"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija, 01-05/12/2016, 1-5 ta' Diċembru 2016

Riżultati ewlenin

Trasport - 1 ta’ Diċembru

Il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu rigward ir-reviżjoni tar-regoli ta’ sikurezza għall-avjazzjoni ċivili. L-abbozz ta’ regolament fih mandat ġdid għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni. Huwa jinkludi wkoll l-ewwel regoli għall-UE kollha dwar l-inġenji tal-ajru ċivili mingħajr bdot abbord, sabiex l-istess inġenji tal-ajru jkunu jistgħu jittajru b’mod sikur fl-ispazju tal-ajru Ewropew u biex tingħata spinta lil din l-industrija li qed tikber b’rata mgħaġġla.

Il-Kunsill adotta wkoll il-pożizzjoni tiegħu dwar żewġ proposti li huma parti minn rieżami tas-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri: direttiva 'ġenerali' riveduta dwar ir-regoli ta' sikurezza għall-vapuri tal-passiġġieri u sistema ta' spezzjoni simplifikata għall-vapuri ro-ro u vapuri tal-passiġġieri ta’ veloċità għolja.

Barra minn hekk, il-ministri evalwaw il-progress li sar fir-regoli riveduti tar-reġistrazzjoni ta’ vapur tal-passiġġieri, li hija t-tielet proposta li qed tiġi rieżaminata.

“Iċ-ċittadini jridu jivvjaġġaw b'mod sikur. Li noffru l-ogħla standards ta’ sikurezza għall-mezzi kollha tat-trasport għandha tkun l-akbar prijorità tagħna. Dan kien is-suġġett prinċipali tad-diskussjonijiet kollha tagħna tal-lum, kemm fir-rigward tal-avjazzjoni kif ukoll tat-tbaħħir. Ninsab kuntent bl-azzjoni rapida tal-Kunsill dwar ir-regoli ta' sikurezza għall-avjazzjoni ċivili u r-regoli ta' sikurezza għall-vapuri tal-passiġġieri. Dan huwa l-mod kif il-Kunsill jaħdem għall-benefiċċju taċ-ċittadini u jikseb riżultati tanġibbli.”

Arpád Érsek, il-Ministru Slovakk għat-Trasport, il-Kostruzzjoni u l-Iżvilupp Reġjonali u President tal-Kunsill

Il-Kunsill adotta wkoll, mingħajr diskussjoni, mandat li bih il-Kummissjoni ser tkun tista' tibda taħditiet mal-Armenja dwar ftehim komprensiv dwar it-trasport bl-ajru. Il-ftehim ser itejjeb il-konnettività abbażi ta' regoli komuni, li fl-aħħar mill-aħħar jimmiraw lejn l-implimentazzjoni sħiħa tal-acquis tal-UE dwar l-avjazzjoni f'dan il-pajjiż ġar tagħna.

Telekomunikazzjoni - 2 ta' Diċembru

Il-Kunsill adotta approċċ ġenerali dwar regoli ġodda għal swieq tar-roaming bl-ingrossa fl-UE. Dan huwa pass importanti fit-tħejjija tat-tneħħija tat-tariffi tar-roaming għall-konsumaturi fil-15 ta’ Ġunju 2017 kif miftiehem. L-approċċ ġenerali huwa l-punt ta' tluq għan-negozjati mal-Parlament Ewropew.

"Min ma jixtieqx jibqa’ konness u jikkomunika meta jivvjaġġa jew ikun fuq btala? F'għajnejn ħafna nies, it-tneħħija tat-tariffi tar-roaming hija waħda mill-aktar kisbiet konkreti tal-Unjoni. Għalhekk huwa ferm importanti li nilħqu l-aspettattivi taċ-ċittadini tagħna. Nilqa’ d-deċiżjoni rapida tal-lum mill-Kunsill li jaqbel dwar limiti tar-roaming bl-ingrossa biex ikunu jistgħu jsiru negozjati mal-Parlament Ewropew u r-'roam-like-at-home' issir realtà sa mis-sena d-dieħla."

Arpád Érsek, Ministru Slovakk għat-Trasport, il-Kostruzzjoni u l-Iżvilupp Reġjonali

Il-Kunsill adotta approċċ ġenerali parzjali dwar proposta li skontha l-UE ser tiffinanzja l-installazzjoni ta’ konnessjonijiet tal-internet WiFi4EU b’xejn fil-komunitajiet lokali.

Il-ministri kellhom dibattitu ta’ orjentazzjoni dwar proposti reċenti dwar ir-riforma tar-regoli tat-telekomunikazzjoni tal-UE. Huma esprimew l-appoġġ tagħhom għall-objettivi tal-konnettività fil-proposti u qablu dwar il-ħtieġa li jaħdmu flimkien biex jiksbuhom, inkluż il-5G. Fl-istess ħin, huma enfasizzaw il-ħtieġa li tiġi rrispettata s-sussidjarjetà u li jirregolaw biss fejn huwa meħtieġ. Il-messaġġi mid-dibattitu ser jidderieġu l-ħidma futura fil-livell tekniku.

Il-ministri ħadu nota tal-progress li sar fil-proposta biex jiżdiedu s-sorveljanza regolatorja u t-trasparenza tal-prezzijiet għal servizzi ta' konsenja tal-pakketti transfruntiera.

Waqt l-ikla ta’ nofsinhar, il-ministri taw gwida lill-Kummissjoni għal ħidma futura fuq il-fluss liberu tad-data. Id-diskussjoni indirizzat kwistjonijiet bħal-lokalizzazzjoni tad-data u ostakli oħra għall-fluss liberu tad-data, l-ostakli prinċipali għall-innovazzjoni u t-tkabbir tal-ekonomija tad-data fil-futur, u l-kontroll tad-data mill-utent.

“Il-presidenza tagħna wriet li tista’ tkun avukat determinat ta’ suq uniku diġitali sod, ekwu u kompetittiv. Qgħadna attenti b'mod partikolari biex neliminaw l-ostakli fil-kummerċ elettroniku permezz tal-imblukkar ġeografiku, biex niffaċilitaw l-użu ta’ servizzi elettroniċi fl-amministrazzjoni pubblika u d-disponibbiltà ta’ kontenut diġitali, u qgħadna attenti wkoll għall-importanza tal-protezzjoni tal-konsumatur u ċ-ċibersigurtà. Illum, irrappurtajt lill-Kunsill dwar il-progress sinifikanti li sar.”

Peter Pellegrini, Viċi Prim Ministru Slovakk għall-Investimenti u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Enerġija - 5 ta' Diċembru

Il-Kunsill kellu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-proposta għal regolament dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass.

L-għan tar-regolament huwa li joħloq qafas reġjonali kosteffettiv tal-UE li jnaqqas kemm jista' jkun l-impatt ta’ interruzzjoni potenzjali fil-provvista tal-gass u b’hekk iżid is-sigurtà tal-provvista fl-UE kollha. Kooperazzjoni u koordinazzjoni reġjonali msaħħa huma għodod importanti biex ikun hemm aktar solidarjetà u fiduċja bejn l-istati membri u biex jissaħħaħ is-suq intern tal-enerġija.

Intlaħaq kompromess dwar il-kwistjonijiet prinċipali: il-kooperazzjoni reġjonali, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar kuntratti kummerċjali dwar il-provvista tal-gass, u s-solidarjetà

  • kooperazzjoni reġjonali: ibbażata fuq gruppi ta' stati membri identifikati skont ir-riskji prinċipali għall-provvista tal-gass tal-UE
  • skambju ta' informazzjoni: kuntratti fit-tul li jipprovdu 40% jew aktar ta’ konsum annwali tal-gass fl-istat membru kkonċernat għandhom jiġu nnotifikati lill-awtorità kompetenti. Dawn jiġu vvalutati mill-awtorità kompetenti, b'mod partikolari fir-rigward tal-impatt tagħhom fuq is-sigurtà tal-provvisti tal-gass fl-istat membru u r-reġjun
  • solidarjetà: is-solidarjetà, flimkien mal-prinċipji ġenerali dwar il-kumpens, għandha tiġi ddefinita fit-test tar-regolament, filwaqt li l-istati membri għandhom ikunu jistgħu jikkunsidraw is-sitwazzjoni nazzjonali speċifika tagħhom u approċċi differenti possibbli biex jikkalkulaw il-kumpens

“Is-sigurtà tal-provvista tal-gass hija kwistjoni kruċjali fejn jeħtieġ li l-pajjiżi jaġixxu skont ir-rikonoxximent tal-fatt li għandna interess komuni. Id-dibattitu tal-lum kien importanti peress li ta direzzjoni ċara ħafna dwar ir-regolament dwar is-sigurtà tal-provvista fi tliet oqsma prinċipali. Ninsab kuntent li qed tinstab soluzzjoni. Għandna l-għan li nittrasformaw din il-gwida politika mill-aktar fis possibbli u li ningħataw mandat li mbagħad jippermetti lill-Kunsill biex jiftaħ negozjati mal-Parlament.”

Peter Žiga, Ministru għall-Ekonomija u President tal-Kunsill

Il-Kunsill kellu preżentazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-“Pakkett tagħha dwar l-Enerġija Nadifa”, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija. Dan jinkludi leġislazzjoni dwar l-effiċjenza enerġetika, id-disinn tas-suq tal-elettriku, is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-governanza tal-enerġija.

Il-Kunsill ħa nota ta' informazzjoni mill-Presidenza dwar is-sitwazzjoni attwali ta’ żewġ fajls leġislattivi importanti li dwarhom il-Kunsill qabel dwar approċċi ġenerali.

  • Id-deċiżjoni dwar mekkaniżmu ta' skambju ta' informazzjoni dwar ftehimiet intergovernattivi bejn l-istati membri u pajjiżi terzi: saru żewġ trilogi: fit-8 u fl-24 ta' Novembru. Sar progress sinifikanti u ntlaħaq qbil proviżorju dwar għadd ta’ suġġetti. It-tielet trilogu hu skedat għas-7 ta’ Diċembru.
  • ir-regolament dwar it-tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika: saru tliet trilogi taħt il-Presidenza Slovakka f'Lulju, f'Settembru u f'Ottubru 2016. Intlaħaq qbil proviżorju dwar il-biċċa l-kbira ta' kwistjonijiet politiċi mhux ewlenin. Il-Presidenza ppreżentat ukoll proposti ta’ kompromess dwar il-kwistjonijiet ewlenin tar-riklassifikazzjoni u l-bażi ta' data bil-ħsieb tal-possibbiltà li jkun hemm it-tielet trilogu.

 

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2025