Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 19 ta' Ġunju 2017 09:35

Tibdil fil-klima: il-Kunsill jafferma mill-ġdid li l-Ftehim ta' Pariġi huwa adattat għall-iskop maħsub għalih u ma jistax jiġi nnegozjat mill-ġdid.

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tibdil fil-klima wara d-deċiżjoni tal-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti li tirtira mill-Ftehim ta' Pariġi

1. Il-Kunsill jiddispjaċih ħafna għad-deċiżjoni unilaterali tal-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti li tirtira mill-Ftehim ta' Pariġi. Il-Kunsill jilqa' wkoll il-bosta dikjarazzjonijiet qawwija ta' impenn lejn il-Ftehim ta' Pariġi minn pajjiżi li jvarjaw minn ekonomiji ewlenin sa stati gżejjer żgħar.

2. Il-Ftehim ta' Pariġi għaqqadna f'dawn iż-żminijiet ta' sfidi kbar. Huwa ftehim multilaterali bla preċedent bejn kważi 200 parti, appoġġat minn reġjuni, bliet, komunitajiet, kumpaniji kif ukoll atturi oħra mhux statali madwar id-dinja, li jindirizza problema li theddidna lkoll. Huwa juri, flimkien mal-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, ir-responsabbiltà kollettiva tagħna lejn il-pjaneta kollha kemm hi, għal din il-ġenerazzjoni u dawk futuri, u l-impenn tagħna li naġixxu kif meħtieġ.

3. Il-Kunsill jafferma mill-ġdid li l-Ftehim ta' Pariġi huwa adattat għall-iskop maħsub għalih u ma jistax jiġi nnegozjat mill-ġdid. Il-Ftehim huwa ambizzjuż iżda mhux preskrittiv u jippermetti lil kull Parti ssawwar il-mod tagħha stess fil-kontribut lejn il-miri li jservu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, li jhedded l-iżvilupp, il-paċi u l-istabbiltà madwar id-dinja.

4. Il-Kunsill itenni l-appoġġ sod tal-Unjoni Ewropea għan-Nazzjonijiet Uniti bħala l-qalba ta' sistema multilaterali bbażata fuq ir-regoli. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jibqgħu magħquda u assolutament impenjati lejn implimentazzjoni sħiħa u rapida tal-Ftehim ta' Pariġi, ifakkru fir-responsabbiltà partikolari tal-ekonomiji l-kbar, li jammontaw għal madwar 80% tal-emissjonijiet globali, u jappellaw lis-sħab kollha biex iżommu l-momentum li nħoloq fl-2015 lejn riżultati ta' suċċess fil-COP 23 u l-COP 24.

5. Id-dinja tista' tkompli tiddependi fuq t-tmexxija tal-UE fil-ġlieda globali kontra t-tibdil fil-klima, li żżomm iż-żieda fit-temperatura medja globali sew taħt 2 C aktar mil-livelli preindustrijali u li twettaq sforzi biex tiġi limitata ż-żieda fit-temperatura għal 1.5 C aktar mil-livelli preindustrijali. L-UE ser tmexxi permezz tal-politiki ambizzjużi tagħha dwar il-klima u permezz ta' appoġġ kontinwu għal dawk li huma partikolarment vulnerabbli, biex tibni ekonomiji b'saħħithom u sostenibbli fit-triq lejn il-kisba tan-newtralità tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra fit-tieni nofs tas-seklu, u soċjetajiet reżiljenti għat-tibdil fil-klima. L-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-akbar kontributuri tal-finanzjament għall-klima u jibqgħu impenjati biex jimmobilizzaw is-sehem tagħhom tal-mira tal-pajjiżi żviluppati li jimmobilizzaw b'mod konġunt USD 100 biljun fis-sena sal-2020 għal azzjoni klimatika fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, minn varjetà ta' sorsi.

6. L-UE qed issaħħaħ is-sħubiji globali eżistenti tagħha għal dan l-għan u ser tibqa' tfittex alleanzi ġodda, mill-akbar ekonomiji tad-dinja għall-istati gżejjer l-aktar vulnerabbli. Is-sħubiji tagħna ser jinkludu l-bosta negozji, reġjuni, bliet, ċittadini u komunitajiet li esprimew l-appoġġ tagħhom għall-Ftehim ta' Pariġi kemm mad-dinja kollha kif ukoll fl-Istati Uniti u li qed jieħdu azzjoni klimatika ambizzjuża.

7. Flimkien, ser nimplimentaw il-Ftehim ta' Pariġi għaliex huwa fl-interess u r-responsabbiltà komuni tagħna. Aħna naraw il-Ftehim ta' Pariġi u l-livell baxx ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u t-transizzjoni reżiljenti għat-tibdil fil-klima għal dak li huma, il-mutur ta' proċess irriversibbli ta' tkabbir sostenibbli għall-ekonomiji tagħna u kruċjali biex jipproteġi l-pjaneta tagħna. L-UE tinsab lesta li tikkoopera mal-partijiet kollha għal dan l-għan.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024