Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 22 ta' Lulju 2020 11:10

REACT-EU: il-Kunsill jaqbel dwar il-pożizzjoni ta' negozjar parzjali tiegħu

L-UE qed tipprovdi finanzjament u flessibbiltà addizzjonali fl-użu tal-fondi strutturali biex tgħin l-isforzi ta' rkupru tal-istati membri wara t-tifqigħa tal-COVID-19.

L-ambaxxaturi għall-UE, imlaqqgħin fi ħdan il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti, illum approvaw il-pożizzjoni parzjali tal-Kunsill dwar REACT-EU, l-inizjattiva tal-UE bl-akbar impatt fuq perjodu ta' żmien qasir għal dak medju, kif ukoll dwar sensiela ta' emendi għal proposti leġiżlattivi fit-tul.

Peter Altmaier, Ministru Federali għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Enerġija, Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill
Irridu niżguraw li r-reġjuni Ewropej mhux biss jegħlbu l-kriżi iżda joħorġu minnha aktar b'saħħithom. F'dan ir-rigward, l-adozzjoni fil-pront ta' REACT-EU ser tgħin biex jingħata malajr appoġġ lir-reġjuni u t-territorji u ser tgħin biex tipprevjeni li jikbru d-disparitajiet bħala riżultat tal-pandemija.
Peter Altmaier, Ministru Federali għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Enerġija, Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill
Peter Altmaier, Ministru Federali għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Enerġija, Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill

REACT-EU ser tipprovdi riżorsi addizzjonali eċċezzjonali lill-istati membri li għandhom jintużaw biex isaħħu l-ekonomija u l-impjiegi fir-reġjuni l-aktar milquta u jħejju rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti.

Ir-riżorsi ser ikunu disponibbli fl-2021 u fl-2022 biex b'hekk iservu bħala pont mir-rispons ta' emerġenza għall-COVID-19 sal-fażi li jmiss fejn tissewwa l-ekonomija fit-tul.

REACT-EU ser tappoġġa primarjament is-servizzi tas-saħħa u l-SMEs, il-ħarsien tal-impjiegi u l-ħolqien tal-impjiegi, partikolarment għal persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, l-impjieg taż-żgħażagħ, u l-aċċess għas-servizzi soċjali. L-istati membri jistgħu wkoll iżidu l-allokazzjonijiet għall-programmi għal dawk l-aktar fil-bżonn.

Pakkett ta' koeżjoni 2021-2027

Illum ukoll, l-ambaxxaturi għall-UE approvaw il-pożizzjoni parzjali aġġornata tal-Kunsill, li tqis l-emendi għall-fondi strutturali għall-perjodu ta' programmazzjoni 2021–2027.

Il-bidliet għall-pakkett leġiżlattiv, li oriġinarjament kien propost f'Mejju 2018, jintroduċu miżuri mmirati biex jindirizzaw il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19.

Konsegwentement, il-pożizzjoni tal-Kunsill tapprova r-rwol tal-kultura u t-turiżmu fl-iżvilupp ekonomiku, l-inklużjoni soċjali u l-innovazzjoni soċjali. Dan ifisser li l-istati membri ser ikunu jistgħu jinvestu aktar f'dawn iż-żewġ setturi, li ntlaqtu ħażin ħafna mill-pandemija.

Barra minn hekk, dispożizzjoni ġdida tippermetti l-adozzjoni ta' miżuri temporanji għall-użu flessibbli tal-fondi fi żminijiet ta' kriżi fil-futur.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill teskludi l-elementi finanzjarji tal-proposti, inkluż REACT-UE, li għad iridu jiżdiedu mal-mandat ta' negozjar wara l-qbil ġenerali li ntlaħaq fil-21 ta' Lulju dwar il-baġit fit-tul u l-pakkett ta' rkupru tal-UE.

Il-passi li jmiss

Ladarba l-Parlament Ewropew ikun qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposti leġiżlattivi, jibdew in-negozjati bejn iż-żewġ istituzzjonijiet bil-għan li jintlaħaq qbil.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 25 ta' Marzu 2025