Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 10 ta' Novembru 2020 15:45

Il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss u l-pakkett għall-irkupru: Il-presidenza tal-Kunsill tilħaq qbil politiku mal-Parlament Ewropew

Il-presidenza Ġermaniża tal-Kunsill illum laħqet qbil politiku man-negozjaturi tal-Parlament Ewropew f'taħditiet bil-għan li jiġi żgurat l-approvazzjoni tal-Parlament għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, il-baġit fit-tul tal-UE.

Il-ftehim intlaħaq wara konsultazzjonijiet intensivi mal-Parlament u l-Kummissjoni li ilhom għaddejjin mill-aħħar ta' Awwissu. Huwa jikkomplementa l-pakkett finanzjarju komprensiv ta' €1 824.3 biljun innegozjat mill-mexxejja tal-UE f'Lulju, li jgħaqqad il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss – €1 074.3 biljun – u l-istrument ta' rkupru temporanju ta' €750 biljun, Next Generation EU (fi prezzijiet tal-2018).

Il-pakkett politiku maqbul mal-Parlament jinkludi:

  • tisħiħ immirat tal-programmi tal-UE, inkluż Orizzont Ewropa, il-programm l-UE għas-Saħħa u Erasmus+, b'€15 biljun permezz ta' mezzi addizzjonali (€12.5 biljun) u riallokazzjonijiet (€2.5 biljun) matul il-perjodu finanzjarju li jmiss, filwaqt li jiġu rrispettati l-limiti massimi tan-nefqa stabbiliti fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 sal-21 ta' Lulju
  • aktar flessibbiltà biex l-UE tkun tista' tirrispondi għal ħtiġijiet mhux previsti
  • involviment akbar tal-awtorità tal-baġit fis-sorveljanza tad-dħul taħt Next Generation EU
  • ambizzjoni akbar dwar il-bijodiversità u monitoraġġ imsaħħaħ tan-nefqa relatata mal-bijodiversità, il-klima u l-ġeneru
  • pjan direzzjonali indikattiv lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda

Il-ftehim issa ser jiġi ppreżentat lill-istati membri għall-approvazzjoni flimkien mal-elementi l-oħra tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss u l-pakkett ta' rkupru, inkluż ir-reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, li dwaru l-presidenza tal-Kunsill u n-negozjaturi tal-Parlament laħqu qbil proviżorju fil-5 ta' Novembru.

In-negozjati mal-Parlament ħadu ż-żmien, iżda fl-aħħar irnexxielna – ilħaqna ftehim politiku dwar l-aħħar dettalji tal-baġit fit-tul li jmiss tal-UE. Dan huwa ftehim ibbilanċjat sew, li jindirizza l-kwistjonijiet imqajma mill-Parlament filwaqt li jirrispetta l-gwida li ngħatat mill-Kunsill Ewropew f'Lulju. Issa ninsabu f'pożizzjoni li nieħdu l-passi kruċjali li jmiss fil-proċess – nippreżentaw il-partijiet differenti tal-pakkett lill-istati membri u lill-Parlament għall-approvazzjoni. L-Ewropa ntlaqtet ħażin ħafna mit-tieni mewġa tal-pandemija tal-coronavirus. Neħtieġu b'mod urġenti li l-fond ta' rkupru jibda jitħaddem sabiex intaffu l-konsegwenzi ekonomiċi gravi tal-pandemija. Nittama li kulħadd jifhem l-urġenza tas-sitwazzjoni u jgħin biex titwitta t-triq għall-implimentazzjoni rapida tal-baġit tal-UE u l-pakkett ta' rkupru – m'hemmx lok għal ostakli ġodda u aktar dewmien. Michael Clauß, Rappreżentant Permanenti tal-Ġermanja għall-UE

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024