- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 22 ta' Jannar 2024 12:30
Sudan: il-Kunsill iżid sitt entitajiet mal-lista tas-sanzjonijiet tal-UE
Dan id-dokument hu disponibbli b'lingwi mhux tal-UE :
Illum il-Kunsill adotta miżuri restrittivi kontra sitt entitajiet, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fis-Sudan, fejn għaddej il-ġlied bejn il-Forzi Armati Sudaniżi (SAF) u l-Forzi ta' Appoġġ Rapidu (RSF) u l-milizzji affiljati rispettivi tagħhom.
L-elenkar il-ġdid – l-ewwel wieħed fir-reġim tas-Sudan – jinkludi sitt entitajiet responsabbli għall-appoġġ ta' attivitajiet li jdgħajfu l-istabbiltà u t-tranżizzjoni politika tas-Sudan.
Fost l-entitajiet elenkati hemm żewġ kumpaniji involuti fil-manifattura ta' armi u vetturi għas-SAF (Defense Industries System u SMT Engineering); Zadna International Company for Investment Limited ikkontrollata mis-SAF u tliet kumpaniji involuti fl-akkwist ta' tagħmir militari għall-RSF (Al Junaid Multi Activities Co Ltd, Tradive General Trading u GSK Advance Company Ltd).
L-entitajiet elenkati huma soġġetti għall-iffriżar tal-assi. Il-forniment ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi, direttament jew indirettament, lilhom jew għall-benefiċċju tagħhom huwa pprojbit.
Fis-27 ta' Novembru 2023, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ħareġ dikjarazzjoni f'isem l-UE, fejn tenna li jikkundanna bil-qawwa l-ġlied kontinwu bejn is-SAF u l-RSF u l-milizzji affiljati rispettivi tagħhom. F'din id-dikjarazzjoni, huwa ddeplora wkoll l-eskalazzjoni drammatika tal-vjolenza u l-ħsara irreparabbli għall-ħajja tal-bniedem f'Darfur u fil-pajjiż kollu, kif ukoll il-ksur tad-Dritt Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Dritt Umanitarju Internazzjonali.
L-UE tibqa' mħassba ħafna dwar is-sitwazzjoni umanitarja fis-Sudan u tafferma mill-ġdid l-appoġġ sod tagħha għall-poplu Sudaniż u s-solidarjetà miegħu.
L-atti legali rilevanti ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Kuntest
Fid-9 ta' Ottubru 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta' attivitajiet li jdgħajfu l-istabbiltà u t-tranżizzjoni politika tas-Sudan.
- Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/384 tat-22 ta' Jannar 2024 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2023/2147 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta' attivitajiet li jimminaw l-istabbiltà u t-tranżizzjoni politika tas-Sudan
- Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/383 tat-22 ta' Jannar 2024 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta' attivitajiet li jdgħajfu l-istabbiltà u t-tranżizzjoni politika tas-Sudan
- Sudan: Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-Unjoni Ewropea dwar l-aħħar avvenimenti (stqarrija għall-istampa, 27 ta' Novembru 2023)
- Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika tas-Sudan
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 30 ta' Jannar 2025