Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 17 ta' Lulju 2017 13:40

Riżultati ewlenin tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-Libja

Konklużjonijiet tal-Kunsill

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-Libja. L-UE tilqa' b'sodisfazzjon il-ħatra ta' Ghassan Salamé bħala r-Rappreżentant Speċjali l-ġdid tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, li ser jaqdi rwol ċentrali ta' medjazzjoni abbażi tal-Ftehim Politiku Libjan.

Il-konklużjonijiet jirrikonoxxu li l-vjolenza li kien hemm dan l-aħħar thedded l-istabbiltà tal-Libja. L-UE temmen li ma hemm l-ebda soluzzjoni għall-kriżi Libjana permezz tal-użu tal-forza. Il-Kunsill itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-Ftehim Politiku Libjan u għall-Kunsill tal-Presidenza u l-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali mmexxija mill-Prim Ministru Fayez Sarraj li ġew stabbiliti skont dan il-Ftehim bħala l-uniċi awtoritajiet ta' gvern leġittimu fil-pajjiż. L-UE tappella lill-gruppi armati kollha biex ma jwettqux vjolenza, biex jimpenjaw ruħhom għad-demobilizzazzjoni u jirrikonoxxu l-awtoritajiet inkarigati mil-Ftehim Politiku Libjan bħala l-uniċi li għandhom id-dritt li jikkontrollaw il-forzi tad-difiża u s-sigurtà tal-Libja.

Azzjonijiet tal-PSDK

Il-Kunsill qabel ukoll li jestendi l-missjoni tal-PSDK EUBAM Libya sal-31 ta' Diċembru 2018. EUBAM Libya bħalissa tgħin lill-awtoritajiet Libjani u hi impenjata magħhom fl-oqsma tal-ġestjoni tal-fruntieri, l-infurzar tal-liġi u l-ġustizzja kriminali b’enfasi partikolari fuq in-Nofsinhar tal-Libja. Il-missjoni ser taħdem ukoll fuq l-ippjanar għal missjoni ċivili possibbli ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet u assistenza fi kriżijiet.

Il-Kunsill issottolinja wkoll l-importanza tal-Operazzjoni Sophia. EUNAVFOR MED Operazzjoni Sophia hi l-operazzjoni navali tal-UE biex tfixkel il-mudell kummerċjali tal-faċilitaturi ta' dħul klandestin u t-traffikanti ta' bnedmin fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali. L-operazzjoni għandha wkoll żewġ kompiti ta' appoġġ, li huma t-taħriġ tal-Gwardja Kostali u l-Forza Navali Libjana u kontribut lejn l-implimentazzjoni tal-embargo tan-NU fuq l-armi.

Sanzjonijiet

Fi sforz biex ikompli jiġi mfixkel il-mudell kummerċjali tal-faċilitaturi tad-dħul klandestin u t-traffikanti ta' bnedmin, il-Kunsill introduċa restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u l-forniment lil-Libja ta' dgħajjes li jintefħu (dinghies) u muturi outboard. L-istati membri tal-UE issa ser ikollhom bażi legali biex jipprevjenu l-esportazzjoni jew il-forniment ta' dawn l-oġġetti lil-Libja meta jkun hemm raġunijiet validi biex wieħed jemmen li ser jintużaw minn faċilitaturi tad-dħul klandestin u traffikanti ta' bnedmin. Ir-restrizzjonijiet ser japplikaw ukoll għal dinghies u muturi li jkunu għaddejjin mill-UE fi triqithom lejn il-Libja. Ir-restrizzjonijiet adottati llum mhux ser jipprevjenu l-esportazzjoni jew il-bejgħ ta' dawn l-oġġetti meta jkunu maħsubin għal użi leġittimi mill-popolazzjoni ċivili, pereżempju għas-sajjieda, li jistgħu jkollhom bżonn ta' magni għad-dgħajjes tagħhom.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024