- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 13 ta' Ottubru 2017 14:10
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea għat-tielet laqgħa tal-Assemblea tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent
Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea għat-tielet laqgħa tal-Assemblea tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEA-3) (Nairobi, mill-4 sas-6 ta' Diċembru 2017):
"FILWAQT LI JFAKKAR li l-Assemblea tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (l-Assemblea) tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent hija l-ogħla korp fid-dinja għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-ambjent;
FILWAQT LI JFAKKAR li l-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent huwa l-iktar awtorità ambjentali globali prominenti li tistabbilixxi l-aġenda ambjentali globali, tippromwovi l-implimentazzjoni koerenti tad-dimensjoni ambjentali tal-iżvilupp sostenibbli fi ħdan is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u sservi bħala promotur awtorevoli għall-ambjent globali;
FILWAQT LI JIRRIAFFERMA l-impenn tal-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Membri tagħha għall-implimentazzjoni integrata tal-Aġenda 2030 u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tagħha, l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa dwar il-finanzjament għall-iżvilupp, il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima, il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika, il-ftehimiet dwar il-prodotti kimiċi u l-iskart u ftehimiet ambjentali oħrajn; u JINNOTA li dawn l-impenji multilaterali juru l-ħtieġa u l-kapaċità tal-Istati Membri kollha tan-NU li jaħdmu flimkien biex jindirizzaw kwistjonijiet globali;
FILWAQT LI JFAKKAR fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill "Ġejjieni Ewropew sostenibbli: It-tweġiba tal-UE għall-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli" tal-20 ta' Ġunju 2017 [1] bħala pass importanti lejn il-kisba tal-SDGs b'mod bilanċjat u integrat;
FILWAQT LI JENFASIZZA l-impenn tal-UE u tal-Istati Membri tagħha li jaħdmu b'mod attiv f'kooperazzjoni ma' Stati Membri oħra tan-NU, is-settur privat, l-akkademja u s-soċjetà ċivili biex ikunu minn ta' quddiem fit-trasferiment tal-għarfien u f'azzjoni orjentata lejn soluzzjonijiet sabiex jinkisbu ekonomija ċirkolari u tkabbir sostenibbli inklużiv;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXI li t-tniġġis huwa sfida globali urġenti, sikwit b'impatt transkonfinali u konsegwenzi bi prova xjentifika li jmorru ferm lil hinn mill-ambjent, inkluż fuq is-saħħa u l-benesseri tal-bniedem u speċjalment fuq gruppi vulnerabbli;
FILWAQT LI JISSOTTOLINJA li ġie stmat li madwar 6.5 miljun ruħ madwar id-dinja jmutu qabel iż-żmien kull sena wara li jkunu esposti għal tniġġis tal-arja fuq barra u ġewwa [2]; 58 % tal-każijiet ta' mard tad-dijarea huma minħabba tniġġis tal-ilma u nuqqas ta' aċċess għall-ilma nadif u għas-sanità [3]; 2 biljuni persuni madwar id-dinja m'għandhomx aċċess għal ġbir ta' skart solidu [4]; madwar 4.8–12.7 miljun tunnellata metrika ta' skart tal-plastik huwa maħsub li daħal fl-oċean fl-2010 [5] u 557 speċi fost il-gruppi kollha ta' speċi selvaġġi ġew affettwati minn tħabbil jew inġestjoni ta' skart tal-plastik fil-baħar [6]; u li l-ispejjeż tat-tniġġis kimiku (komposti organiċi volatili, ċomb, merkurju) jammontaw għal USD 480 biljun[7];
FILWAQT LI JISSOTTOLINJA l-importanza tal-prevenzjoni u azzjoni bikrija biex jiġi indirizzat it-tniġġis; FILWAQT LI JFAKKAR f'dan ir-rigward fil-prinċipji ta' prekawzjoni u ta' min iniġġes iħallas, u FILWAQT LI JIRRIAFFERMA il-ħtieġa għall-applikazzjoni effikaċi tagħhom;
FILWAQT LI JENFASIZZA li jeħtieġ li t-tniġġis jiġi indirizzat b'mod effettiv fil-livelli globali, reġjonali, nazzjonali u lokali u FILWAQT LI JAĊĊENTWA f'dan ir-rigward il-bżonn ta' governanza tajba u FILWAQT LI JIEĦU approċċ koerenti u integrat;
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA
1. JILQA' t-tieletSessjoni li jmiss tal-Assemblea bit-tema ġenerali "Towards a Pollution-Free Planet" (Għal Pjaneta Mingħajr Tniġġis) li għandha l-għan li tavvanza azzjoni ambizzjuża, effettiva u kollaborattiva għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis, u JAPPREZZA l-ħidma li saret mill-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent biex jipprovdi informazzjoni xjentifika dwar kwistjonijiet relatati mat-tniġġis u biex jippromwovi l-koerenza politika, b'mod partikolari l-kontribut sostanzjali mir-Rapport tad-Direttur Eżekuttiv tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent dwar it-tema tat-tieletSessjoni tal-Assemblea;
2. JENFASIZZA l-importanza fundamentali ta' azzjoni koordinata u ambizzjuża u mobilizzazzjoni internazzjonali mifruxa biex jiġi indirizzat it-tniġġis, filwaqt li jitqiesu r-rabtiet mat-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità u d-deżertifikazzjoni, sabiex jiġu prevenuti u jitnaqqsu b'mod sostanzjali l-effetti ħżiena fuq is-saħħa u l-benesseri tal-bniedem, l-ekosistemi u l-ispeċi ħajjin, billi jirriżulta li t-tniġġis jaffettwa l-ilma u s-sigurtà tal-ikel, l-iżvilupp ekonomiku u l-ġustizzja soċjali, inkluż l-ugwaljanza fis-settur tas-saħħa;
3. JIRRIAFFERMA l-interkonnessjonijiet b'saħħithom bejn l-ambjent u s-saħħa u l-importanza li dawn jiġu indirizzati b'mod konġunt; JAPPELLA lit-tieletSessjoni tal-Assemblea biex tiddeċiedi dwar azzjonijiet u miżuri konkreti biex jiġu indirizzati kwistjonijiet speċifiċi li għandhom impatti ħżiena fuq is-saħħa u l-ambjent, bħall-metalli tqal, ir-reżistenza għall-antimikrobiċi, l-interferenti endokrinali, u l-użu li qiegħed jiżdied ta' pestiċidi u fertilizzanti perikolużi; JIRRIKONOXXI li t-telf tal-bijodiversità huwa multiplikatur importanti tar-riskji tas-saħħa, anke peress li jaggrava l-isfidi ambjentali; u JISSOTTOLINJA l-benefiċċji għas-saħħa u l-benesseri li jirriżulta mill-protezzjoni tal-bijodiversità u l-irkupru ta' ekosistemi degradati;
4. JENFASIZZA l-ħtieġa li l-Istati Membri kollha tan-NU jissorveljaw l-istatus u x-xejriet tal-kwalità tal-arja, jiddefinixxu għanijiet ambizzjużi għall-kwalità tal-arja, u jistabbilixxu politiki u miżuri għas-setturi rilevanti; JAPPELLA lill-Istati Membri kollha tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) biex jingħaqdu u jimplimentaw b'mod sħiħ il-Konvenzjoni fuq it-Tniġġis tal-Arja Transkonfini fuq Distanza Kbira u l-Protokolli riveduti għaliha, u biex jippromwovu l-kooperazzjoni tal-Konvenzjoni ma' fora reġjonali simili madwar id-dinja; JISSOTTOLINJA r-rilevanza li jiġu massimizzati s-sinerġiji bejn il-politiki dwar il-kwalità tal-arja u l-politiki dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-immaniġġar tas-sustanzi kimiċi u l-iskart, il-bijodiversità, is-saħħa, it-trasport, l-enerġija u l-agrikoltura; u JENFASIZZA li l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima tikkontribwixxi ferm għall-indirizzar tat-tniġġis tal-arja;
5. JENFASIZZA l-importanza li tiġi żgurata kwalità tajba tal-ilma tas-superfiċje u ta' taħt l-art, il-ħtieġa li jiġu implimentati miżuri biex jitjiebu l-monitoraġġ u l-valutazzjoni regolari tal-kwalità tal-ilma u li jiġi prevenut u jitnaqqas kemm jista' jkun it-tniġġis tal-ilma permezz ta' miżuri effettivi fis-sors u billi jiġu aċċellerati l-isforzi biex jitnaqqas l-ammont ta' ilma mormi fl-ambjent mingħajr ebda trattament jew bi trattament insuffiċjenti; JENFASIZZA l-importanza partikolari tal-kooperazzjoni internazzjonali dwar l-ilma, u JINKORAĠĠIXXI lill-Istati Membri tan-NU biex jingħaqdu u jimplimentaw il-Konvenzjoni tal-UNECE dwar l-Ilma [8], il-Protokolli rilevanti tagħha, u l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Passaġġi tal-Ilma [9];
6. JIRRIAFFERMA l-impenn tal-UE u tal-Istati Membri tagħha għad-Dikjarazzjoni "Our ocean, our future: call for action" ("L-Oċean tagħna, il-futur tagħna: appell għal azzjoni") adottata waqt il-Konferenza tan-NU dwar l-Oċeani [10], u JILQA' l-impenji volontarji li ttieħdu waqt din il-konferenza biex jiġi indirizzat it-tniġġis tal-baħar; JENFASIZZA l-ħtieġa li jiġi indirizzat b'mod urġenti t-tniġġis tal-baħar ta' kull tip, b'mod partikolari dak li jirriżulta minn attivitajiet fuq l-art skont l-approċċ "mis-sors għall-baħar", inkluż it-tniġġis minn nutrijenti, ilma mormi mhux trattat u sustanzi perikolużi, u skart fil-baħar, b'enfasi speċifika fuq il-plastik u l-mikroplastik, kif ukoll it-tniġġis akustiku u l-aċidifikazzjoni tal-oċeani; u JAPPELLA lill-Istati Membri tan-NU biex jiżviluppaw u jadottaw miżuri u inċentivi, inkluż leġislazzjoni, biex gradwalment jitneħħa l-mikroplastik minn sorsi ewlenin magħrufa, u titnaqqas il-produzzjoni tal-plastik u jiġi promoss l-użu sostenibbli tiegħu u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki madwar id-dinja;
7. JISSOTTOLINJA li jeħtieġ li l-Istati Membri tan-NU u l-organizzazzjonijiet rilevanti tan-NU jindirizzaw it-tniġġis tal-ħamrija u l-kontaminazzjoni tal-ħamrija kemm minn sorsi diffużi kif ukoll minn dawk puntiformi u l-implikazzjonijiet mifruxa ta' dawn, bħat-tniġġis sekondarju tal-arja, l-impatt fuq is-saħħa tal-bniedem, l-agrikoltura u s-sigurtà tal-ikel, il-bijodiversità u l-ekosistemi u t-tniġġis min-nitroġenu; JIRRIKONOXXI li hemm nuqqas kbir ta' għarfien dwar il-firxa tat-tniġġis tal-ħamrija u l-impatt tiegħu fuq l-ambjent u s-saħħa; u JISTIEDEN lit-tieletSessjoni tal-Assemblea biex tindirizzah;
8. JENFASIZZA r-rwol importanti ta' ġestjoni tajba tal-kimiki u l-iskart fiċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tagħhom biex jiġi żgurat il-benesseri tas-soċjetà, jinkisbu l-għanijiet rilevanti tal-Aġenda 2030, kif ukoll titwettaq it-transizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, filwaqt li jitqies il-fatt li, iż-żieda fil-produzzjoni, fl-użu u fil-kummerċ ta' kimiki fil-livell globali qed tixħet piż akbar fuq il-pajjiżi kollha, speċjalment fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw; JAĊĊENTWA wkoll ir-rwol possibbli tal-kimika sostenibbli u approċċi u soluzzjonijiet oħra, bħal alternattivi sikuri mhux kimiċi, kif rifless fir-Riżoluzzjoni 2/7 tal-Assemblea [11], fl-indirizzar ta' dawn l-isfidi; JAPPELLA lill-Istati Membri tan-NU biex iżidu l-għarfien dwar is-sustanzi perikolużi u l-iskambju ta' informazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi fil-prodotti, u jissostitwixxu l-kimiki perikolużi b'alternattivi aktar sikuri; JILQA' d-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta' Minamata; u JAPPELLA lill-Istati Membri tan-NU kollha biex jirratifikaw il-konvenzjoni u jaħdmu għall-implimentazzjoni effettiva tagħha;
9. JISSOTTOLINJA l-ħtieġa li l-muniċipalitajiet jiġu involuti fi programmi għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis fil-bliet u jgħinu fil-ħolqien ta' alleanzi biex jiġu promossi l-aħjar prattiki, l-innovazzjonijiet teknoloġiċi u l-governanza tajba, filwaqt li ssir enfasi fuq ir-rilevanza tagħhom għall-implimentazzjoni tal-SDG 11 tal-Aġenda 2030; u JAPPELLA għall-implimentazzjoni tal-Aġenda Urbana Ġdida, li tindirizza fost oħrajn it-tniġġis tal-arja, tal-ilma, tal-baħar, tal-ħamrija u dak akustiku, il-ħtieġa ta' maniġġar sostenibbli tal-iskart solidu kif ukoll l-użu sostenibbli tal-art;
10. JISSOTTOLINJA li sabiex jinkisbu riżultati konkreti f'termini ta' prevenzjoni u tnaqqis globali fit-tniġġis, jeħtieġ li nagħmlu bidliet fundamentali fil-mod kif is-soċjetajiet tagħna jipproduċu u jikkunsmaw il-prodotti u s-servizzi, inkluż billi jiġu promossi stili ta' ħajja sostenibbli, finanzjament sostenibbli u l-ekonomija ċirkolari permezz tal-ekoinnovazzjoni, il-kondiviżjoni ta' informazzjoni dwar is-sostenibbiltà tal-prodotti, l-approċċ ibbażat fuq ir-riduzzjoni, ir-riużu u r-riċiklaġġ, l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi, approċċi integrati fiċ-ċiklu tal-ħajja, l-iżvilupp ta' teknoloġiji u mudelli kummerċjali ġodda bil-ħsieb li tinkiseb ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b'livelli baxxi ta' emissjonijiet ta' karbonju, u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati fl-iskambju tal-aħjar prattiki u tal-għarfien espert; IĦEĠĠEĠ biex it-tieletSessjoni tal-Assemblea tippromwovi dawn l-approċċi; u JILQA' l-intenzjoni tal-Bord Internazzjonali għar-Riżorsi li jikkontribwixxi għat-tieletSessjoni tal-Assemblea bil-valutazzjoni tal-użu tar-riżorsi globali u r-rabta bejn l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u t-tnaqqis tat-tniġġis;
11. JISTENNA B'INTERESS l-adozzjoni mit-tieletSessjoni tal-Assemblea ta' dikjarazzjoni ministerjali ambizzjuża, konċiża u orjentata lejn azzjoni, li tesprimi l-impenn politiku tal-Istati Membri kollha tan-NU biex jindirizzaw b'mod effettiv it-tniġġis, inkluż it-tniġġis transkonfinali;
12. JISSOTTOLINJA l-ħtieġa li jkomplu jissaħħu u jiżdiedu l-kooperazzjoni internazzjonali u reġjonali biex l-indirizzar tat-tniġġis b'mod integrat jirnexxi, jiġu promossi l-interkonnessjonijiet u jitfittxu aktar sinerġiji permezz ta' korpi rilevanti tan-NU, ftehimiet ambjentali multilaterali u inizjattivi internazzjonali; u JISTIEDEN lit-tieletSessjoni tal-Assemblea biex tagħti mandat lill-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent biex jistabbilixxi programm ta' azzjoni għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis, billi jibbaża fuq mekkaniżmi eżistenti fejn adatt;
13. JILQA' l-inizjattiva tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent biex, fil-kuntest tat-tieletSessjoni tal-Assemblea, jappella għal wegħdiet u impenji volontarji sinifikanti biex tittieħed azzjoni għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis, billi dawn l-impenji jikkostitwixxu parti kruċjali tal-eżiti tat-tieletSessjoni tal-Assemblea u jsaħħu l-orjentament tagħha lejn l-azzjoni; JILQA' l-wegħdiet u l-impenji li diġà saru; u JAPPELLA lill-Istati Membri kollha tan-NU, lill-korpi rilevanti tan-NU, is-soċjetà ċivili, is-settur akkademiku u s-settur privat biex juru l-ambizzjoni globali tagħhom u azzjoni orjentata lejn soluzzjonijiet;
14. JAPPELLA lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jippreżentaw, qabel it-tieletSessjoni tal-Assemblea, azzjonijiet speċifiċi kontra t-tniġġis, sabiex jiġu rreġistrati impenji volontarji rilevanti fil-kuntest tat-tieletSessjoni tal-Assemblea;
15. JAĊĊENTWA l-importanza tal-edukazzjoni, it-tagħlim tul il-ħajja u s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar l-isfidi ambjentali sabiex tiġi enfasizzata r-responsabbiltà personali għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis permezz ta' stili ta' ħajja u mudelli ta' konsum aktar sostenibbli; JISTIEDEN, f'dan il-kuntest, lill-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent biex jipprovdi gwida rigward informazzjoni dwar is-sostenibbiltà tal-prodotti; u JENFASIZZA l-importanza li l-eżiti tat-tieletSessjoni tal-Assemblea jiġu kkomunikati lill-pubbliku ġenerali b'mod attraenti u aċċessibbli, sabiex kull persuna tkun tista' tifhem l-importanza tal-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis, u kif dan ser ikun ta' benefiċċju għal saħħithom, il-benesseri tagħhom u l-ambjent li jgħixu fih, u b'hekk jiġi spjegat ir-rwol tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent u l-Assemblea fil-ħidma biex issir differenza sinifikanti u pożittiva għall-pjaneta u l-ħajja ta' kuljum tan-nies;
16. JILQA' l-istedina permanenti tal-Assemblea Ġenerali tan-NU lill-President tal-Assemblea tan-NU għall-Ambjent għas-sessjoni tal-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (HLPF); JAĊĊENTWA l-kontribut tal-Assemblea fl-għoti ta' gwida politika u d-definizzjoni tar-reazzjonijiet politiċi biex jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali emerġenti u persistenti fl-implimentazzjoni tal-SDGs; JENFASIZZA li l-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis huma meħtieġa għat-twettiq tal-Aġenda 2030; u JAPPELLA lit-tieletSessjoni tal-Assemblea biex twassal messaġġi politiċi ċari għar-rieżami dettaljat tal-SDGs 6, 7, 11, 12 u 15 fl-HLPF fl-2018."
[1] Dok. 10370/17.
[2] Rapport "Towards a Pollution-Free Planet" (2017), paġna III.
[3] Rapport "Towards a Pollution-Free Planet" (2017), paġna III.
[4] Rapport "Towards a Pollution-Free Planet" (2017), paġna III.
[5] J. R. Jambeck et al., Plastic waste inputs from land into the ocean (Science, 13 ta' Frar 2015).
[6] Kühn, S., et al., Deleterious Effects of Litter on Marine Life, Bergmann, M., et al., Marine Anthropogenic Litter (Springer, 2015).
[7] Rapport "Towards a Pollution-Free Planet" (2017), paġna II.
[8] Konvenzjoni fuq il-Protezzjoni u l-Użu ta' Passaġġi tal-Ilma Transkonfinali u Għadajjar Internazzjonali, Helsinki, 1992.
[9] Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Użu Mhux Navigazzjonali tal-Passaġġi tal-Ilma Internazzjonali, New York, 1997.
[10] Approvata bir-Riżoluzzjoni 71/312 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU fis-6 ta' Lulju 2017.
[11] UNEA 2/7 "Sound management of chemicals and waste".
Kuntatti għall-istampa
-
Peristera Dimopoulou Press officer
- +32 471 33 53 26
- +32 2 281 61 56
- @eri_dimopoulou
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024