Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 28 ta' Settembru 2018 10:20

Superkompjuters: il-Kunsill jaqbel li jiżviluppa infrastruttura fit-teknoloġija avvanzata

Illum il-Kunsill adotta regolament bil-għan li jagħti spinta lill-computing ta' prestazzjoni għolja permezz tat-twaqqif ta' impriża konġunta Ewropea ġdida. Din l-impriża ser tissorvelja l-ġbir komuni ta' riżorsi fl-Ewropa biex jiġu żviluppati superkompjuters għall-ipproċessar ta' big data, li hija għodda essenzjali li tgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi tad-dinja tal-lum.

Il-computing ta' prestazzjoni għolja huwa fundamentali għar-riċerka kif ukoll għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija u l-ekonomija tad-data. Għandu ħafna applikazzjonijiet prattiċi li jistgħu jgħinu lil firxa wiesgħa ta' setturi industrijali u kummerċjali, kif ukoll lil utenti mid-dinja akkademika, il-komunitajiet xjentifiċi u s-settur pubbliku. Il-kapaċitajiet xjentifiċi, il-kompetittività industrijali u l-awtonomija tal-Ewropa jiddependu minn aċċess għal superkompjuters u infrastruttura tad-data ta' klassi dinjija. Il-Computing ta' Prestazzjoni Għolja jaqdi rwol kruċjali minħabba li jgħinna nindirizzaw kwistjonijiet bħat-tbassir tat-tibdil fil-klima, l-immudellar tal-mediċina avvanzata u l-intelliġenza artifiċjali. Iżda sabiex inkunu attur globali rilevanti jeħtieġ li fl-Ewropa nikkoordinaw l-approċċ tagħna u niġbru flimkien ir-riżorsi tagħna. Id-deċiżjoni tal-lum ser tippermetti lill-Unjoni biex tiżviluppa, timplimenta, testendi u żżomm fis-seħħ infrastruttura integrata tas-supercomputing u tad-data ta' klassi dinjija. Heinz Faßmann, Ministru Federali Awstrijak għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u r-Riċerka

Sħubija pubblika-privata

L-impriża konġunta Ewropea għall-computing ta' prestazzjoni għolja (''EuroHPC'') ser tieħu l-forma ta' sħubija pubblika-privata. Hija ser tipprovdi qafas legali, kuntrattwali u organizzazzjonali lill-membri tagħha.

Il-membri tal-impriża konġunta ser ikunu l-UE, pajjiżi individwali tal-UE, pajjiżi terzi assoċjati mal-programm qafas Orizzont 2020 u assoċjazzjonijiet privati.

L-impriża konġunta ser tibqa' miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' membri ġodda. Ser tibqa' għaddejja sa tmiem l-2026 u tkun ibbażata fil-Lussemburgu.

Finanzjament tal-proġett

L-impriża konġunta tal-EuroHPC ser tiġi ffinanzjata minn diversi sorsi: il-baġit ġenerali tal-UE, kontribuzzjonijiet individwali mill-istati membri parteċipanti tal-UE, pajjiżi terzi parteċipanti u investiment privat.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-baġit ġenerali tal-UE ser tammonta għal € 486 miljun: € 386 miljun mill-programm qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni ''Orizzont 2020'' u € 100 miljun mill-programm ''Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa''.

Passi li jmiss

L-impriża konġunta mistennija tibda topera sa mhux aktar tard mill-bidu tal-2019 sabiex tintlaħaq il-mira li l-UE tiġi mgħammra b'infrastruttura fuq skala preeksa u skala peta sal-2020, u jiġu żviluppati t-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet meħtieġa għall-ksib ta' kapaċitajiet tal-iskala eksa (li tippermetti mill-inqas 1018 kalkolu fis-sekonda) madwar l-2022 u l-2023.

L-għan huwa li jiġu netwerkjati ċentri ta' eċċellenza eżistenti u ġodda u biex tiġi stabbilita ekosistema fit-tul għas-supercomputing fl-Ewropa.

Ċiklu ta' żvilupp tal-ġenerazzjoni li jmiss ta' teknoloġija tipikament jieħu bejn erba' u ħames snin.

Kuntest

Computing ta' prestazzjoni għolja tirreferi għat-teknoloġiji u l-użu ta' supercomputers b'saħħithom (interkonnessi f'sistema waħda jew qrib mijiet ta' eluf jew miljuni ta' unitajiet tal-computing li jaħdmu b'mod parallel) biex jitwettqu komputazzjonijiet massivi u malajr li tant huma kumplessi li ma jistgħux jitwettqu b'kompjuters ta' skopijiet ġenerali.

Fil-11 ta' Jannar 2018, il-Kummissjoni pproponiet regolament għall-istabbiliment tal-impriża konġunta tal-EuroHPC abbażi tal-artikoli 187 u 188 tat-trattat tal-UE.

Fit-23 ta' Marzu 2017, diversi stati membri ffirmaw id-dikjarazzjoni tal-EuroHPC, filwaqt li impenjaw ruħhom li jaħdmu lejn l-iżvilupp ta' infrastruttura integrata tas-supercomputing tal-ġenerazzjoni li jmiss.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024