijiet tas-sikurezza hija indirizzata permezz ta’ mezzi oħra bħal li jsir l-aħjar użu mir-riżorsi eżistenti billi l-esperti nazzjonali jiġu miġbura flimkien jew permezz ta' sorveljanza komuni eżerċitata minn diversi awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Barra minn hekk, l-Istati Membri ser ikollhom il-possibbiltà li jiġbru b'mod komuni u jikkondividu r-riżorsi tagħhom bħala grupp ta’ mhux aktar minn ħames parteċipanti biex jissorveljaw linja tal-ajru jekk ikunu jixtiequ jagħmlu dan.
Din il-proposta kif ser issir liġi?
L-approċċ ġenerali ser ikun il-pożizzjoni tal-Kunsill għad-diskussjonijiet mal-Parlament Ewropew. L-adozzjoni tal-att legali tirrikjedi qbil miż-żewġ istituzzjonijiet.
Kuntatti għall-istampa
-
Niels Timmermans Press officer
- +32 470 18 22 47
- +32 2 281 32 65
- @timmermansniels
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024