Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 20 ta' Ġunju 2017 09:30

L-UE tirrevedi l-qafas baġitarju tagħha għall-2014-2020 biex tilħaq prijoritajiet ġodda

L-Unjoni Ewropea qed tiddedika aktar riżorsi biex tgħin tagħti spinta lill-impjiegi u t-tkabbir u biex tindirizza l-kriżi tal-migrazzjoni. Qed issaħħaħ ukoll il-kapaċità tagħha biex tirreaġixxi għal avvenimenti mhux mistennija. Dawn huma l-finijiet ewlenin tal-qafas baġitarju rivedut tal-UE għall-2020-2014 li ġie adottat mill-Kunsill fl-20 ta’ Ġunju 2017.

“Id-deċiżjoni tal-lum taġġusta l-qafas baġitarju tal-UE biex tallinjah mal-isfidi li għandna quddiemna. Dan ifisser li l-baġit tal-UE ser ikompli jsir strument aktar effettiv biex jissaħħaħ it-tkabbir, jinħolqu l-impjiegi u tiġi indirizzata l-kriżi tal-migrazzjoni. Jippermetti wkoll li l-UE tirreaġixxi iktar malajr u tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa fil-konfront ta' sfidi ġodda", qalet Dr Helena Dalli, Ministru Maltija għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza u President tal-Kunsill.

Il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) rivedut iżid ir-riżorsi allokati għall-prijoritajiet ewlenin tal-UE b’€6.01 biljun għas-snin 2017-2020

  • €2.08 biljun ser jgħinu biex jistimulaw it-tkabbir u joħolqu l-impjiegi permezz ta' għadd ta' programmi ferm effettivi bħall-inizjattiva favur l-impjieg taż-żgħażagħ (+€1.2 biljun), Orizzont 2020 (+€200 miljun), u Erasmus+ (+€100 miljun)
  • €2.55 biljun ser ikunu disponibbli biex tiġi indirizzata l-migrazzjoni, titjieb is-sigurtà u jissaħħaħ il-kontroll fuq il-fruntiera esterna
  • €1.39 biljun ser ikunu disponibbli biex jiġu ttrattati l-kawżi oriġinali tal-migrazzjoni

Sabiex l-UE tkun ippreparata aħjar biex tindirizza ħtiġijiet mhux previsti, il-QFP rivedut:

  • iżid l-ammonti annwali li jistgħu jintefqu taħt l-istrument ta’ flessibbiltà u r-riżerva ta’ għajnuna f'emerġenza b’medja ta’ €150 miljun u €23 miljun rispettivament fis-snin 2017-2020
  • jippermetti li l-ammonti mhux użati mill-fond ta' solidarjetà tal-UE u mill-fond Ewropew ta' aġġustament għall-globalizzazzjoni jintużaw taħt l-istrument ta' flessibbiltà; inkella dawn l-ammonti jintilfu; għall-2017 dan ifisser li taħt l-istrument ta' flessibbiltà ser ikunu disponibbli €646 miljun addizzjonali
  • iżid b'total ta' €5.9 biljun l-ammont massimu li bih jista' jogħla l-limitu massimu tal-pagamenti annwali tal-QFP fis-snin 2019 u 2020 sabiex jiġu riċiklati pagamenti mhux użati; il-limitu massimu globali ser jinżamm kif inhu f'termini reali permezz ta' tnaqqis korrispondenti fil-limiti massimi tal-pagamenti għas-snin meta dawn ma ntużawx kompletament

L-ambitu mkabbar għar-riċiklaġġ ta’ pagamenti mhux użati ser inaqqas ukoll ir-riskju ta’ akkumulazzjoni eċċessiva ta’ kontijiet mhux imħallsa. Barra minn hekk, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew impenjaw ruħhom li jieħdu passi sabiex tiġi evitata akkumulazzjoni eċċessiva ta’ kontijiet mhux imħallsa.

Kuntest

Ir-regolament dwar il-QFP jistabbilixxi ammonti massimi annwali li l-UE tista’ tonfoq fuq oqsma ta’ politika differenti tul il-perjodu mill-2014 sal-2020. Huwa jsarraf il-prijoritajiet politiċi f’ċifri, jiżgura d-dixxiplina baġitarja għall-UE u jiffaċilita l-adozzjoni tal-baġit annwali tal-UE.

Il-passi li jmiss

Ir-regolament dwar il-QFP rivedut issa ser jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u jidħol fis-seħħ 20 jum wara.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024