- Kunsill Ewropew
- Dikjarazzjoni u kummenti
- 10 ta' Marzu 2020 20:00
Konklużjonijiet mill-President tal-Kunsill Ewropew wara l-vidjokonferenza dwar COVID-19
Il-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern laqgħu l-inizjattiva biex issir din il-vidjokonferenza dwar COVID-19.
L-istati membri esprimew simpatija mal-Italja u ma' stati membri oħra li huma milqutin serjament.
Matul il-vidjokonferenza li saret fl-10 ta' Marzu 2020, enfasizzajna l-ħtieġa li naħdmu flimkien u li nagħmlu dak kollu li hu meħtieġ u li naġixxu malajr. Enfasizzajna l-ħtieġa għal approċċ Ewropew konġunt u koordinazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea. Il-ministri għas-Saħħa u l-ministri għall-Intern għandhom jikkonsultaw kuljum biex jiżguraw koordinazzjoni xierqa u jimmiraw għal gwida Ewropea komuni.
Matul il-laqgħa, ġew skambjati informazzjoni u prattiki u ġew identifikati erba' prijoritajiet.
1) Il-limitazzjoni tal-firxa tal-virus. L-istati membri qablu li s-saħħa taċ-ċittadini tagħna hija l-ewwel prijorità, u li l-miżuri għandhom ikunu bbażati fuq ix-xjenza u l-parir mediku. Il-miżuri jeħtieġ li jkunu proporzjonati sabiex ma jkollhomx konsegwenzi eċċessivi għas-soċjetajiet tagħna inġenerali. Il-mexxejja qablu wkoll li f'dan ir-rigward ser jaqsmu l-informazzjoni rilevanti kollha permezz ta' mekkaniżmi ta' koordinazzjoni eżistenti.<>[1]>
2) Il-provvista ta' tagħmir mediku. Ftehim li jinkariga lill-Kummissjoni biex tanalizza l-ħtiġijiet u toħroġ b'inizjattivi biex jiġu evitati l-iskarsezzi. Il-Kummissjoni infurmat li ser tkompli bl-impenn tagħha mal-industrija u bl-akkwisti pubbliċi konġunti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni biħsiebha tixtri tagħmir ta' protezzjoni personali permezz tal-Qafas tal-Protezzjoni Ċivili - RescEU. Għandu jiġi żgurat li s-suq intern jaħdem kif suppost u jiġi evitat kwalunkwe ostaklu mhux ġustifikat. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-maskli u r-respiraturi.
3) Il-promozzjoni tar-riċerka, inkluż għal vaċċin. L-istati membri enfasizzaw l-importanza li jissaħħu l-isforzi fuq ir-riċerka. Il-Kummissjoni diġà mmobilizzat €140 miljun f'fondi u għażlet 17-il proġett biex tagħmel dan.
4) L-indirizzar tal-konsegwenzi soċjoekonomiċi. L-Unjoni u l-istati membri tagħha, aħna ninsabu lesti li nużaw l-istrumenti kollha li huma meħtieġa. B'mod partikolari, ser nindirizzaw kwalunkwe impatt fuq il-likwidità, fuq l-appoġġ għall-SMEs u għal setturi speċifiċi affettwati, u fuq l-impjegati tagħhom. Ser tkun meħtieġa l-applikazzjoni flessibbli tar-regoli tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat u l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.
Il-Kummissjoni ser tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi fl-Unjoni u ser tieħu l-inizjattivi kollha meħtieġa. L-istati membri u l-istituzzjonijiet ser isegwu mill-qrib u immedjatament.
L-istati membri u l-istituzzjonijiet ser jagħmlu segwitu fil-livelli kollha immedjatament. Il-Kunsill Ewropew ser jerġa' jiddiskuti din il-kwistjoni matul is-summit tas-26-27 ta' Marzu, biex jieħu kwalunkwe deċiżjoni ulterjuri li tkun meħtieġa.
<>[1]> IPCR (Rispons Politiku Integrat f'Sitwazzjonijiet ta' Kriżi) imniedi mill-Presidenza Kroata. L-ECDC (Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard) ser jappoġġa lill-istati membri u jipprovdi linji gwida.
Kuntatti għall-istampa
-
Beatriz Navarro Deputy spokesperson for the European Council President
- +32 471 33 22 92
- +32 2 281 51 50
- @beanavarro
- @beanavarro.bsky.social
-
Maria Tomasik Spokesperson for the European Council President
- +32 470 88 23 83
- +32 2 281 51 50
- @maria_tomasik
- @mariatomasik.bsky.social
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024