"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Aċċess faċli għall-informazzjoni korporattiva għall-investituri: Intlaħaq ftehim proviżorju dwar il-Punt ta' Aċċess Uniku Ewropew (ESAP)
L-UE dalwaqt toħloq punt ta' aċċess uniku għall-informazzjoni pubblika finanzjarja u relatata mas-sostenibbiltà dwar il-kumpaniji tal-UE u l-prodotti ta' investiment tal-UE. Illum, in-negozjaturi mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju dwar tliet proposti li joħolqu Punt ta' Aċċess Uniku Ewropew (ESAP), li huwa parti mill-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU).
Il-Ftehim tal-lum huwa aħbar tajba kemm għan-negozji Ewropej kif ukoll għall-investituri madwar id-dinja. Wasalna biex noħolqu pjattaforma li ser tagħmilha ħafna aktar faċli biex jinstabu u jitqabblu prodotti ta' investiment u kumpaniji, inkluż SMEs, li huma sostenibbli u li għandhom futur finanzjarju promettenti. Dan ser jgħin lin-negozji Ewropej isiru saħansitra aktar attraenti għall-investituri.
Elisabeth Svantesson, Ministru għall-Finanzi tal-Iżvezja
Aċċess bla ħlas, faċli għall-utent, ċentralizzat u diġitali għal informazzjoni finanzjarja u relatata mas-sostenibbiltà ppubblikata minn kumpaniji Ewropej, inkluż kumpaniji żgħar, ser jiffaċilita l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet għal firxa wiesgħa ta' investituri, inkluż investituri fil-livell tal-konsumatur. Billi jżid iċ-ċirkolazzjoni tal-informazzjoni, anke bejn il-fruntieri, u billi jżid l-użu diġitali ta' dik l-informazzjoni, l-ESAP ser ikompli jrawwem l-integrazzjoni tas-servizzi finanzjarji u s-swieq kapitali fl-Unjoni u jgħin biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali.
L-ESAP ma jimponi ebda rekwiżit ta' rapportar ta' informazzjoni addizzjonali fuq il-kumpaniji Ewropej. Dan għaliex l-ESAP ser jipprovdi aċċess għall-informazzjoni li diġà saret pubblika b'applikazzjoni tad-direttivi u r-regolamenti Ewropej rilevanti. L-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà ser tkun disponibbli kmieni fl-ESAP, b'appoġġ għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.
Skont il-ftehim proviżorju, il-pjattaforma tal-ESAP hija mistennija tkun disponibbli mis-sajf tal-2027 u tiġi introdotta gradwalment biex tippermetti implimentazzjoni robusta. Abbażi ta' fażijiet koerenti, din l-introduzzjoni gradwali ser tiżgura li r-regolamenti u d-direttivi Ewropej, skont il-prijorità tagħhom, jidħlu fl-ambitu tal-ESAP fi żmien erba' snin. Dan jiżgura li jkun hemm biżżejjed żmien disponibbli biex jiġu definiti u implimentati l-aspetti tekniċi meħtieġa tal-proġett. Matul dan iż-żmien, ser issir ukoll valutazzjoni regolari tal-funzjonament tal-ESAP u klawżola ta' rieżami li għandha tiggarantixxi l-adegwatezza tal-pjattaforma għall-ħtiġijiet tal-utenti tagħha u l-effiċjenza teknika tagħha.
Mill-bidu nett (il-fażi 1), il-koleġiżlaturi qablu li l-ambitu għandu jinkludi informazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 236/2012 dwar il-bejgħ ta' pożizzjoni qasira, ir-Regolament (UE) 2017/1129 dwar il-prospett u d-Direttiva 2004/109/KE dwar it-trasparenza.
Sitt xhur wara li l-ESAP ikun sar pubbliku (48 xahar wara d-dħul fis-seħħ), tibda l-fażi 2. L-ambitu tal-fażi 2 ser ikun pjuttost wiesgħa u jinkludi, fost l-oħrajn, informazzjoni skont divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fir-regolament dwar is-settur tas-servizzi finanzjarji (SFDR), ir-regolament dwar l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu (CRA) u r-regolament dwar il-parametri referenzjarji.
Matul it-tielet u l-aħħar fażi, tiżdied mal-ambitu informazzjoni rilevanti li tirriżulta minn madwar 20 biċċa leġiżlazzjoni addizzjonali, inkluż ir-regolament dwar ir-rekwiżiti kapitali (CRR), ir-regolament dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (MiFIR) u r-regolament tal-UE dwar il-bonds ekoloġiċi (EuGBR).
Il-ftehim huwa proviżorju peress li għad irid jiġi kkonfermat mill-Kunsill u l-Parlament qabel ma jkun jista' jiġi adottat formalment.
Informazzjoni ġenerali
Din il-proposta hija parti mill-pakkett tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali li l-Kummissjoni ppreżentat fil-25 ta' Novembru 2021. Il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposta fid-29 ta' Ġunju 2022. In-negozjati tat-trilogu mal-Parlament Ewropew bdew fit-8 ta' Marzu 2023 u ntemmu bil-ftehim proviżorju tal-lum.