Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 3 ta' April 2017 14:00

L-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku Ewropew : 16-il stat membru flimkien biex jiġġieldu l-frodi kontra l-baġit tal-UE

16-il Stat Membru nnotifikaw it-tliet istituzzjonijiet dwar l-intenzjoni tagħhom li jniedu kooperazzjoni msaħħa biex jiġi stabbilit uffiċċju tal-prosekutur pubbliku Ewropew (UPPE). L-UPPE ser ikun responsabbli għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-tressiq quddiem il-ġustizzja tal-awturi ta' reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

L-ittra ta' notifika li waslet illum tinkludi 16-il firmatarju: Belġju, Bulgarija, Kroazja, Ċipru, Repubblika Ċeka, Ġermanja, Greċja, Spanja, Finlandja, Franza, Litwanja, Lussemburgu, Portugall, Rumanija, Slovenja u Slovakkja.

Stati membri oħrajn huma mistennija jingħaqdu fil-kooperazzjoni u huma intitolati jagħmlu dan f'kwalunkwe waqt qabel jew wara l-adozzjoni tar-regolament UPPE.

Issa ser jissoktaw in-negozjati fil-Kunsill sabiex jiġi finalizzat it-test.

Il-Ministru Owen Bonnici, f'isem il-Presidenza Maltija, qal: "Għalkemm Malta mhix ser tieħu sehem fil-kooperazzjoni msaħħa, żammejna mal-kelma li tajna fil-bidu tal-presidenza tagħna, li naġixxu bħala intermedjarju onest. Aħna impenjati biex nerġgħu nibdew malajr il-ħidma fuq ir-regolament sabiex jintlaħaq ftehim fix-xhur li ġejjin".

Id-diskussjonijiet fil-Kunsill ser iseħħu abbażi tal-aħħar test ta' kompromess tar-regolament UPPE kif stabbilit f'Jannar 2017.

L-abbozz ta' regolament irid jikseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew qabel ma jkun jista' jiġi adottat b'mod finali.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024