Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 1 ta' Awwissu 2017 11:55

23 belt joffru li jospitaw l-aġenziji tal-UE bis-sede fir-Renju Unit

Infografika - Ir-rilokazzjoni taż-żewġ aġenziji tal-UE li bħalissa huma bbażati fir-Renju Unit
Brexit: rilokazzjoni tal-aġenziji tal-UE bbażati fir-Renju Unit (Infografika)

Brexit: rilokazzjoni tal-aġenziji tal-UE bbażati fir-Renju Unit (Infografika)

Il-Kunsill irċieva 27 proposta mill-istati membri, relatati ma' 23 belt, biex jospitaw l-aġenziji tal-UE li bħalissa għandhom is-sede fir-Renju Unit. Kien hemm 19-il offerta biex jospitaw l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u 8 għall-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA). L-offerti kollha huma disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Kunsill Ewropew.

Iż-żewġ aġenziji ser jeħtieġ li jiġu rilokati fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. Il-postijiet futuri jridu jiġu deċiżi bil-qbil komuni tal-istati membri tal-UE27. Fit-22 ta' Ġunju 2017, fil-marġini tal-Kunsill Ewropew (Artikolu 50), il-mexxejja tal-UE27 approvaw proċedura speċifika għal din id-deċiżjoni. L-ewwel pass kien is-sottomissjoni ta' offerti mill-istati membri sal-31 ta' Lulju 2017.

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini

Fl-1 ta' Awwissu 2017, il-bliet proposti biex jospitaw l-EMA huma dawn li ġejjin:

  • Amsterdam (in-Netherlands)
  • Ateni (il-Greċja)
  • Barċellona (Spanja)
  • Bonn (il-Ġermanja)
  • Bratislava (is-Slovakkja)
  • Brussell (il-Belġju)
  • Bucharest (ir-Rumanija)
  • Copenhagen (id-Danimarka)
  • Dublin (l-Irlanda)
  • Helsinki (il-Finlandja)
  • Lille (Franza)
  • Milan (l-Italja)
  • Porto (il-Portugall)
  • Sofija (il-Bulgarija)
  • Stokkolma (l-Iżvezja)
  • Malta (Malta)
  • Vjenna (l-Awstrija)
  • Varsavja (il-Polonja)
  • Zagreb (il-Kroazja)

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) hi responsabbli għall-evalwazzjoni xjentifika, is-superviżjoni u l-monitoraġġ tas-sikurezza tal-mediċini fl-UE. L-EMA hija essenzjali għall-funzjonament tas-suq uniku għall-mediċini fl-UE.

L-Awtorità Bankarja Ewropea

Fl-1 ta' Awwissu 2017, il-bliet proposti biex jospitaw l-EBA huma dawn li ġejjin:

  • Brussell (il-Belġju)
  • Dublin (l-Irlanda)
  • Frankfurt (il-Ġermanja)
  • Pariġi (Franza)
  • Praga (ir-Repubblika Ċeka)
  • Il-Belt tal-Lussemburgu (il-Lussemburgu)
  • Vjenna (l-Awstrija)
  • Varsavja (il-Polonja)

L-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) taħdem biex tiżgura r-regolamentazzjoni u s-superviżjoni prudenzjali effettivi u konsistenti fis-settur bankarju Ewropew kollu. Fost kompiti oħrajn, l-EBA tivvaluta r-riskji u l-vulnerabbiltajiet fis-settur bankarju tal-UE permezz ta' rapporti regolari dwar il-valutazzjoni tar-riskju u simulazzjonijiet ta' kriżi fl-UE kollha.

Kriterji għall-valutazzjoni

L-applikazzjonijiet ser jiġu vvalutati abbażi ta' sitt kriterji maqbula mis-27 stat membru:

  • assigurazzjoni li l-aġenzija tkun operattiva meta r-Renju Unit iħalli l-UE
  • aċċessibbiltà tal-post
  • skejjel għat-tfal tal-persunal
  • aċċess għas-suq tax-xogħol u l-kura tas-saħħa għall-familji tal-impjegati
  • kontinwità tal-operat
  • firxa ġeografika

Passi li jmiss

Il-Kummissjoni ser tippubblika valutazzjoni tal-offerti abbażi tal-kriterji maqbula sat-30 ta' Settembru 2017. Il-ministri ser ikollhom diskussjoni politika abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni f'Ottubru 2017, fil-marġini tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali (Art. 50).

Id-deċiżjoni ser tittieħed fil-marġini tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali (Art. 50) f'Novembru 2017 permezz ta' votazzjoni mis-27 ministru. L-offerti kollha ser jiġu sottomessi għal votazzjoni dment li ma jiġux irtirati mill-pajjiżi kkonċernati. Il-votazzjoni ser tikkonsisti minn ċikli suċċessivi ta’ votazzjoni skont il-bżonn, fejn il-voti jintefgħu b’mod sigriet u kull wieħed mis-27 stat membru jkollu l-istess numru ta’ voti.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024